Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #10141 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet din is-sena? Fejn u għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena ingħataw 47,872 ċitazzjoni mill-Pulizija dwar ksur tar-regolamenti tat-traffiku f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Leg 11 PQ #10142 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni reċidivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni reċidivi llum? Minn liema lokalità huma?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi skont il-Kodiċi Kriminali ta’ pajjiżna, kull persuna li, wara li tkun ġiet ikkundannata għal reat b’sentenza li tkun saret definittiva, tagħmel reat ieħor, dik il-persuna tkun meqjusa bħala reċidiva. Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub jinżamm taħt indiċi skont il-persuna sabiex ikun jista' jinħareġ ċertifikat ta' kondotta meta jkun hekk mitlub mill-persuna kkonċernata. Għaldaqstant mhux possibbli li jingħata dan it-tagħrif peress li jirrikkjedi illi r-reġistri kollha jiġu vverifikati.
Leg 11 PQ #10131 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Abbużi fuq servizzi soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rapportati abbużi jew allegati abbużi ta' xi servizz soċjali lid-dipartiment din is-sena? X'azzjoni ttieħdet? X'kien l-eżodu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Ġunju 2009, id-Direttorat (Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni) irċieva 492 rapport permezz ta’ telefonati, ittri, u emails dwar allegat abbuż ta’ benefiċċji soċjali. Informat ukoll li matul l-istess perijodu ġew investigati b’kollox 483 każ, li minnhom instab li 197 każ kienu bi ksur tal-provvedimenti tal-Att Dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) u għalhekk ġew referuti lid-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali għall-passi meħtieġa min-naħa ta’ din id-Diviżjoni. Mill-investigazzjonijiet li għamel id-Direttorat sab ukoll li 286 każ ma kienux qegħdin jiksru l-provvedimenti ta’ l-istess Att.
Leg 11 PQ #10132 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti illegali — rimpatrijati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li ġew rimpatrijati f'dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi wħud li reġgħu ġew lura wara li ntbagħtu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ immigranti illegali li ġew ripatrijati f’dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej: 2005 2006 2007 2008 2009* 955 780 338 260 319 * sa l-aħħar ta’ Settembru 2009 Infurmat ukoll li dawn iċ-ċifri jinkludu wkoll persuni ta’ nazzjonalità barranija li jkunu nstabu Malta illegalment. Ħadd minn dawn ma rega’ ntbagħat lura.
Leg 11 PQ #10133 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

immigranti illegali — ħarbu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li ħarbu minn Malta f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm inqabdu hawn Malta? Kemm minnhom inqabdu barra minn Malta u reġgħu itnbagħtu lura? Jekk kien hemm, fejn inqabdu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab informat illi matul dawn l-aħħar ħames, kien hemm 87 immigrant irregolari li kienu daħlu Malta u nstabu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Minn dawn 16 intbgħatu lura. Dawn kienu nqabdu l-Awstrija, l-Italja, l-Isvizzera, l-Ġermanja u l-Olanda.

Gżira, Tarxien, Sliema, Tignè u San Ġiljan — bini kbir

Question

Billi l-proġetti ta' bini kbir li qed isiru jew se jsiru ġol-Gżira, Tarxien, Sliema, Tignè u San Ġiljan se jwasslu għal żieda ta' traffiku mill-Imsida, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' traffic assessment sar fuq dawn il-proġetti? Kif se jolqot lir-residenti Msidjani? X'passi se jieħu l-Gvern biex l-impatt jitnaqqas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10136 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Imsida, Gżira u Tas-Sliema — żieda fit-traffiku

Question

Billi n-numru ta' vejikoli li qed jgħaddu mill-Imsida, Gżira u Tas-Sliema żdied u se jkompli jiżdied, jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed isir biex jitnaqqas it-tniġġiż tal-arja f'dawn l-inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, qed taħdem fuq pjan t’azzjoni għat-tnaqqis ta’ tniġġiż f’lokalitajiet li qed jaqbżu l-livelli stipulati fid-Direttivi tal-Kwalità ta’ l-Arja. Il-lokalitajiet msemmija f’din il-Mistoqsija Parlamentari huma wkoll inklużi f’dan il-pjan. Il-MEPA flimkien mal-MEUSAC bdiet konsultazzjoni pubblika f’Mejju li għadda fejn laqgħet suġġerimenti mill-pubbliku fuq x’tip ta’ miżuri jistennew li jseħħu f’dan ir-rigward. Fil-futur qarib dawn il-miżuri se jiġu inkorporati ma’ miżuri oħra li l-MEPA diġa ħolqot ma’ l-Awtorità tat-Trasport Pubbliku u b’hekk jiġi ippreżentat abbozz sħiħ li jerġa jkun suġġett għat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni pubblika.
Leg 11 PQ #10125 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm każi quddiem il-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi llum? Xi grad għandhom? Minn liema dipartiment huma? Għaliex tressqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi illi b’każijiet quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal każijiet ta’ dixxiplina. Ninsab infurmat illi sakemm spiċċa t-terminu tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku f’Ġunju 2009 kien hemm dsatax-il każ ta’ dixxiplina pendenti quddiemha. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #10126 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati li tkeċċew miċ-Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kien in-numru ta' impjegati tal-Gvern li tkeċċew miċ-Ċivil is-sena l-oħra u din is-sena? X'tip ta' grad kellhom? Għaliex tkeċċew u minn liema dipartiment kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi s-sena l-oħra u din is-sena kien hemm għaxar uffiċjali pubbliċi li tkeċċew mis-Servizz Pubbliku. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onorevoli Interpellant jinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità Maritima ta' Malta — abbuż mill-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu l-Qorti persuni impjegati mal-Awtorità Maritima ta' Malta minħabba xi abbuż li setgħu wettqu waqt li kienu impjegati mal-awtorità minn mindu din kienet imwaqqfa? X'kien l-abbuż u x'kien l-eżodu ta' kull każ? F'liema sena sar ir-reat imsemmi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kemm ila mwaqqfa l-Awtorità Marittima ta' Malta, kien hemm żewġ persuni mressqa l-Qorti minħabba allegat abbuż. Peress li ż-żewġ każi għadhom sub judice, ma nħossx li għandi nagħti iżjed dettalji.
Leg 11 PQ #10128 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni taħt 16-il sena — itellgħu l-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm itellgħu persuni l-qorti li għandhom anqas minn 16-il sena? Għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena sal-aħħar ta' Settembru, il-Pulizija ressqet 54 persuna taħt is-sittax-il sena quddiem il-Qorti fuq diversi akkużi, fosthom serq, ħsara, ksur tal-paċi pubblika, ksur tar-regolamenti tat-traffiku, ksur tar-regolamenti dwar żibel u skart, tipjip, pussess ta' droga, prostituzzjoni u theddid.
Leg 11 PQ #10129 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

persuni li qegħdin il-ħabs, taħt arrest preventiv u sentenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni l-ħabs illum? Għaliex qegħdin hemm? X'età għandhom kull wieħed? Ta' liema sess huma kull wieħed? Kemm minnhom huma taħt arrest preventiv? Kemm sentenzjati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant
Leg 11 PQ #10130 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Persuni li abbużaw mis-servizzi soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jabbużaw minn xi servizz soċjali din is-sena? Kemm kien l-ammont iffrankat fuq medda tas-sena? X'tip ta' servizz kienu qed jibbenifikaw minnu dawk li nqabdu? F'liema lokalità kienu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-perijodu ta’ bejn Jannar u Ġunju 2009, id-Direttorat (Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni) sab, wara l-investigazzjonijiet li wettaq, li 465 persuna kienu qegħdin jiksru l-provvedimenti tal-Att Dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) u għalhekk id-dettalji tagħhom ġew referuti lid-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali għall-passi meħtieġa min-naħa ta’ din id-Diviżjoni. L-ammont totali li ġie ffrankat bejn Lulju 2008 u Ġunju 2009 kien ta’ €3,365,748. It-tip ta’ Benefiċċji Soċjali li ġew maqbuda mid-Direttorat (Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni) bejn Lulju 2008 u Ġunju 2009 u li ġew sospiżi mid-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali huwa kif jidher fit-tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min iżid li dan l-ammont u t-tip ta’ benefiċċji soċjali ma jinkludix numru sostanzjali ta’ każijiet li d-Direttorat identifika bħala li huma bi ksur tal-Att Dwar is-Sigurta` Soċjali li għadhom pendenti għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali. Id-Direttorat (Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni), ma jżommx statistika tal-lokalitajiet li fihom jkunu joqgħodu l-persuni li jkunu nstabu li qegħdin jiksru l-provvedimenti tal-Att Dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318).

Ħlasijiet tal-VAT u Income Tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni jew ażjendi li waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-VAT u income tax? Kemm hu stmat li hu l-ammont?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li kienu regolari mad-Dipartiment tal-VAT sas-sena 2008 u li waqgħu lura fil-pagamenti matul l-2009 huma kif ġej. i) dawk li l-bilanċ dovut tagħhom huwa ‘l fuq minn €50 huma 1196 li jammontaw għal €11,322,919; ii) hemm ukoll 1095 li l-bilanċ tagħhom huwa bejn €1 u €50 li jammontaw għal €17,477.04. Persuni jew ażjendi li waqgħu lura fil-ħlas ta’ taxxa fuq l- income jammontaw għal 4,642, u il-bilanċ dovut huwa ta’ €18,904,666.

Dipartiment tal-Artijiet — Ħlasijiet arretati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu arretrati xi jħallas id-Dipartiment tal-Artijiet? Kemm ilhom jistennew dawk li għandhom jieħdu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-book value, sa l-aħħar ta’ Ġunju 2009, tal-valur ta’ l-art esproprijata li l-kumpens għaliha għadu ma tħallasx jammonta għal €47,468,313. Irid jingħad illi dan l-ammont ma jinkludix xi żieda li jista’ jkun hemm fil-valur tal-art minħabba li jkun jeħtieġ li ssir stima riveduta skond it-termini ta’ l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet (Kap 88) u minħabba li ma jinkludix l-imgħax dovut lis-sidien. Il-kumpens dovut imur lura diversi snin billi fost l-oħrajn hemm artijiet fejn qatt ma ġie stabbilit min huma s-sidien tagħhom.
Leg 11 PQ #10121 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Persuni self employed — ħlasijiet tal-kontribuzzjonijiet tal-bollol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni self employed u/jew ażjendi jew entrapriżi li għandhom kontribuzzjonijiet tal-bolol pendenti mad-Dipartiment? Kemm hu l-ammont dovut?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #10122 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

persuni miżżewġa jew single — relief

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq ir-relief illum u kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu persuni miżżewġa u kemm single?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ persuni li kienu qegħdin jirċievu l-Għajnuna Soċjali f’dawn l’aħħar 10 snin kien kif jidher fit-tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma kienx possibbli li tingħata statistika dwar l-istat soċjali tagħhom tul l-għaxar snin kollha iżda biss għas-sena kurrenti.
Leg 11 PQ #10123 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Gradwati jirreġistaw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn gradwati llum jirreġistraw għax-xogħol? X'tip ta' degree għandhom?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #10124 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armata ta' Malta — safar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri tal-Forzi Armati ta' Malta li siefru fuq xogħol relatat mal-armata s-sena l-oħra u din is-sena? Għaliex siefru? Fejn marru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li siefru fuq xogħol relatat ma’ l-Armata fis-sena 2008 jammonta għal 361 uffiċjal filwaqt li mil-1 ta’ Jannar sa 30 ta’ Ġunju 2009 jammonta għal 134 uffiċjal. Dan is-safar kien relatat ma’ taħriġ, operazzjonijiet u laqgħat marbuta ma’ l-operat ta’ l-armata. Fit-tabella annessa li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hemm indikat il-pajjiżi fejn marru l-uffiċjali tal-Forzi ta’ Malta.