Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dgħajjes abbandunati jew mhux identifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm dgħajjes abbandunati jew mhux identifikati f’żoni ta’ rmiġġ pubbliku?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għandha proċeduri ta’ infurzar sabiex bastimenti jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni, assigurazzjoni u identifikazzjoni stabbiliti mil-liġi. Fejn jiġi identifikat jew irrappurtat bastiment abbandunat, l-Awtorità tikkuntattja lis-sid biex jirregolarizza s-sitwazzjoni. Fin-nuqqas ta’ azzjoni, l-Awtorità tista’ tipproċedi bit-tneħħija tal-bastiment bl-ispejjeż għas-sid.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il azzjoni ta’ infurzar ittieħdet fir-rigward ta’: (i) irmiġġi illegali; (ii) abbuż ta’ spazju pubbliku marittimu; u (iii) dgħajjes abbandunati?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Trasferiment illegali jew kiri mhux awtorizzat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti jew ilmenti dwar trasferiment illegali jew kiri mhux awtorizzat ta’ rmiġġi matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul il-perjodu bejn Frar u Mejju 2026, l-Awtorità ma rċeviet l-ebda rapport jew ilment dwar trasferiment illegali jew kiri mhux awtorizzat ta’ rmiġġi. L-Awtorità tibqa’ ssegwi u tinvestiga kull rapport li jista’ jiġi riferut lilha sabiex jkun assigurat li l-użu u l-allokazzjoni tal-irmiġġi jsiru skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet applikabbli.

Irmiġġi għad-dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm irmiġġi li bħalissa huma: (i) vakanti; (ii) sospiżi; (iii) taħt investigazzjoni; jew (iv) mhux qed jintużaw?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm 509 irmiġġ jew post ta’ rbit li jinsabu rreġistrati bħala vakanti u amministrati mill-uffiċċju responsabbli mill-amministrazzjoni tal-irmiġġi ġewwa Malta. Madankollu, dan in-numru ma jirrappreżentax neċessarjament 509 irmiġġ li huma kollha disponibbli għal allokazzjoni immedjata, peress li matul is-snin ċertu numru ta’ irmiġġi jew permessi ma baqgħux utilizzabbli jew intilfu minħabba ċaqliq, tibdil u tkabbir fid-daqs tal-bastimenti, xogħlijiet u interventi fl-inħawi rispettivi, kif ukoll ċirkostanzi operattivi oħra. F’ċerti każijiet, sabiex dawn l-inħawi jkunu jistgħu jerġgħu jiġu utilizzati b’mod effiċjenti u sigur, ikun meħtieġ li jsiru proġetti ta’ riorganizzazzjoni qabel ma jkunu jistgħu jinħolqu jew jerġgħu jiġu allokati spazji għall-irmiġġ. Barra minn hekk, fejn ikun possibbli, l-Awtorità żżomm numru limitat ta’ irmiġġi vakanti bħala riżerva operattiva sabiex ikunu jistgħu jintużaw bħala alternattiva għal detenturi ta’ permessi eżistenti f’każijiet ta’ emerġenza jew meta jkun meħtieġ ċaqliq minħabba xogħlijiet, operazzjonijiet ġodda, riorganizzazzjoni ta’ żona, l-istabbiliment jew il-ħolqien ta’ fairways, jew ħtiġijiet operattivi oħra.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Allokazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li għandhom aktar minn irmiġġ wieħed allokat lilhom jew lill-kumpaniji tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm persuni, kif ukoll kumpaniji, li għandhom aktar minn irmiġġ wieħed allokat f’isimhom, skont il-permessi u l-arranġamenti applikabbli.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Allokazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati rmiġġi ġodda matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 u skont liema kriterji saru dawn l-allokazzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Irmiġġi tad-dgħajjes – Listi ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-postijiet pubbliċi fejn hemm waiting list għal irmiġġi u kemm hemm persuni jistennew għal kull lokalità?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Irmiġġi reġistrati għal dgħajjes u bastimenti żgħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm irmiġġi reġistrati għal dgħajjes u bastimenti żgħar madwar Malta u Għawdex, maqsuma skont kull marina jew żona?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 7,680 irmiġġ irreġistrat f’Malta u 367 irmiġġ irreġistrat f’Għawdex.

Trasport privat – ħruġ ta’ permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni li tkun riveduta s-sistema preżenti tal-ħruġ tal-permessi għal taxis u Y-plates sabiex ikun assigurat aktar bilanċ u sostenibbiltà fis-settur tat-trasport privat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalma diġa’ esprimejt fil-pubbliku, dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-politika tiegħu favur mezzi alternattivi ta’ mobbiltà. Is-settur tat-taxis u l-Y-plates huwa wieħed minn dawn il-pilastri kruċjali, u r-riforma li qiegħda ssir fis-settur turi kemm dan il-Gvern jemmen f’dawn is-servizzi. Il-Ministeru u l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ser ikomplu jsegwu l-progress li qed jagħmel is-settur u ser jibqaw jikkonsultaw ma’ dawk fis-settur li għandhom rieda tajba, u li verament jixtiequ jaraw progress, kif ukoll bl-użu tad-data disponibbli u biex dan is-settur dejjem jibqa’ jitjieb b’mod proporzjonat u trasparenti.

Taxis u Y-plates – Permessi – Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu d-dħul tal-Gvern minn applikazzjonijiet, miżati annwali, u mit-tiġdid ta’ permessi relatati ma’ taxis u Y-plates?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul l-2025, id-dħul totali minn applikazzjonijiet, miżati annwali u tiġdid ta’ permessi relatati mat-taxis u mal-Y-plates kien jammonta għal €859,725.

Taxis u Y-plates – lista ta’ stennija għall-permess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx waiting list jew capping fuq in-numru ta’ permessi li jistgħu jinħarġu għal taxis u Y-plates?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ vetturi White Taxi awtorizzati huwa fiss skont ir-regolamenti applikabbli, filwaqt li għall-Y plates, il-premessi jinħarġu skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja Nru. 499.68 tal-4 ta’ Settembru 2020, u minn jissodisfa dawn il-kriterji jingħata permess, wara l-evalwazzjoni neċessarja minn Transport Malta.

Taxis u Y-plates – Policy dwar il-ħruġ ta’ permessi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy attwali dwar il-ħruġ ta’ permessi ġodda għal taxis u Y-plates?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-politika attwali dwar il-ħruġ ta’ permessi ġodda għal taxis u vetturi b’Y-plates hija dik stabbilita fil-qafas leġiżlattiv applikabbli.

Taxis u Y-plates – Studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar kemm is-suq Malti jista’ jiflaħ aktar taxis u Y-plates mingħajr ma jkun hemm saturazzjoni fis-settur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, abbażi ta’ rapporti interni, data fattwali u analiżi operattiva mwettqa mill-Awtorità, jirriżulta li d-domanda fis-suq għal dawn is-servizzi għadha għolja u qiegħda tikber b’rata aktar mgħaġġla mill-għadd ta’ operaturi attivi. Fil-fatt, meta jitqabbel il-perjodu bejn Frar u Mejju 2025 mal-istess perjodu fl-2026, l-għadd ta’ operaturi attivi żdied minn 2,049 għal 2,419, jiġifieri żieda ta’ 18.1%. Min-naħa l-oħra, l-għadd ta’ vjaġġi żdied minn 3,008,367 għal 5,061,576, jiġifieri żieda ta’ aktar minn żewġ miljun vjaġġ, jew 68.2%. Bħala medja, l-għadd ta’ vjaġġi għal kull operatur żdied minn madwar 1,469 bejn Frar u Mejju 2025 għal madwar 2,093 fl-istess perjodu tal-2026. Dan ifisser żieda medja ta’ madwar 624 vjaġġ, jew 42.5%, għal kull operatur. Dawn iċ-ċifri jindikaw li, minkejja ż-żieda fl-għadd ta’ operaturi, id-domanda kibret b’rata ferm ogħla. Dan juri wkoll li l-politika tal-Gvern favur mezzi alternattivi ta’ mobbiltà qiegħda tħalli l-frott, hekk kif aktar residenti u turisti qegħdin jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.

Permessi lil impjegati fis-servizz pubbliku jew ma’ entitajiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li ngħataw permessi għal taxis u Y-plates minkejja li kienu diġà impjegati full-time fis-servizz pubbliku jew ma’ entitajiet tal-Gvern matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri b’Vetturi Żgħar u Servizzi ta’ Kiri ta’ Vetturi ma jagħmlu ebda distinzjoni abbażi tal-istatus ta’ impjieg tal-applikant, inkluż fil-konfront ta’ impjegati fis-servizz pubbliku jew ma’ entità tal-Gvern. L-Awtorità tivverifika biss jekk humiex sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mill-liġi għall-ħruġ tal-permess jew tal-liċenzja relattiva. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu jew restrizzjoni li tista’ tirriżulta mill-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persuna kkonċernata.

Taxis u Y-plates – Permessi sospiżi, revokati jew taħt investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess għal taxis u Y-plates ġie sospiż, revokat, jew taħt investigazzjoni matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi, l-Awtorità ħadet passi ta’ sospensjoni, revoka jew kanċellazzjoni, jew wettqet investigazzjoni fuq 96 l-operatur tal-Y Plates. Matul l-istess perjodu ma kien hemm l-ebda sospensjoni, revoka jew investigazzjoni fir-rigward ta’ operaturi tat-taxis.

Taxis u Y-plates –Enforcement checks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni jew enforcement checks saru fuq taxis u Y-plates matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Frar u Mejju 2026 saru 22 l-spot check, fejn ġew spezzjonati ‘l fuq minn 1,500 vettura tat-tip taxi u Y-plate.

Transport Malta - Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ilment irċeviet Transport Malta matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 relatati ma’: (i) operat illegali; (ii) abbuż ta’ permessi; (iii) subletting ta’ liċenzji; u (iv) nuqqas ta’ konformità?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika l-mistoqsija u jipprovdi informazzjoni aktar preċiża dwar dak li qed jintalab, biex l-Awtorita’ tat-Trasport tkun f’pożizzjoni li tipprovdi tweġiba.

Taxis u Y-plates – Impact assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx impact assessment dwar iż-żieda fin-numru ta’ taxis u Y-plates fuq: (i) it-traffiku; (ii) il-konġestjoni; (iii) l-emissjonijiet; u (iv) il-kompetizzjoni fis-settur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-suq tal-Y plates, taxis, coaches etc. jiġi mmonitorjat b’mod konsistenti minn Transport Malta; fl-ewwel lok biex naraw li s-servizz li qed jingħata liċ-ċittadin ikun tal-ogħla kwalità. Fit-tieni lok, il-Gvern diġà ddikjara li dawn is-setturi huma kkunsidrati bħala mezz ta’ mobbiltà alternattiva u għalhekk għandhom l-importanza tagħhom fl-ekosistema tal-mobbiltà ta’ Malta. Inoltre, id-domanda għal dan is-servizz mill-pubbliku qiegħda dejjem tiżdied u dan ifisser li anke l-poplu qed jara lil dan is-settur bħala servizz. Dan kollu ttieħed inkunsiderazzjoni f’Malta in Motion u matul it-twettiq ta’ dan il-pjan ser jara kif dan is-settur ser jiġi mtejjeb biex isir parti mis-sistema integrata ta’ trasport għall-pubbliku ġewwa pajjiżna.