Legislature:
Category:
Reset
Active:

Settur tas-Saħħa — sptarijiet

Question

Wara l-iżviluppi li kien hemm fil-każ li jinvolvi l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatement, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux ser iżomm l-isptarijiet f’idejh?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jemmen li għandu jkun hu fil-kontroll tas-servizz tas-saħħa pubblika.

Sptarijiet – Spare bed capacity

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispare bed capacity ġewwa l-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Mount Carmel u l-Isptar Sir Anthony Mamo kull bidu tax-xahar matul l-2022 u l-2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interperlant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Residenzi San Vincenz De Paul, Karin Grech u Zammit Clapp — Spare bed capacity

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispare bed capacity ġewwa r-Residenzi San Vincenz De Paul, Karin Grech u Zammit Clapp kull bidu tax-xahar matul is-snin 2022 u 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Spare Bed Capacity 2022 2023 San Vincenz De Paul 643 293 Karin Grech 926 482 Zammit Clapp 0 0 Qed niġi infurmat li ġewwa Żammit Clapp kif sodda tiġi available din terġa' tiġi okkupata immedjatament.

Sptar Mater Dei — Pazjenti rikoverati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rikoverati pazjenti xahar b’xahar matul l-2022 u l-2023 ġewwa l-Isptar Mater Dei? Kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija, kemm minnhom huma barranin u minn liema pajjiżi huma dawk ta’ nazzjonalità barranija? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ħallsu għall-kura li ngħatatilhom u x’kien l-ammont totali mħallas matul is-sena 2022 u s-sena 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li rrikorrew għal kull ċentru tas-saħħa f’Malta u Għawdex xahar b’xahar matul l-2022 u l-2023? Jista’ jgħid ukoll: a. ⁠kemm minnhom żaru ċ-ċentru tas-saħħa b’appuntament ta’ outpatients; b. kemm minnhom kienu bħala emerġenza għat-tabib; ċ. kemm minnhom huma ta’ nazzjonalità Maltija; d. kemm huma ta’ nazzjonalità barranija u x’nazzjonalità huma?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Sptar Mater Dei – Pazjenti riferuti miċ-ċentri tas-saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ pazjenti li ġew riferuti lejn l-Isptar Mater Dei miċ-ċentri tas-saħħa individwalment matul l-2022 u l-2023 u kemm minnhom ġew rikoverati għal aktar kura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Professjonisti Mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiggradwaw biżżejjed professjonisti mediċi mill-Università ta’ Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir kull sforz biex aktar żgħażagħ jagħżlu l-karriera fil-qasam tas-saħħa u tal-anzjanità attiva. Dan jinkludi fl-għotjiet tal-istipendji fl-Università ta’ Malta, ftehimiet fis-settur tas-saħħa meqjusa bħala storiċi u llum, aktar minn qatt qabel, dawn iż-żewġ setturi joffru karriera u speċjalizzazzjoni.

Professjonisti Mediċi — Barranin

Question

Jista’ jgħid kif jistgħu jkunu attiratti aktar professjonisti fil-qasam tas-saħħa minn barra xtutna? Jekk le, x'inċentivi hemm bżonn?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma ta’ dan il-Ministeru għandha tkompli tkun iffukata mhux biss fuq reklutaġġ imma wkoll fuq ‘retention’ ta’ dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur. Għalhekk irridu nkomplu noħolqu aktar korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzat u progression fil-karriera li huma jkollhom meta jaħdmu f’dan is-settur. Dan hu kkumplimentat bl-ftehmiet storiċi li saru dan l-aħħar bejn il-unions rispettivi fil-qasam tas-saħħa u l-Gvern.

Professjonisti Mediċi — Ħlas

Question

Jista’ jgħid ukoll jekk il-professjonisti mediċi tagħna humiex imħallsin sew u jekk le, x’qed jiġi propost u fuq liema medda ta' żmien?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar xhur ingħalqu numru ta’ ftehimiet settorali liema ftehimiet ġew ikkunsidrati bħala storiċi. Madankollu, il-Gvern jibqa’ l-ħin kollu miftuħ biex tinżamm relazzjoni tajba mal-partijiet fl-interess tal-ħaddiema u l-pazjenti.

Pandemija tal-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tgħallimna (preparadness) mill-pandemija tal-COVID-19? Jista’ l-Ministru jgħid jekk aħniex attrezzati (għandniex apparat mediku) biżżejjed?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta kienet imfaħħra mill-WHO u organizzazzjonijiet oħra internazzjonali għall-mod kif aġixxejna fil-pandemija. Fost l-inizjattivi li ttieħdu, kien hemm li t-tilqim b’mod organizzat lil kull min xtaq jieħu t-tilqima. Minkejja li kien hemm diffikultà biex numru kbir ta’ pajjiżi ikollhom il-konsinji adegwati ta’ tilqim, Malta ħadet l-inizjattiva biex flimkien mal-UE, isir ix-xiri għall-pajjiżi kollha membri u b’hekk pajjiżi żgħar bħal Malta ma jkunux żvantaġjati. B’hekk, f’kull mument, kull Malti u Għawdxi seta’ jieħu t-tilqim li kien hemm bżonn, bl-aktar mod organizzat u l-aħjar mod effiċjenti li ġie mfaħħar mill-WHO. Barra minn hekk, inxtara l-apparat kollu neċessarju biex l-isptarijiet tagħna jkunu jistgħu jilqgħu għal din l-emerġenzi. Ittieħdu wkoll inizjattivi fid-djar tal-anzjani sabiex in-numru ta’ anzjani bil-covid ma jkunx mifrux safejn kien possibbli. Tant hu hekk li r-rata ta’ mwiet kien l-anqas waħda fl-Ewropa. Ma’ dawn kien hemm kampanja kbir ta’ tagħrif x’għandu jsir biex il- covid ikun ikkontrollat mill-pubbliku nġenerali. Minn din l-esperjenza u t-tagħlimiet li ħadna minnha, ninsabu aktar ippreparati.

Pandemija tal-COVID – 19 — investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’Malta sarux investigazzjonijiet dwar kif il-vaċċin tal-Covid 19 ġie żviluppat, mixtri, amministrat u kostrett fuq in-nies b'mod indiskriminat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 15101.

Kumpaniji — handover

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatatx handover sħiħa għar-rigward tal-pożizzjoni dwar il-kumpanija li l-informazzjoni dwarha qed jingħataw separatament? Jekk le, meta se jsir dan?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta nħtart Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, jiena ġejt mogħti ħandover ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ dan il-portofol.

Kumpaniji – flus irkuprati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkunu l-mijiet ta’ Euro li se jirkupra l-Gvern mill-kumpanija li informazzjoni dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll xi ħlasijiet saru s’issa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirrerferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12742. Ningħaqad mal-appell tal-Prim Ministru biex quddiem dawn il-proċeduri ta’ arbitraġġ ikun hemm sens ta’ għaqda nazzjonali u mhux partiġjaniżmu u logħob legali li jista’ jdgħajjef il-pożizzjoni tal-Gvern Malti.

Sptarijiet f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Isptar Mater Dei u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex humiex jaqdu l-bżonnijiet bħala ż-żewġ sptarijiet ewlenin f'pajjiżna? Jista’ jgħid hemmx pjanijiet li jiżdiedu xi sptarijiet f’Malta u Għawdex fid-dawl taż-żieda kostanti fil-popolazzjoni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi tas-saħħa mhumiex offruti biss mill-Isptar Mater Dei u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Jiġu offruti wkoll servizzi minn l-Isptar Karen Grech, ir-Residenza San Vinċenz de Paule, l-Isptar Monte Karmeli, partijiet mill-Isptar San Luqa, numru ta’ Ċentri tas-Saħħa/ Bereġ tas-Saħħa madwar il-pajjiż kollu u anke servizzi fil-komunità. Apparti minn hekk, jeżistu servizzi li ġew kuntrattati lil sptarijiet u kliniċi privati, liema servizzi ninsabu fil-proċess li jkunu estiżi.

Ċentru Mediku ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sa tmiem is-sena hux ser jinfetaħ xi ċentru mediku ieħor? Jekk iva, jista’ jgħid fejn? Jekk le, min ser jerfa r-responsabbiltà għal dan in-nuqqas? Jista’ jgħid ukoll jekk hux se ssir talba biex fil-baġit li jmiss ikun hemm allokazzjoni għal nefqa kapitali sabiex l-infrastruttura fiżika tal-isptarijiet tikber u titjieb?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjanijiet avvanzati biex jinfetħu diversi ċentri mediċi oħra. Aktar dettalji jitħabbru meta jkun il-waqt.

Transport Malta — makkinarji/inġenji biex isiru t-testijiet ta' vetturi

Question

B'referenza għall-ittestjar tal-vetturi minn Transport Malta, jista' l-Ministru jgħid kif isiru dawn it-testijiet? X’inġenji/makkinarju/equipment għandhom biex jagħmlu t-testijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ittestjar ta’ vetturi mill-Vehicle Inspectorate Unit fi ħdan Transport Malta isir permezz tas-segwenti inġenji/makkinarju/equipment: - Gas Analyser li jintuża fuq vetturi li jaħdmu bil-Petrol sabiex jitkejjel il-livell ta’ Carbon Monoxide, - Opacity Meter li jintuża biex jitkejjlu l-emissjonijiet ta’ vetturi Diesel, - Weigh bridge li jintuża għall-ittestjar ta’ tagħbija fuq il-vetturi, - DB (Decibel) Meter li jintuża biex jitkejjel il-ħoss tal-vettura (mill-kanna tal-ispurġar) - Tint Meter li jintuża biex titkejjel il-viżibilità u dħul tad-dawl mill-ħġieġ tal-vettura. - Tachograph scan li jintuża sabiex jiġu elevati dettalji tal-ħinijiet ta’ sewqan u mistrieħ mis-sewwieqa ta’ vetturi kbar. In oltre, biex jiġu ttestjati aspetti mekkaniċi, l-Awtorità tieħu dik il-vettura ġewwa VRT station sabiex isirilha test fil-preżenza ta’ uffiċjali tagħha.

Transport Malta — testijiet ta' vetturi - rapporti

Question

B'referenza għall-ittestjar tal-vetturi minn Transport Malta, jista' l-Ministru jgħid kif jintgħażel min jissejjaħ għat-testijiet? Jista' jgħid jekk jaġixxux fuq rapporti? Jista' jgħid jekk ir-rapporti jistgħux ikunu anonimi? Jista' jgħid jekk wara li jsir it-test isirux rapporti? Jista' jgħid jekk ir-rapporti jkunux interni jew jekk jingħatawx lis-sidien tal-vettura? Jista' jgħid x'passi jittieħdu wara li jsiru t-testijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li uħud mill-vetturi jiġu mwaqqfa waqt roadside inspections. Oħrajn jiġu msejjħa wara li tinġibed l-attenzjoni permezz tal-SMS Alert Campaign, kif ukoll l-App tal-MRTU (Malta Road Traffic Update). Vetturi oħra li jiġu nnotati jinsaqu fit-toroq kemm minn uffiċċjali tal-Awtorità kif ukoll minn entitajiet ta’ infurzar oħra, jiġu ukoll imsejjħa (notifikati permezz ta’ ittra) għal spezzjoni. Nikkonferma li f’każ ta’ rapport, l-Awtorità tibgħat għall-vettura konċernata sabiex tiġi ttestjata hekk kif diġà spjegajt. Nikkonferma ukoll li sabiex ma jkunx hemm abbuż, rapporti ma jistgħux isiru b’mod anonimu. Madankollu, l-Awtorità iżżomm kunfidenzjali ir-rapporti li tirċievi u min ikun għamilhom. Nikkonferma li wara li jsir test, jinħareġ rapport (Inspection Form) u s-sid jingħata kopja. Nikkonferma li kif spjegajt, tingħata kopja tal-Inspection Form (rapport tar-riżultati tat-test) lis-sid. Inzid li, f’ każ li vettura tkun fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni, u ma jinstabux difetti, it-test jieqaf hemm u s-sid jingħata ċertifikat tar-riżultat i.e. “Passed Test”. Meta vettura ikollha difetti u/jew ħsarat li jridu jiġu rranġati, is-sid jingħata appuntament għat-tieni spezzjoni li ssir 15 il-ġurnata wara. Jekk il-vettura ma tersaqx għat-tieni spezzjoni kif mitlub, il-liċenzja tal- vettura tiġi ristretta, jiġifieri il-liċenzja ta’ dik il-vettura ma tkunx tista’ tiġi mġedda. Meta vettura tinstab mhux tajba għat-triq (not road worthy), jittieħdu il-pjanċi tar-reġistrazzjoni u l-vettura tiġi irmunkata (bi spejjeż) għal għand is-sid u imneħħija mit-triq. Meta u jekk din tissewwa, il-vettura trid tgħaddi minn spezzjoni qabel ma jingħataw lura l-pjanċi tar-reġistrazzjoni.