Legislature:
Category:
Reset
Active:

Asbestos — Każijiet ta’ kanċer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ kanċer li rriżultaw mill-asbestos f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi filwaqt li hu diffiċli tipprova illi l-kawża ta’ kanċer hi l-asbestos, bejn l-2007 u l-2021, kien hemm 141 każ ta’ kanċer imsejjaħ “mesothelioma”.

Tankijiet tal-asbestos — Periklu għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni jiġux mgħarrfa dwar il-periklu li jista’ jinħoloq meta jkunu qed jinqalgħu tankijiet tal-asbestos?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Tankijiet tal-asbestos — Ħaddiema professjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk meta jinstabu tankijiet tal-asbestos humiex jissejħu timijiet ta’ ħaddiema professjonali li jafu kif jiddisponu minn dan il-materjal tant perikoluż?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Mammogrammi — Pjan biex jittaffa d-dewmien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan hemm biex jittaffa d-dewmien biex pazjenti jagħmlu t-test tal-mammogram f’Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat Il-ħin ta’stennija għall-iskrinjar tas-sider twal waqt il-pandemija tal-COVID fejn iċ-Ċentru kellu jagħlaq għal xi żmien. Dan il-ħin ta’ stennija naqas f’dawn l-aħħar sentejn. Ir-Radjografi u ir-Radjoloġisti qegħdin jaħdmu overtime biex jitnaqqas iż-żmien ta’ stennija. Qed isir kull sforz biex ikompli jitnaqqas il-ħin, billi fost l-oħrajn jiżdiedu n-numru ta’ Radjografi u Radjoloġisti.

Mammogram Screening Office — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li meta mara ċċempel l-iscreening office fil-Furjana biex tagħmel appuntament għal mammogram, dan mhux qed jingħata, għax hemm lista twila ta’ pazjenti jistennew?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17993.

Mammogrammi – Maltin jintbagħtu Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jintbagħtu Maltin biex jagħmlu t-test tal-mammogram ġewwa Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li peress li m'hemmx ħin ta' stennija għall-iskrinjar fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, noffru din il-possibbiltà lil dawk in-nisa li ma jkunux għaddew il-perjodu rakkomandat mill-iskrinjar preċedenti tagħhom u jċemplulna huma stess minkejja li ma jkunx imisshom.

Mammogram Screening Office – Dewmien biex jingħata appuntament għall-mammogram

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li meta pazjenta ċċempel l-iscreening office fil-Furjana tiġi mgħarrfa li ser tkun ikkuntattjata fix-xhur li ġejjin u ma tingħatax indikazzjoni kemm ser tkun twila l-istennija?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li meta mara iċċempel min rajha biex tagħmel appuntament qabel ma jmissha skond il-perjodu rakkomandat mill-aħħar test, tiġi offruta l-possibilità li tagħmel it-test fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fejn m’hemmx ħin ta’ stennija, jew inkella tistenna sakemm ikun imissha, u jsirilha t-test f’Malta.

Klabbs tal-għawm u tal-waterpolo – sponsorships, grants u għajnuniet oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu u kemm kienu jammontaw: a) l-isponsorships, b) grants; u ċ) għajnuniet oħra li ngħataw lill-klabbs tal-għawm u tal-waterpolo? Jista’ jgħid liema klabbs ibbenefikaw minnhom? Jista’ jgħid jekk għas-sena li ġejja hemmx il-ħsieb illi klabbs oħrajn jibbenefikaw ukoll u jekk iva, liema se jkunu dawn il-klabbs? Jista’ jgħid liema kriterju/i qegħdin jiġu applikati biex jitqassmu dawn l-għajnuniet u jekk il-klabbs lokali kollha humiex informati b'dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ assistenza li qed tingħata lill-klabbs tal-għawm u tal-waterpolo matul din is-sena hu ta’ €270,000. Il-Klabbs li bbenefikaw huma; AquaHub, Birżebbuġa ASC, Exiles Sports Club, Marsascala Aquatic, Marsaxlokk ASC, Neptunes WPSC, Otters, San Ġiljan ASC, Sirens ASC, Sliema ASC u Synchro Knights. Kull klabb jista’ japplika għall-iskemi maħruġa minn SportMalta. Kull darba li tinħareġ applikazzjoni, il-klabbs kollha jiġu nfurmati permezz ta’ imejl. Dawn l-applikazzjonijiet ikunu aċċessibli mis-sit eletroniku ta’ SportMalta. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-kriterji użati jiġu maħduma skont kemm ikun hemm fondi allokati u kif ukoll kemm l-applikazzjonijiet jiġu sottomessi fil-ħin.

Sptar Mater Dei – Każ ta’ awtopsja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17247, peress li jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Qorti li qed issir referenza għaliha f’din it-tweġiba tikkonċerna unikament ir-rifjut tat-talba tal-familja għal Inkjesta Magisterjali u ma tipprovdi xejn dwar dak li hemm fil-mistoqsija, jista’ l-Ministru ġentilment iwieġeb il-mistoqsija 17247 u jgħid għalfejn l-Isptar Mater Dei għadu qed jirrifjuta li jħalli lill-familja tagħmel awtopsja fuq l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u dan tmien xhur wara li ġie nieqes fil-5 ta’ Lulju 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in vista tal-fatt li mindu saru id-domandi, daħal rikors kif ukoll talba għall-miżura quddiem il-Prim Awla Sede Qorti Kostituzzjonali. Għaldaqstant mhux il-waqt li wieħed għandu jesprimi ruħu fuq opinjoni kif ukoll fuq fatti sabiex bl-ebda mod ma jiġi nfluwenzat l-andament tal-proċeduri legali fil-mument li għaddejjin bħalissa fl-istess qorti.

Talba għal awtopsja privata fuq individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17248, peress li jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Qorti li qed issir referenza għaliha f’din it-tweġiba tikkonċerna unikament ir-rifjut tat-talba tal-familja għal Inkjesta Magisterjali u ma tipprovdi xejn dwar dak li hemm fil-mistoqsija, jista’ l-Ministru ġentilment iwieġeb il-mistoqsija 17248 u jgħid fuq liema bażi t-talba tal-familja għal awtopsja privata qed tiġi injorata u x’qed jistenna l-Isptar Mater Dei sabiex jirrilaxxa l-katavru tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal dan l-iskop?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17756.