Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Sptar Ġdid — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser ikunu qed jiġu mpjegati ħaddiema għall-Isptar ġdid ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jagħti importanza assoluta li jkompli jkabbar is-servizzi tas-saħħa u ma joqgħodx lura milli jimpjega aktar professjonisti skont il-ħtieġa.

Għawdex – Sptar Ġdid — Konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ma’ min saret il-konsultazzjoni dwar l-Isptar ġdid ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-FMS, il-Fondazzjoni tas-Servizzi Medici, hija l-entità responsabbli mill-infrastruttura tas-Saħħa f’Malta. L-FMS hija magħmula minn tim mdaqqas ta’ esperti, li jispeċjalizzaw fl-infrastruttura tas-saħħa. Saru wkoll konsultazzjonijiet ma' speċjalisti f'oqsma differenti tal-mediċina u l-kirurġija rigward ħtiġijiet kliniċi, awdituri rigward finanzjament u speċjalisti minn Transport Malta dwar il-helipad. Fil-ġimgħat li ġejjin issir konsultazzjoni ma' partijiet oħra interessati.

Għawdex – Sptar Ġdid – Disinn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kienu magħmula l-pjanijiet jew id-disinni tal-Isptar ġdid ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Frar 2024 il-Ministeru u l-FMS ħadmu sabiex ikollna l-viżjoni u l-pjanijiet preżentati fil-Kabinett, fil-Parlament, kif ukoll fil-pubbilku.

Għawdex – Sptar Ġdid – Proċess għall-preżentazzjoni tad-disinn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm proċess neċessarju biex jiġu preżentati l-pjanijiet jew id-disinni tal-Isptar ġdid ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema proċess qed jirreferi. S'issa, il-pjanijiet li għandna f'idejna jservu ta' bażi soda għall-applikazzjonijiet u sejħiet t'offerti.

Awtorità tal-Ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tal-Ikel qed tiġi mwaqqfa taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali meta liġijiet eżistenti li jikkonċernaw is-salvagwardja tal-ikel jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għas-Saħħa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontrolli tas-sigurtà fl-ikel f’Malta minn dejjem kienet ir-responsabbiltà kondiviża ta’ tlett Ministeri u preżentement hija mifruxa fuq 11-il entità li twassal għal sorveljanza frammentata. Huwa għalhekk, li fil-Manifest Elettorali tal-2022, il-Gvern ippropona l-konsolidazzjoni tal-kontrolli tal-ikel taħt awtorità waħda.

Is-Sigurtà tal-Ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dak kollu relatat mas-sigurtà tal-ikel hux se jiġi trasferit minn taħt ir-responsabilità tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali għal taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għall-Agrikultura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali bil-ħolqien tal-Awtorità tal-Ikel?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif indikat f’Miżura 567 fil-Manifest Elettorali tal-2022, il-Gvern ikkonsidra li jkun stabbilit regolatur wieħed li jkun iffukat fuq is-sigurtà u l-kwalità tal-ikel sabiex jiġi kkonsolidat ix-xogħol li preżentement isir minn numru ta’ entitajiet u Ministeri differenti. Dan il-pass beda jitwettaq meta wara l-elezzjoni tal-2022, il-Kummissjoni għas-Sigurtà fl-Ikel ġiet assenjata lill-Ministeru responsabbli mill-ikel fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.

Continuous blood glucose monitoring

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija supplimentari li saret waqt is-seduta ta’ nhar it-Tlieta 7 ta’ Mejju 2024, jista’ l-Ministru jgħid u jikkonferma jekk il-Gvern iddeċidiex li l-continuous blood glucose monitoring jiġi estiż għal dawk kollha li jkunu għaddew minn intervent biex titneħħielhom parti jew il-frixa kollha?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ttieħdet deċiżjoni li kull pazjent li kellu kirurġija maġġura fil-frixa u qegħdin fuq l-insulina, jingħataw continuous blood glucose monitor. Gruppi oħra sal-età ta’ 55 sena, bdew jingħataw CGM. Oħrajn ’l fuq minn 55 sena, ser jingħataw CGM fi żmien qasir. L-ordni għal aktar CGM diġà saret. Sadanittant, dawk il-persuni sal-età 45 u li huma dijabetiċi Type 1, għandhom CGM. Pazjenti li huma tqal u fuq l-insulin ingħataw ukoll CGM.

Continuous blood glucose monitoring

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-continuous blood glucose monitoring li qal li se jiġi estiż għal dawk il-pazjenti kollha li jkunu għaddew minn intervent biex titneħħielhom parti jew il-frixa kollha, huwiex marbut ma' xi età?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19972.

Continuous blood glucose monitoring

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta se jiġu pprovduti l-continuous blood glucose monitoring lill-pazjenti li jbatu minn Type 1 Diabetes li għandhom bejn il-35 sena u 45 sena u lil dawk li kienu għaddew minn intervent biex titneħħielhom parti jew il-frixa kollha?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19972.

Tankijiet tal-asbestos — Prekawzjonijiet qabel jitwaqqgħu djar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18845 u 19119 li originarjament saru lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar rispettivament u jgħid xi prekawzjonijiet qed jittieħdu qabel ma titwaqqa’ dar li jinstab li fiha hemm tankijiet tal-asbestos?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Tankijiet tal-asbestos — Ħaddiema professjonali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18846 u 19120 li originarjament saru lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar rispettivament u jgħid jekk meta jinstabu tankijiet tal-asbestos humiex jissejħu timijiet ta’ ħaddiema professjonali li jafu kif jiddisponu minn dan il-materjal tant perikoluż?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Nursing — Studenti li qed jispiċċaw il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk l-istudenti li qed jispiċċaw il-kors fin-nursing hawn Malta ġewx irrifjutati impjiegi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat l-ebda student li jispiċċa l-kors fin-nursing hawn Malta ma jiġi rifjutat impjieg sakemm ikun ikkonkluda l-kors b’suċċess, applika għas-sejħa u jkun reġistrat mal-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel.