Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptarijiet Mater Dei u Karin Grech — Neuro rehabilitation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir minn pazjenti li jkollhom bżonn neuro rehabilitation fit-tul, wara li jispiċċalhom iż-żmien ta’ terapija fl-Isptarijiet Mater Dei u Karin Grech?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat l-pazjenti isirilhom evalwazzjoni kull ġimgħa f’dik imsejħa “ward conference” f’kull sala fl-Isptar Karin Grech. Jekk it-tim iħoss li l-pazjent ġab lura l-potenzjal biex jkun jista’ jmur lura fil-kommunità mal-familja, tiġi msejħa l-familja u jsiru sessjonijiet biex il-familja titgħallem kif tieħu ħsieb il-pazjent. Jekk dan il-potenzjal ma jintlaħaqx, issir riferta biex il-pazjent imur ġewwa faċilità ta’ LTC. Min ikollu bżonn aktar terapija issirlu riferta bħala out-patient jew titkompla f’San Vinċenz skont il-bżonn.

Neuro rehabilitation — Pazjenti li jispiċċaw it-terapija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pazjenti għat-terapija tan-neuro rehabilitation humiex jispiċċaw sparpaljati fil-homes tal-anzjani wara li jispiċċalhom iż-żmien fl-Isptar Mater Dei u Karin Grech?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24518.

Kwotazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ proċedura suppost tintuża meta entità parastatali jew entità fejn il-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma, tuża mezz ta’ kwotazzjoni miġbura bl-idejn jiġifieri mhux bis-sistema tal-EPPS?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont ir-Regolament 100 tar-Regolamenti dwar L-Akkwist Pubbliku L.S. 601.03, Awtorità Kontraenti tista’ tuża metodi varji ta’ xiri meta is-sejħa għal-kwotazzjonijiet ma tkunx ġiet ippublikata fuq l-ePPS. Filfatt, ir-Regolament 100 jgħid hekk: ‘(1) Meta l-istima tal-valur ma tkunx iżjed minn ħamest elef euro (€5,000) il-provvisti, xogħlijiet jew servizzi jistgħu jiġu akkwistati mid-dipartiment nnifsu jew wara li jkun kiseb għall-inqas tliet (3) kwotazzjonijiet jew wara pubblikazzjoni fil-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern jew direttament mis-suq liberu fid-diskrezzjoni tal-Kap tal-Awtorità Kontraenti, wara li jqis x’ikun l-ammont involut, l-urġenza li biha jkun irid isir l-akkwist u r-restrizzjonijiet tal-għażla u d-disponibbilità: Iżda l-Kap ta’ Awtorità Kontraenti, elenkata fl-Iskeda 1, jista’ jiddelega l-awtorità tiegħu bil-miktub, waqt li jagħti r-raġunijiet għal dik id-delega, lil uffiċjal anzjan ta’ entità li tifforma parti mill-Awtorità Kontraenti, għall-akkwist pubbliku permezz ta’ kuntratt dirett għal provvisti, xogħlijiet jew servizzi, fejn il-valur ma jeċċedix ħames mitt euro (€500). Iżda l-akkwist pubbliku skont dak li hu msemmi hawn qabel ma għandux jeċċedi valur totali ta’ ħamest elef euro (€5,000) matul perjodu ta’ sena kalendarja: Iżda wkoll kull sitt xhur, l-uffiċjal anzjan, li jirċievi dik id-delega mill-Kap tal-Awtorità Kontraenti, għandu jagħti lill-Kap lista sħiħa tal-akkwisti pubbliċi kollha li jkunu saru skont dan is-subregolament. Din il-lista għandha tinkludi d-data tax-xiri, isem l-operatur ekonomiku, it-tip t’akkwist, in-numru tal-fattura, ir - referenza dwar il-pagament, u l-valur tal-provvisti, xogħlijiet jew servizzi: Iżda fl-aħħarnett il-Kap tal-Awtorità Kontraenti jista’ jirtira din id-delega fi kwalunkwe żmien fid-diskrezzjoni tiegħu. (2) Meta l-istima tal-valur tkun teċċedi ħamest elef euro (€5,000), iżda ma tkunx iżjed minn għaxart elef euro (€10,000), il-provvisti, xogħlijiet jew servizzi jistgħu jiġu akkwistati mid-dipartiment nnifsu jew wara li jkun kiseb kwotazzjonijiet permezz tal-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern jew direttament mis-suq liberu fid-diskrezzjoni tal-Kap tal-Awtorità Kontraenti jew xi persuna delegata minnu bil-miktub, wara li jqis x’jkun l-ammont involut, l-urġenza li biha jkun irid isir l-akkwist u r-restrizzjonijiet tal-għażla u d-disponibbilità.' Sussegwentement, ir-Regolament 102 tar-Regolamenti dwar L-Akkwist Pubbliku L.S. 601.03 jgħid hekk: ‘(1) Sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni bil-miktub mid-Direttur [id-Direttur tal-Kuntratti], sejħiet għal kwotazzjonijiet li jeċċedu ħamest elef euro (€5,000) u sejħiet dipartimentali għal offerti għandhom jiġu ppubblikati fil-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern. (2) Jekk l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa ma tużax il-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern għal kwotazzjonijiet jew għal sejħiet dipartimentali għal offerti, li il-valur stmat tagħhom jaqbeż il-ħamest elef euro (€5,000), hija għandha tavża bil-pubblikazzjoni tagħhom permezz ta’ avviż fil-Gazzetta’.

Kwotazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-massimu fi flus li fornitur (supplier) jista’ jakkwista xogħol permezz tas-sistema tal-EPPS, f’kull perjodu (eż. kull sena jew kull darba li jipprovdi tali servizz)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-Regolamenti dwar L-Akkwist Pubbliku L.S. 601.03 ma jistabilixxux massimu ta’ flus li operatur ekonomiku jista’ jakkwista xogħol permezz tas-sistema tal-ePPS. Barra minn hekk, dawn ir-regolamenti ma jistabilixxux limitu f’terminu ta’ żmien u ta’ valur għas-servizz li jkun qed jiġi pprovdut. Madankollu, qabel tinħareġ sejħa għal-offerti, l-Awtorità Kontraenti trid tagħmel il-kalkolu tal-valur stmat tal-akkwist. Filfatt, ir-Regolament 28(1) tar-Regolamenti dwar L-Akkwist Pubbliku L.S. 601.03 jgħid hekk: ‘(1) Il-kalkolu tal-valur stmat ta’ akkwist għandu jkun ibbażat fuq l-ammont totali pagabbli, mingħajr il-VAT, kif stmat mill-awtorità kontraenti, inkluz kull forma ta’ għażla u kull tiġdid tal-kuntratti kif stipulat b’mod espliċitu fid-dokumenti ta’ akkwist.’

Containers fl-Enemalta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħattu containers fl-Enemalta plc ta’ tenders li nxtraw taħt is-sistema tad-DDP, matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħalissa hemm appell quddiem il-Public Contracts Review Board fuq tender għal xogħlijiet tal-istess natura bejn l-Enemalta u kumpanija privata, fejn l-Onor. Interpellant huwa wkoll rappreżentant legali tal-istess kumpanija li qed toġġezzjona. Kien ikun xieraq u etiku li jekk dan hu l-każ, l-Onor. Interpellant jiddikjara dan fid-domanda parlamentari li qed jagħmel f’din l-istituzzjoni. Filwaqt li l-Enemalta ssegwi l-obbligi tal-pubblikazzjoni skont il-liġi, ninsab infurmata wkoll li dan l-appell mistenni jibda jinstema x-xahar id-dieħel u wieħed għandu jkun kawt li ma jipreġudikax dawn il-proċeduri.

Containers fl-Enemalta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus fornitur b’fornitur, għal containers li nħattu fl-Enemalta plc ta’ tenders li nxtraw taħt is-sistema tad-DDP, matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24240.

Containers fl-Enemalta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il biċċa xogħol mill-containers li nħattu fl-Enemalta plc ta’ tenders li nxtraw taħt is-sistema tad-DDP ingħatat: a) b’tender; b) bi kwotazzjoni bis-sistema tal-EPPS; ċ) bi kwotazzjoni bl-idejn (by hand); u d) b’ordni diretta (direct order) fornitur b’fornitur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24240.

CPSU — Direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mis-CPSU?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Mediċina Aclasta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-mediċina Aclasta (5mg) titpoġġa bħala parti mil-listi ta’ mediċini li jinġabru skont is-sistema tal-karta s-safra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb biex il-formularju jitwessa sabiex jinkludi mediċina injettabli ‘bisphosphonate’ bħala parti mil-lista ta’ mediċini li jinġabru skont is-sistema tal-karta s-safra. Din il-mediċina tista’ tkun zoledronic acid 5 mg (bħall- Aclasta®) jew simili, jiġifieri mill-istess klassi farmaċewtika.

Trasport pubbliku — Xufiera minn barra l-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20344 u jgħid jekk xufiera li mhumiex mill-Unjoni Ewropea hux qed jitħallew isuqu trakkijiet tal-linja meta ma jkunux għaddew mit-test tas-sewqan?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport ta’ Malta fil-ħruġ tal-permess tagħha, toħroġ biss permessi lix-xufiera li m’humiex mill-Unjoni Ewropea li jissodisfaw ir-regolament 5 ta’ Leġislazzjoni Sussidjarja 65.18 ‘Regolamenti dwar Liċenzi għas-Sewqan ta’ Vetturi bil-Mutur’; kif ukoll sezzjoni 3 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.56 ‘Regolamenti Dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri’.

Trasport pubbliku – Xufiera minn barra l-Unjoni Ewropea — Liċenzja temporanja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20345 u jgħid jekk xufiera tat-trakkijiet tal-linja li mhumiex mill-Unjoni Ewropea humiex jingħataw liċenzja temporanja ta’ sena għalkemm ma jkunux għaddew mit-test tas-sewqan?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ma toħroġx liċenzji tas-sewqan temporanji taħt l-ebda kategorija.

Trasport pubbliku – Xufiera minn barra l-Unjoni Ewropea — Liċenzja temporanja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20346 u jgħid x’jiġri meta xufiera tat-trakkijiet tal-linja li mhumiex mill-Unjoni Ewropea jingħataw liċenzja temporanja ta’ sena, u meta din is-sena tiskadi jibqgħu ma jgħaddux mit-test tas-sewqan repetutament? Jista’ jgħid jekk hemmx xi sistema kif dawn ikunu jistgħu jibqgħu jsuqu t-trakkijiet tal-linja?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ma toħroġx liċenzji tas-sewqan temporanji taħt l-ebda kategorija.

Trasport pubbliku – Xufiera minn barra l-Unjoni Ewropea — Liċenzja temporanja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20347 u jgħid jekk xufiera tat-trakkijiet tal-linja li mhumiex mill-Unjoni Ewropea li qed jingħataw liċenzja temporanja ta’ sena u li jibqgħu ma jgħaddux mit-test tas-sewqan, humiex jintbagħtu Sqallija biex meta jiġu lura terġa’ tibda tgħodd sena oħra għal liċenzja temporanja?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ma toħroġx liċenzji tas-sewqan temporanji taħt l-ebda kategorija. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, l-Awtorità tikkonferma li ma bagħtet l-ebda xufier Sqallija.