Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sena skolastika 2025-2026 – Edukazzjoni obbligatorja – Studenti li ma kisbux livell MQF

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ma kisbu MQF Level 1 jew ogħla fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li minn 4,381 student, in-numru ta’ studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ma kisbu MQF Livell 1 jew ogħla fis-sena skolastika 2025-2026 fil‑Kwalifika ta’ Tmiem l‑Edukazzjoni Sekondarja (SSQ&P) jammonta għal 743. B’hekk nistgħu ninnutaw li l-ammont ta’ studenti li ma kisbux MQF Livell 1 jew ogħla naqas mis-snin preċedenti.

Livelli MQF – Metodoloġija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-metodoloġija użata biex jiġi assenjat il-livell MQF lill-istudenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li infurmat li l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 607.01, ir-Regolamenti dwar il-Qafas Malti tal-Kwalifiki għal Tagħlim Tul il-Ħajja, tistabbilixxi l-qafas regolatorju li abbażi tiegħu jiġu klassifikati l-kwalifiki u r-rikonoxximenti li jistgħu jingħataw permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali. Dan il-qafas regolatorju huwa bbażat fuq id-deskritturi tal-livelli fi ħdan il-Qafas Malti tal-Kwalifiki, magħruf bħala l-MQF. Ninsab infurmat li l-livelli fi ħdan l-MQF huma marbuta ma’ deskritturi li jirriflettu l-livell ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi tal-individwu. Għaldaqstant, ninsab infurmat li il-klassifikazzjoni fi ħdan l-MQF ma għandhiex titqies bħala sempliċi numru jew livell assenjat lill-istudent, iżda għandha tinftiehem fil-kuntest tal-kwalifika jew tar-rikonoxximent li jkun inkiseb u tal-livell ta’ tagħlim li dik il-kwalifika tirrappreżenta. Infurmat li Ir-regolamenti jiddefinixxu wkoll l-“eżitu tat-tagħlim” bħala dikjarazzjoni li tiddefinixxi dak li persuna li tkun qed titgħallem tkun taf, tifhem u tkun kapaċi tagħmel meta ttemm il-proċess ta’ tagħlim. Għalhekk, l-eżiti tat-tagħlim huma element importanti biex wieħed jifhem kif kwalifika jew rikonoxximent jiġi relatat ma’ livell partikolari fi ħdan il-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Il-Kapitolu 607, l-Att dwar l-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, jiddefinixxi wkoll l-akkreditament bħala l-approvazzjoni formali mill-awtorità kompetenti li, fost affarijiet oħra, programm edukattiv marbut ma’ livelli fi ħdan l-MQF jilħaq l-istandards ta’ kwalità. Dan ifisser li l-livell tal-MQF għandu jitqies fil-kuntest usa’ tal-programm edukattiv, tal-kwalifika u tal-istandards ta’ kwalità applikabbli. Għalhekk, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-livell tal-istudent u l-livell tal-kwalifika. Fil-prattika tal-qafas regolatorju, dak li jkun klassifikat jew marbut ma’ livell tal-MQF huwa l-programm, il-kwalifika jew ir-rikonoxximent rilevanti. L-istudent, min-naħa tiegħu, jikseb dik il-kwalifika jew dak ir-rikonoxximent wara li jkun temm il-perkors edukattiv rispettiv. Dan huwa konsistenti mal-mod kif il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi l-qafas bħala wieħed għall-klassifikazzjoni tal-“kwalifiki u r-rikonoxximenti”. Barra minn hekk, il-Kapitolu 607 jagħmel distinzjoni bejn edukazzjoni avvanzata u edukazzjoni ogħla b’riferiment dirett għal-livelli tal-MQF. L-edukazzjoni avvanzata hija definita bħala tagħlim formali mhux obbligatorju li jwassal għal kwalifika nazzjonali klassifikata sa u inkluż il-livell 4 tal-MQF, filwaqt li l-edukazzjoni ogħla tirreferi għal tagħlim formali mhux obbligatorju jew riċerka li twassal għal kwalifika nazzjonali fil-livell 5 tal-MQF jew ogħla, jew kwalifika barranija f’livell komparabbli. Għaldaqstant, meta student itemm b’suċċess programm ta’ studju u jikseb il-kwalifika jew ir-rikonoxximent rispettiv, il-livell MQF assoċjat miegħu jirrifletti l-livell li fih tkun ġiet klassifikata dik il-kwalifika jew dak ir-rikonoxximent skont il-qafas regolatorju applikabbli. Dan il-qafas għandu l-għan li jipprovdi struttura għall-klassifikazzjoni tal-kwalifiki u r-rikonoxximenti, inkluż dawk miksuba permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali, fuq il-bażi tad-deskritturi tal-livelli stabbiliti fil-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Għaldaqstant, il-metodoloġija ma tikkonsistix f’assenjazzjoni arbitrarja ta’ livell lil student individwali, iżda fil-klassifikazzjoni tal-kwalifika jew tar-rikonoxximent skont il-qafas regolatorju u d-deskritturi tal-MQF, filwaqt li jitqiesu l-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-eżiti tat-tagħlim marbuta magħhom. L-aspett regolatorju għandu rwol important anki meta nikkunsidraw programmi akkreditati mhux formali li jingħataw Kwalifika ta’ MQF. Dawn il-programmi iridu isegwu struttura stabbilita ta’ skrutinju u evalwazzjoni regolatorja. B’hekk, infurmat li student jikseb kwalifika jew rikonoxximent fil-livell MQF rispettiv skont il-perkors edukattiv li jkun segwa u temm, u skont ir-rekwiżiti tal-programm u tal-kwalifika rispettiva.

MQF Level 3 – Edukazzjoni obbligatorja – Proporzjon tal-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persentaġġ ta’ studenti li kisbu MQF Level 3 fis-sena skolastika 2025-2026 żdiedx jew naqasx bħala proporzjon tal-istudenti kollha li temmew l-edukazzjoni obbligatorja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-persentaġġ ta’ studenti li kisbu MQF Livell 3 fil‑Kwalifika ta’ Tmiem l‑Edukazzjoni Sekondarja (SSQ&P) fis-sena skolastika 2025-2026 żdied b’10.5%.

Kwalifiki MQF Level 1, 2 u 3

Question

Jista’ l-Ministru jqabbel il-figuri tal-kwalifiki MQF Level 1, 2 u 3 li kisbu l-istudenti fis-sena skolastika 2025-2026 ma’ dawk tas-snin skolastiċi 2023, 2024 u 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat li l-informazzjoni hija kif tidher f’din it-tabella. 2023-2024 2024-2025 2025-2026 MQF Livell 3 MQF Livell 2 MQF Livell 1 MQF Livell 3 MQF Livell 2 MQF Livell 1 MQF Livell 3 MQF Livell 2 MQF Livell 1 1952 593 73 2855 655 87 3264 367 7

Sena skolastika 2025-2026 – Edukazzjoni obbligatorja – MQF Level 1, 2 u 3

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tqassim dettaljat tal-istudenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja fis-sena skolastika 2025-2026 u li kisbu MQF Level 1, MQF Level 2 u MQF Level 3, rispettivament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat li l-informazzjoni hija kif tidher f’din it-tabella. 2025-2026 MQF Livell 3 MQF Livell 2 MQF Livell 1 3264 367 7

Sena skolastika 2025-2026 – Studenti tal-Year 11

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru totali ta’ studenti tal-Year 11 li temmew l-edukazzjoni obbligatorja fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li t-total ta’ student tal-Year 11 li temmew l-edukazzjoni obbligatorja fis-sena skolastika 2025-2026 hija ta’ 2485.

Kaċċa – Policies/permits

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull ftehim, memorandum jew komunikazzjoni bejn il-Gvern u għaqdiet tal-kaċċaturi relatati ma’ policies jew permits tal-kaċċa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex filwaqt li jispeċifika l-mistoqsija tiegħu, żgur li dan il-Gvern ma bagħat l-ebda komunikazzjoni bil-miktub u iffirmata minn Prim Ministru fejn il-kaċċaturi kienu ġew imwegħdin li l-kacca u l-insib se jigu ssalvagwardjati, biex mbagħad ftit wara ġara kollox bl-oppost. Il-politika ta’ dan il-Gvern favur id-delizzji u tradizzjonijiet lokali hija ċarissima. Dan għal kuntrarju tal-partit fl-oppozizzjoni.

Elezzjoni Ġenerali 2026 – Liċenzji tal-kaċċa maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja tal-kaċċa nħarġet wara l-Elezzjoni Ġenerali 2026 u jekk kienx hemm żieda fl-applikazzjonijiet matul dan il-perjodu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aħħar eżamijiet tal-liċenzja tal-kaċċa saru f’Ġunju li għadda. Il-proċess biex jinħarġu l-liċenzji tal-kaċċa għadu ma bediex peress li r-riżultati tal-eżamijiet għadhom qegħdin jiġu pproċessati. In-numru ta’ applikanti li poġġew għal dawn l-eżamijiet huwa fl-istess livell ta’ sessjonijiet preċedenti.

Sistema tal-ħruġ ta’ liċenzji għall-kaċċa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni jirrevedi s-sistema tal-ħruġ ta’ liċenzji għall-kaċċa sabiex ikun hemm aktar trasparenza u infurzar effettiv?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura tal-eżamijiet biex wieħed tinħariġlu liċenzja ġdida hija diġà waħda trasparenti. Qabel l-eżami, l-applikanti jiġu mistiedna jattendu kors ta’ informazzjoni li matulu jingħataw tagħrif u spjegazzjonijiet dwar ir-regolamenti applikabbli, inkluż l-identifikazzjoni ta’ għasafar kaċċabbli. Wara dan il-kors, l-applikanti jiġu msejħa biex ipoġġu għall-eżami bil-għan li jiġu evalwati fuq l-għarfien tagħhom tar-regolamenti u l-identifilazzkoni tal-għasafar kaċċabbli. L-applikanti jiġu infurmati bil-miktub bir-riżultat tal-eżami tagħhom. Dawk li ma jgħaddux mill-eżami jingħataw l-opportunità li jerġgħu jpoġġu għall-eżami f’sessjoni sussegwenti. B’differenza mill-proċedura ta’ interview li kienet tintuża qabel it-twaqqif tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU), l-eżami bil-miktub jipprovdi metodu ta’ evalwazzjoni oġġettiv u uniformi li ma jħallix lok għal preġudizzju jew għal interpretazzjonijiet differenti.

Regolamenti tal-kaċċa – Uffiċjali tal-infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-infurzar assenjati biex jissorveljaw il-konformità mar-regolamenti tal-kaċċa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Speċi protetti/migratorji – Effett tal-kaċċa – Impact assessment ambjentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx impact assessment ambjentali dwar l-effett tal-kaċċa fuq ċerti speċi protetti jew migratorji?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kumitat Ornis huwa inkarigat li jevalwa dawn il-kwistjonijiet skont ir-regolament 10 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S.549.42).

Kaċċa – Permits speċjali jew derogi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew approvati permits speċjali jew derogi relatati mal-kaċċa matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-attivitajiet relatati mal-kaċċa, inħarġu biss id-derogi għall-kaċċa fir-rebbiegħa tas-summien (mit-13 t’April sat-3 ta’ Mejju) u tal-gamiem (mill-20 t’April sat-3 ta’ Mejju), permezz tal-Avviżi Legali Nru 80 u 81 tal-2026 rispettivament, maħruġa taħt l-Att dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S.549.42).

Ksur tal-liġijiet tal-kaċċa – Persuni li kellhom każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li ngħataw jew ġeddew il-liċenzja għall-kaċċa matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026, minkejja li kellhom każijiet pendenti relatati ma’ ksur tal-liġijiet tal-kaċċa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, minkejja l-fatt li jkunu għaddejjin proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qrati, il-liċenzji rilevanti jibqgħu jiġu mġedda mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tingħata mill-Qorti. Madankollu, ladarba tingħata deċiżjoni definittiva mill-Qorti, tittieħed l-azzjoni amministrattiva meħtieġa, inkluża s-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzja rilevanti skont kif tkun tablet il-Qorti.

Liċenzji għall-kaċċa – Persuni mmultati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti jew ġiet immultata minħabba ksur relatat mal-liċenzja għall-kaċċa matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perjodu indikat, inħarġu 4 multi amministrattivi fir-rigward tal-offiżi msemmija fl-Iskeda VIII tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi. Fir-rigward ta’ proċeduri quddiem il-Qorti, ġentilment ninfurmak li t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) tiġi mitluba mill-Pulizija biex tipprovdi assistenza teknika matul il-prosekuzzjoni ta’ ċerti każijiet relatati mal-kaċċa. Madankollu, peress li l-WBRU mhijiex l-awtorità responsabbli mill-prosekuzzjoni, ma jkollhiex l-informazzjoni kompleta li qed tiġi mitluba.

Kaċċa – Spezzjonijiet/enforcement checks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni jew enforcement checks saru mill-awtoritajiet relatati mal-kaċċa matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) tipprovdi assistenza teknika lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta meta tintalab biex tassisti fl-ispezzjoni ta’ ċerti każijiet. Madankollu, peress li l-WBRU ma tkunx involuta fil-każijiet kollha, ma jkollhiex l-informazzjoni kompleta mitluba.

Każijiet ta’ allegat kaċċa illegali jew ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ allegat kaċċa illegali jew ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Liċenzji għall-kaċċa li ġew sospiżi/irrevokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja għall-kaċċa ġiet sospiża jew irrevokata matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026 u għal liema raġuni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pulizija tinnotifika lit-Taqsima tar-Regolamentazjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) dwar persuni li l-liċenzja tagħhom tkun ġiet sospiża jew revokata mill-Qorti biex isiru l-proċeduri amministrattivi għall-ġbir tal-liċenzji. Matul il-perjodu inkwistjoni, il-WBRU ġiet notifikata bis-sospensjoni jew revoka ta’ 7 liċenzji għall-kaċċa tal-għasafar fuq l-art. Madankollu, jista’ jkun hemm sentenzi oħra li għadhom fil-perjodu ta’ appell u għaldaqstant għadhom ma ġewx notifikati lill-WBRU.