Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx mekkaniżmu nazzjonali ta’ “emergency stock” biex jiġi żgurat li mediċini essenzjali qatt ma jispiċċaw mill-istokk?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li ċ-CPSU għandhom stockpile ta’ sitt xhur għall-mediċina kollha ibbażżata fuq l-użu tal-prodott. Is-sitwazzjoni tal-konsum hija dinamika u moniteraġġ huwa kontinwu biex jinżamm l-ammont approvat.
Lista Nazzjonali tal-Mediċini - Żieda fil-mediċina
Question
Jista’ l-Ministru jindika kemm-il mediċina ġdida żdiedet mal-Lista Nazzjonali tal-Mediċini fl-aħħar sentejn, u f’liema kategoriji ta’ mard jintużaw dawn il-mediċini?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 29220.
Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar liema huma l-kawżi prinċipali tan-nuqqasijiet ta’ mediċini (eż. kwistjonijiet ta’ forniment internazzjonali, nuqqas ta’ pjanar tal-akkwist, jew dewmien fl-approvazzjoni ta’ ordnijiet)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li l-Gvern kontinwament jaħdem biex ma jkunx hemm mediċini out of stock. Sfortunatament minħabba raġunijiet li ma jkollniex kontroll fuqhom, bħal ta’ forniment internazzjonali, ikun hemm istanzi fejn ċertu mediċini ma jkunux disponibbli. Qed ikun hemm każijiet oħra li minħabba problemi internazzjonali, pajjiż iħalli kwota ‘żgħira’ toħroġ minn pajjiżu. Ikun hemm ukoll fornitur/i li ma jwasslux l-ordni fil-ħin. Jiġru każijiet fejn kien hemm żieda straordinarja ta’ xi prodott mediċinali li ma jkunx antiċipat. Inserraħ ras lill-Onor. Interpellant li ċ-CPSU jagħmel minn kollox li hu skond ir-regoli tal-akkwist pubbliku, biex ma jkunx hawn medċini out of stock.
Operazzjonijiet elettivi – Listi ta’ stennija - Sistemi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’teknoloġiji jew sistemi ġodda qed jiġu introdotti biex itejbu l-ippjanar u l-ġestjoni tal-listi ta’ stennija għal operazzjonijiet elettivi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li diġà hemm sistema ċentralizzata għal-lista ta’ stennija u l-Ministeru qed jikkonsulta mal-awtoritajiet tal-IT sabiex jiġu introdotti teknoloġiji u software aktar avvanzat u modern.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx target nazzjonali (eż. massimu ta’ ġranet ta’ stennija) għal ċerti tipi ta’ operazzjonijiet elettivi, u jekk Malta hix qed tilħaq dawn il-miri?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li t-target huwa diġà stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm pazjenti li kellhom l-operazzjoni tagħhom posposta minħabba nuqqas ta’ sodod jew nuqqas ta’ riżorsi umani f’dawn l-aħħar sentejn?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li kien hemm 5 drabi. L-operazzjonijiet saru fl-iqsar żmien possibli u ma kienux każijiet urġenti.
Jista’ l-Ministru jindika x’inhu l-għadd ta’ tobba u kirurgi speċjalizzati li bħalissa huma ddedikati għall-operazzjonijiet elettivi, u jekk hemmx pjan biex jiżdied dan l-għadd?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar sena u nofs, `il fuq minn 50 konsulent ġew appuntati u hemm "stream" kontinwu ta' "Resident Specialists" appuntati lesti biex kif ilestu t-taħriġ, jiġu rreġistrati fl-"ispecialist register".
Każijiet elettivi – Sistemi ta’ prijoritizzazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx sistema ta’ prijoritizzazzjoni għall-każijiet elettivi u kif jiġi deċiż il-livell ta’ urġenza għall-pazjenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull persuna li tidħol l-isptar issirilha assessment tal-kundizzjoni tagħha u minn dan l-assessment jiġi deċiż x’għandu jsir minn hemm ’l quddiem.
Operazzjonijiet elettivi – Kollaborazzjoni ma’ sptarijiet privati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ftehim jew kollaborazzjoni sabiex ċerti operazzjonijiet elettivi jiġu trasferiti jew imwettqa minn sptarijiet privati sabiex jitnaqqsu l-listi ta’ stennija?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm ftehim u kollaborazzjoni ma’ sptarijiet privati sabiex isiru ċerti operazzjonijiet elettivi u b’hekk jonqsu l-listi ta’ stennija.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li għall-2025, il-Gvern ivvota €14-il miljun għall-outsourcing.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm sabiex jiżdiedu l-operazzjonijiet elettivi wara l-ħinijiet normali tal-isptar (out-of-hours) jew permezz ta’ sessjonijiet addizzjonali fi tmiem il-ġimgħa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qed jagħmel użu massimu mit-teatri kemm ta’ MDH u kif ukoll ta’ Ċensu Moran, Ċentru Reġjonali tas-Saħħa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li bħalissa jinsabu fuq il-lista ta’ stennija għal operazzjonijiet elettivi? Jista’ jgħid ukoll kif inbidel dan in-numru meta mqabbel mas-sena 2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal-liema speċjalità qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jagħti l-figuri ta’ kemm operazzjonijiet elettivi saru fis-snin 2023 u 2024, u kemm minnhom ġew posposti jew ikkanċellati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ operazzjonijiet elettivi rreġistrati li saru kien ta’ 52,235 proċedura fl-2024 u 47,243 proċedura fl-2023.
Infurmat ukoll li n-numru ta’ operazzjonijiet/interventi li kienu bbukjati b’data u li ma sarux f’dik id-data partikolari, huwa ta’ 3,136 intervent fit-2024 u 3,554 intervent fl-2023.
Ikun hemm bosta raġunijiet għala ma jsirux l-operazzjoni, ħafna drabi raġunijiet mediċi. Ikun hemm ukoll każijiet fejn il-pazjent ma jiġix.
Operazzjonijiet elettivi – Medja ta’ żmien ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja ta’ żmien ta’ stennija għal kull kategorija ta’ operazzjonijiet elettivi (eż. ortopedija, kardjoloġija, oftalmoloġija) fl-Isptar Mater Dei u f’faċilitajiet oħra pubbliċi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Infermiera u tobba – Inċentivi għaż-żgħażagħ biex jagħżlu l-professjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jiżdiedu l-inċentivi (eż. allowances, scholarships, packages speċjali) sabiex aktar żgħażagħ jagħżlu li jidħlu fil-professjoni tal-infermiera u tat-tobba?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jindika x’passi qed jittieħdu biex tiġi indirizzata l-problema ta’ burn out u stress fost l-infermiera u t-tobba, inkluż jekk hemmx servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku għal dawn il-professjonisti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li s-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali jindirizzaw il-problemi ta’ burn-out u stress fost il-ħaddiema kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell ta’ tim. Bħala parti minn dan l-approċċ, jintuża s-
Servizz tal-Employee Support Programme
(ESP), li għalih il-management jista’ jirreferi lill-impjegati wara diskussjoni diretta magħhom. Il-parteċipazzjoni f’dan is-servizz hija volontarja.
Barra minn hekk, fis-settur tas-saħħa mentali, Consultant Psychologist joffri appoġġ professjonali kemm lil ħaddiema individwali kif ukoll lil timijiet multidixxiplinarji, bħal swali jew servizzi fil-komunità, li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi jew perjodi ta’ stress intens.
Dawn l-interventi huma mfassla biex jiżguraw li l-impjegati jkunu protetti mill-effetti ta’ stress u burn-out, fost oħrajn, bl-aktar mod effikaċi u professjonali possibbli.
Qasam tas-saħħa – Infermiera u tobba – Paid study leave u sponsorships
Question
Jista’ l-Ministru jagħti statistika dwar kemm-il infermier u tabib ingħata paid study leave jew sponsorship mill-Gvern biex ikompli l-istudji fi speċjalizzazzjonijiet mediċi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul l-2025, kien hemm 319 infermiera u 97 tabib li ingħataw paid study leave u sponsorship mill-Gvern biex ikompli l-istudju fi specjalizzazzjonijiet mediċi. Minn dawn 416 ħaddiem ingħata paid study leave u 40 ingħata sponsorship.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet ta’ reklutaġġi ġodda fil-qasam tas-saħħa, inkluż kemm tobba u infermiera huma mistennija li jiġu reklutati fix-xhur/snin li ġejjin?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kull sena jsir reklutaġġ fil-qasam tas-saħħa wara li l-istudenti jiggradwaw.
Qasam tas-saħħa – Settur pubbliku –Baġit għat-taħriġ u speċjalizzazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għall-programmi ta’ taħriġ kontinwu u speċjalizzazzjoni għall-infermiera u t-tobba fis-servizz pubbliku għall-2025?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill- Onor. Interpellant għall-Estimi finanzjarji li kopja tagħhom diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninfurmah ukoll li kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari nru 30911, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva joffri lill-impjegati numru ta’ scholarships, sponsorships u paid study leave sabiex ikomplu jżidu l-ħiliet u l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-miżuri li ttieħdu jew li qed jiġu ppjanati li jittieħdu sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-infermiera u t-tobba, inkluż il-ħlasijiet, l-overtime, u l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jara b’mod regolari li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kollha, inkluż l-infermiera, tobba u kull min jaħdem fis-settur tas-saħħa.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li f’Settembru 2023, il-Gvern issiġilla ftehim bl-aħjar kundizzjonijiet mal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN.
Infakkar ukoll f’Novembru 2024 sar il-ftehim għall-ħaddiema kollha fis-settur pubbliku li jkopri żidiet fil-pagi, żidiet f’allowances ġodda u l-introduzzjoni ta’ allowances oħrajn. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ mill-bidu ta’ din is-sena u jkopri sas-sena 2030. Minn dan kollu ibbnefikaw fost l-oħrajn l-infermierali u tobba u kull min jaħdem f’dan is-settur.
Ninsab ċert li b’dawn il-kundizzjonijiet ġodda għandhom iħajjru aktar persuni jidħlu f’dawn il-professjonijiet.
Apparti titjib fil-pagi, il-Gvern hu ffukat li jtejjeb l-ambjent tax-xogħol u anke fil-kundizzjonijiet tal-impjieg.