Kollaborazzjoni ma’ Ministeri oħra biex tiġi indirizzata l-obeżità fost it-tfal u ż-żgħażagħ
Question
No question text.
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u ministeri oħra, inkluż il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Invovazzjoni, sabiex tiġi indirizzata l-obeżità fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Din il-kollaborazzjoni tinkludi:
• Programmi ta’ edukazzjoni dwar nutrizzjoni u stil ta’ ħajja b’saħħtu fl-iskejjel, li jippromwovu dieta bilanċjata u tnaqqis fil-konsum ta’ ikel b’ħafna zokkor u xaħam.
• Inizjattivi ta’ attività fiżika fil-kurrikulu tal-iskejjel u barra minnu, inkluż il-promozzjoni tal-HEPA Strategy (Health-Enhancing Physical Activity).
• Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn ġenituri u żgħażagħ dwar l-importanza ta’ ħajja attiva u dieta sana.
• Monitoraġġ u riċerka dwar il-livelli ta’ piż żejjed u obeżità fost it-tfal u ż-żgħażagħ biex jiġu identifikati riskji u miżuri effettivi.
• Regolazzjoni li jinkludi regolament dwar il-prokura tal-ikel fl-iskejjel u servut, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti offruti jkunu konformi ma’ linji gwida nutrittivi u jippromwovu dieta sana fost it-tfal.
Barra minn hekk, jeżisti Kumitat Konsultattiv dwar l-Istili ta’ Ħajja li joriġina mill-Att dwar l-Istil ta’ Ħajja relatat ma’ Mard Mhux Trasmissibbli (NCD Lifestyle Act). Dan il-kumitat jinkludi rappreżentanti minn diversi ministeri, professjonisti tas-saħħa, esperti fl-edukazzjoni u sport. Il-kumitat jiltaqa’ kull xahar biex jaħdem fuq azzjonijiet ta’ kollaborazzjoni u jagħti pariri dwar proġetti u inizjattivi li jippromwovu ħajja b’saħħitha fosthom prevenzjoni tal-obeżità.
Irrid nirrimarka li l-Qafas Nazzjonali dwar il-Mard Mhux Trasmissibbli (NCD Framework) jippromwovi l-prinċipju ta’ Health in All Policies, kif ukoll approċċ ta’ Whole-of-Government u Whole-of-Society, sabiex il-prevenzjoni tal-obeżità u l-promozzjoni ta’ ħajja b’saħħitha jkunu integrati f’kull livell ta’ politika u azzjoni.
Servizz tas-Saħħa Pubbliku – impatt finanzjarju fuq immaniġġar ta’ pazjenti obeżi u dijabetiċi
Question
No question text.
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant mhiex statistika li tinħadem b'mod regolari mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
Infurmat li l-aħħar eżerċizzju li sar f'dan ir-rigward kienet publikazzjoni mill-PWC li saret b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa, fejn inħadem l-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-obeżità f'Malta. Dan kien ippubblikat f’Marzu 2017. Kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex jiżdied l-aċċess għall-apparat mediku modern kontra d-dijabete?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li hemm pjanijiet biex jibdew jiġu offruti monitors għall-glukożju u ketoni fid-demm lill-pazjenti bid-dijabete tal-ewwel tip (Type 1).
Eventwalment hemm ukoll il-ħsieb li jibdew jingħataw pompi tal-insulina b’sistema ‘hybrid closed loop’ lil settur ta’ pazjenti bid-dijabete (Type 1) u li għandhom 18-il sena jew inqas.
Baġit allokat għall-prevenzjoni tal-Obeżità u d-Dijabete għas-sena 2025
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għall-prevenzjoni tal-obeżità u d-dijabete għall-2025 u kif se jintefqu dawn il-fondi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul 2025, saru diversi attivitajiet ta’ informazzjoni inklużi f’lokalitajiet differenti. Matulhom saru taħdidiet f’postijiet tax-xogħol differenti It-taħdidiet kienu jinkludu informazzjoni dwar in-nutrizzjoni u stil ta’ ħajja sana, il-prevenzjoni tal-kanċer, is-saħħa fis-sħana, l-idratazzjoni u s-sikurezza tal-ikel u d-diajbete. Sar taħriġ lill-għalliema dwar ix-energy drinks u s-saħħa mentali.
Kien hemm partteċipazzjoni fil-proġett Health4EUKids. Din hi inizjattiva mifruxa fuq tliet snin għandha l-għan li tippromwovi stili ta’ ħajja tajba għas-saħħa fost familji bit-tfal. L-għan ewlieni huwa prevenzjoni tal-obeżità fit-tfal billi jinkoraġġixxi aktar attività fiżika u dieti. Malta qed timplementa il-programm best practice Grȕnau Moves.
Infurmat li dan il-proġett pilota ġie implimentat fil-komunità tal-Ħamrun. Il-proġett jippromwovi stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom, iżid l-attività fiżika u jindirizza l-obeżità fit-tfal ta’ bejn 4 u 12-il sena kif ukoll fost il-familji tagħhom. Parti sinifikanti mill-investiment tal-proġett kienet relatata mar-riżorsi umani (nutrizjonisti, psikologi, fiżjoterapisti, disinjaturi, amministraturi tal-prokura) b’€65,492 allokati għal spejjeż tal-persunal.
Dan sar bis-sehem ta’ għaqdiet volontarji u tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.
Infurmat li billi l-missjoni tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard hi li nipproteġu, nippromwovu u nappoġġjaw is-saħħa u l-benessri tal-poplu Malti, ġie mniedi programm ġdid għal persuni li jbatu mid-dijabete tat-tip 2, imsejjaħ Care4Diabetes. Dan hu programm innovattiv ikkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-grant numru 101082427.
Il-programm huwa bbażat fuq il-mudell “Reverse Diabetes 2 Now”, żviluppat fl-Olanda u rikonoxxut bħala Best Practice. Care4Diabetes qed jiġi implimentat f’12-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea, billi jqiegħed il-prevenzjoni u l-appoġġ lill-pazjent fil-qalba tas-servizz.
Il-programm joffri appoġġ strutturat fuq perjodu ta’ sitt xhur permezz ta’ tim multidixxiplinari li jinkludi tobba, dietisti, infermiera speċjalizzati u psikologi. Il-fokus ewlieni huwa fuq in-nutrizzjoni, l-attività fiżika, is-saħħa mentali, il-kwalità tal-irqad u l-immaniġġjar tal-istress.
L-ewwel żewġ ċikli pilota ġew implimentati fl-2024 u fl-2025 fil-gżira Għawdxija, u wrew riżultati pożittivi ħafna. Il-parteċipanti rrappurtaw kontroll aħjar taz-zokkor fid-demm, tnaqqis fid-dipendenza fuq il-medikazzjoni, telf ta’ piż, u titjib fil-benesseri mentali. Dan juri li l-programm mhux biss joffri kura aktar effettiva, iżda jippromwovi wkoll stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu u sostenibbli.
Infurmat li saret preżentazzjoni waqt konferenza nazzjonali li saret fil-Forti Sant’Anġlu, bil-parteċipazzjoni ta’ professjonisti mediċi, timijiet multidixxiplinari u esperti fis-saħħa pubblika.
Ispejjeż Relatati għas-sena 2025 huwa kif ġej: €83,400 marbuta ma’ dawn l-attivitajiet
Imfurmat li matul l-2025 kien hemm kampanja edukattiva nazzjonali “Move to Improve”, liema kampanja ta’ attività fiżika inkludiet reklami fuq it-TV u r-radju, riżorsi bħal vidjows ta’ eżerċizzju, rotot tal-mixi, fuljetti stampati ta’ eżerċizzju u mappa tal-lokalitajiet fuq il-websajt tal-HPDP.
Ingħataw sessjonijiet b’xejn għall grupp dwar il-ġestjoni tal-piż “Piz tajjeb tul Ħajtek”. Dan il-programm iseħħ kemm personalment f’lokalitajiet differenti kif ukoll online. Ir-riżorsi meħtieġa swew €98,279
Strateġija Nazzjonali kontra l-Obeżità u d-Dijabete
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex Strateġija Nazzjonali kontra l-Obeżità u d-Dijabete, u jekk iva, x’riżultati konkreti nkisbu s’issa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Il-Gvern jagħraf il-ħtieġa urġenti li tiġi ttrattata l-kwistjoni urġenti tal-obeżità u d-dijabete flimkien ma’ mard ieħor mhux infettiv fost il-popolazzjoni.
Dwar it-tnaqqis ta’ piż żejjed u l-obeżita’ tnieda Qafas ta’ Politika għall-Prevenzjoni ta’ Mard li ma jitteħidx u l-Promozzjoni tal-Benessri (
Policy Framework for the Prevention of Non-Communicable Diseases and the Promotion of Wellbeing
) li se jindirizza diversi aspetti li jiffaċiltaw l-implimentazzjoni effettiva u jindirizzaw il-politika dwar numru ta’ oqsma tas-saħħa. It-tnaqqis tal-piż żejjed u l-obeżità huma fost l-oqsma li ħadu attenzjoni speċifika.
Tliet strateġiji vertikali separati joħorġu mill-qafas ta’ politika li jirrelataw mal-obeżita’ li huma Strateġija ta' Ġestjoni ta' Piż u l-Kura tal-Obeżità (
Weight
Management and Obesity Care Strategy)
li qegħda titfassal
,
Strateġija ta' Ikel Tajjeb Għas-Saħħa u Nutrizzjoni (
Healthy Eating and Nutrition Strategy
) li qegħda titfassal u Strateġija ta' Attività Fiżika (
Health-Enhancing Physical Activity Strategy
) li tnedniet f'Ottubru 2025.
Malta għandha Strateġija Nazzjonali tad-dijabete li kopriet mis-sena 2015 sa 2020. It-tieni strateġija ġiet imfassla u mibgħuta lill-Kabinet għal konsiderazzjoni tiegħu u bħalissa qed isiru diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi dwar il-fondi meħtieġa biex tiġi implimentata din l-istrateġija.
Minn meta ġiet varata l-ewwel strateġija tad-dijabete twettqu numru ta’ mizuri, fosthom:
· Id-dipartiment tal-promozzjoni tas-saħħa u prevenzjoni tal-mard nieda diversi kampanji edukattivi u kotba ta’ informazzjoni u riċetti għal nies li jgħixu b’din il-kundizzjoni. Dan id-dipartiment għadu kif temm proġett pilota ‘Care 4 Diabetes’ li ħares lejn kif il-kura ħolistika ta’ pazjenti li jgħixu bid-dijabete ta’ Tip 2, lil hinn mill-mediċini biss, liema kura ħolistika tista’ tgħin lil dawn in-nies jirregolaw aħjar il-livell taz-zokkor fid-demm.
· Żdiedu l-mediċini għat-trattament tad-dijabete fuq il-formularju tal-gvern.
· Infetħet ‘Transition clinic’ f’Mater Dei Hospital għall-adoloxxenti li jkunu se jimxu minn taħt il-kura tal-Pedjatra għal taħt il-kura tal-Konsulent diabetolġiku tal-adulti.
· Żdiedu n-numru ta’ professjonisti speċjalizzati fuq id-dijabete.
· Infetaħ ‘
one-stop-shop'
għal pazjenti li jgħixu bid-dijabete ġo Qormi Health Center.
· Beda s-servizz ta’ nurse speċjalizzata fid-dijabete li ddur l-iskejjel fejn ikun hemm tfal li toħorġilhom din il-kundizzjoni biex tipprovdi edukazzjoni u s-sapport neċessarju.
· Kull pazjent li jgħix bid-dijabete ta’ Tip 1 ingħata
Continuos Glucose Monitor
· Kull pazjent li jgħix bid-dijabete ta’ Tip 2 ingħata
Blood glucose monitor
biex ikun jista’ jiċċekja l-livell taz-zokkor kuljum.
· Ġew varati u msaħħa varji servizzi ta’ moniteraġġ fid-dipartiment tal-kura primarja biex jinqabdu fi stadju bikri xi kumplikazzjonijiet li jistgħu ikunu assocjati mad-dijabete.
· Twaqqfu numru ta’ servizzi wkoll ġewwa Għawdex, fosthom is-servizz ta’ Pedjatra endokrinoloġiku fl-isptar t’Għawdex u klinika fil-Qala biex tara pazjenti b’din il-kundizzjoni u biex toffri numru ta’
screening tests
għall-kumplikazzjonijiet li huma assocjati mad-dijabete.
Implimentazzjoni b'suċċess ta’ kull strateġija trid tinvolvi d-dipartimenti tal-gvern kollu, fejn is-saħħa trid tiddaħħal bħala prijorita fil-politika kollha tal-gvern (whole-of-government) flimkien ma’ sħubija sħiħa mas-socjeta (whole-of-society). Is-saħħa tal-poplu trid tkun prijorità fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fis-setturi kollha tal-gvern - politika, strateġiji, u servizzi li fis-sens wiesa’ jimpattaw is-saħħa tal-poplu (Health-in-All Policies).
Pjanijiet Nazzjonali biex tiġi indirizzata r-rata ta’ obeżità fost it-tfal
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’pjanijiet nazzjonali hemm sabiex tiġi indirizzata r-rata għolja ta’ obeżità fost it-tfal?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jagħraf li r-rata għolja ta’ piż żejjed u obeżità fost it-tfal hija waħda mill-akbar sfidi tas-saħħa pubblika fil-pajjiż, u għalhekk qed jiġi adottat approċċ nazzjonali komprensiv biex din tiġi indirizzata b’mod strutturat u sostenibbli. Barra minn hekk, diġà hemm numru ta’ inizjattivi konkreti mmirati lejn it-tfal u l-familji tagħhom, fosthom edukazzjoni fiżika obbligatorja fl-iskejjel primarji u sekondarji, skema ta’ rifużjoni fuq ix-xiri ta’ roti, u t-tnaqqis fid-dħul taxxabbli għal ġenituri li wliedhom jattendu attivitajiet sportivi ma’ entitajiet approvati mill-Kunsill Malti għall-Isport (SportMalta). Malta qed tipparteċipa wkoll fil-Joint Action Ewropea “Health4EUKids” taħt il-programm EU4Health, li tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-obeżità fit-tfal permezz ta’ interventi fil-familja, l-iskejjel u l-komunità.
F’Settembru 2025 tnediet il-qafas nazzjonali għall- Policy Framework for the Prevention of Non-Communicable Diseases and the Promotion of Wellbeing, li jinkludi sezzjonijiet speċifiċi dwar in-nutrizzjoni, l-attività fiżika u l-obeżità. F’Ottubru 2025 ġiet imnedija wkoll il-Health-Enhancing Physical Activity Strategy, li tinkludi azzjonijiet konkreti biex tiġi mħeġġa l-attività fiżika regolari fil-komunità u fl-iskejjel. Parallelamment, bħalissa qegħdin jiġu żviluppati l-Healthy Eating and Nutrition Strategy u l-Weight Management and Obesity Care Strategy, li t-tnejn jinkludu taqsimiet ddedikati għat-tfal u ż-żgħażagħ, kemm fuq il-prevenzjoni kif ukoll fuq il-kura tal-piż żejjed u l-obeżità.
L-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi u strateġiji qed issir b’mod intersettorjali, flimkien ma’ ministeri oħra, l-iskejjel, il-kunsilli lokali, SportMalta u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, skont il-prinċipju ta’ Health-in-All Policies, sabiex jinħoloq ambjent li jiffaċilita ikel aktar nutrittiv, attività fiżika regolari u servizzi ta’ appoġġ adattati għat-tfal u għall-familji tagħhom.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li din s-sena, l-Gvern offra liż-żgħażagħ l-opportunità ta’ s-sħubija f’gym tal-għażla tagħhom. Din il-miżura ġiet estiża għall-2026 liż-żgħażagħ għall-etajiet ta’ bejn 16 - 21 sena. Din il-miżura għandha tħeġġeġ aktar żgħażagħ jgħażlu li jkunu fiżikament attivi u possibilment jindirizzaw l-obeżità.
Pazjenti li qed jirċievu trattamenti jew mediċini kontra d-dijabete mill-POYC
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li bħalissa qed jirċievu trattament jew mediċini kontra d-dijabete mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 30409.
Popolazzjoni Maltija li huma kklassifikati bħala obeżi jew overweight
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-perċentwali tal-popolazzjoni Maltija adulta u taż-żgħażagħ li bħalissa huma kklassifikati bħala obeżi jew overweight, u kif inbidlet din iċ-ċifra fl-aħħar ħames snin?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 26636.
Skola Medika – Health Village fl-Isptar San Luqa – Pjanijiet preżentati lill-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanijiet li ppreżenta lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jalloka l-iskola medika fil-‘Health Village’ fl-Isptar San Luqa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 32368.
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jibda jiffunzjona kompletament il-Paola Hub?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li t-tim ta’ tmexxija, flimkien mal-professjonisti u l-ħaddiema l-oħra kollha ġewwa ċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran huma mimlija enerġija biex joffru l-aqwa servizzi lill-pazjenti li jmorru f’din il-binja moderna u attrezzata bl-aktar apparat avvanzat fil-qasam mediku.
Fil-qasam tas-saħħa qatt ma tista’ tgħid li mhemmx aktar servizzi x’tista’ toffri. Il-mediċina dejjem tiżviluppa u s-servizzi dejjem trid tkompli tespandihom u ttejjibhom, bil-ħila tal-esperjenza tal-professjonisti kollha u billi tkompli tatihom għad-dispożizzjoni tagħhom l-aktar apparat state of art li joħroġ fis-suq. Hekk dan il-gvern ser ikompli jagħmel għax għal dan il-gvern, il-pazjent jiġi l-ewwel.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fl-2019, il-Ministru għas-Saħħa kien stqarr li f’Malta u Għawdex kien ser ikun hemm żewġ skejjel mediċi, waħda fl-Università ta’ Malta u l-oħra dik ta’ Barts ġewwa Għawdex?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-edukazzjoni medika formali hi waħda mill-eqdem fl-Ewropa u bdiet fis-seklu sbatax, bil-fakultà tal-mediċina u kirurġija twaqqfet formalment fis-seklu tmintax.
L-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex kellha ċ-ċentru tal-anatomija inawgurat f’Diċembru 2018, filwaqt li l-campus permanenti ġie inawgurat f’Novembru 2019.
Jista’ l-Ministru jagħti lista’ ta’ proġetti fis-settur tas-saħħa li twaqqfu jew b’xi mod ieħor inbidel il-ħsieb dwar id-disinn jew l-użu tagħhom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-qasam tas-saħħa, ikun hemm żviluppi kontinwi. Ħasra min ma jagħrafx is-sinjali u min ma joqgħodx fuq il-pariri siewja tal-professjonisti. Għax għandna ekonomija b’saħħitha, il-gvern jista’ jalloka €1.7 biljun biex inkomplu ninvestu kemm fin-nies kif ukoll fix-xiri tal-aktar apparat avvanzat biex insostnu l-firxa wiesa’ ta’ servizzi li għandna u nintroduċu oħrajn ġodda. Mhix b’kumbinazzjoni li llum kemm l-irġiel, kif ukoll in-nisa Maltin u l-Għawdxin huma fost l-ogħla fl-UE li jgħixu ħajja sana tul ħajjithom kollha.
Infakkar lill-Onor. Intrpellant li x-xogħol infrastrutturali, ix-xiri tal-apparat state of the art u l-ħolqien ta’ servizzi ġodda għall-pazjenti ser ikompli anke fis-sena li ġejja, f’kull qasam tas-saħħa, primarja, sekondarja u terzjarja, kif ukoll fis-saħħa mentali, fil-kura u s-servizzi għall-anzjani.