Jista’ l-Ministru jispjega kif qed tiġi indirizzata l-problema ta’ stigma kontra persuni b’mard mentali u jgħid jekk hemmx kampanji edukattivi jew preventivi fis-soċjetà u fl-iskejjel?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-problema tal-istigma qed tiġi indirizzata permezz ta’ tisħiħ tal-kwalità tal-kura, sabiex aktar persuni jħossuhom komdi jersqu għall-għajnuna. Qed isir enfasi fil-mod kif jiġu ppjanati s-servizzi, biex ma jsir l-ebda distinzjoni bejn mard fiżiku u mard mentali. Fil-fatt, il-futur tal-kura akuta fil-psikjatrija huwa ippjanat li jsir fl-Isptar Mater Dei. Qed jkun hemm parteċipazzjoni regolari tal-membri tad-Dipartiment tal-Psikjatrija f’programmi fil-midja, bil-għan li jżidu l-għarfien pubbliku dwar il-problemi tas-saħħa mentali.
Linji ta’ Emerġenza 24/7 u servizzi ta’ Crisis Intervention għal persuni bi problemi tas-saħħa mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx linji ta’ emerġenza 24/7 u servizzi ta’ crisis intervention għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, u kemm pazjenti użawhom fl-2023 u fl-2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-helpline 1579 jaħdem 24/7. F’każ ta’ emerġenzi psikjatriċi, l-ambulanza tintbagħat fuq il-post skont il-ħtieġa.
Infurmat li fis-sena 2024 kien hemm 9,830 telefonata fuq il-helpline 1579. Għar-rigward is-sena 2023, nirreferi lill-Onor. Interpllant għat-tweġiba tal-PQ 14432.
L-Isptar Mount Carmel – faċilitajiet ġodda jew proġetti ta’ modernizzazzjoni għas-servizzi tas-saħħa mentali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-faċilitajiet ġodda jew proġetti ta’ immodernizzar ippjanati għas-servizzi ta’ saħħa mentali, inkluż il-proġett ta’ wards ġodda fl-Isptar Mater Dei jew refurbishments tal-Isptar Mount Carmel?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadejjin diversi xogħlijiet fl-isptar Monte Carmeli fosthom; retrofitting u refurbishment fi block 1 li se jakkomoda 46 sodda. Fi block 2 u block 8 se jibdew xogħolijiet ta’ structural alterations kif ukoll upgrade fil-wards ta’ block 8 li jinkludu tibdil tal-kmamar kollha tal-banju. It-training centre eżistenti se jiġi konvertit fi swali għal konvenjenza ta’ aktar pazjenti. Fi block 2 se jsir ukoll tibdil tal-kmamar tal-banju. Fi block 5 f’ward 2 bdew xogħlijiet ta’ finishings. Ser isir ġnien ġdid għall-pazjenti minuri. Fl-istess blokka tal-YPU qed isir tibdil tal-kmamar tal-banju. Dawn aparti xogħlijiet strutturali oħra f’diversi blokkok madwar l-isptar.
Baġit allokat għal servizzi tas-saħħa mentali fl-2025
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għas-servizzi tas-saħħa mentali fl-2025 u kif inbidel dan il-baġit meta mqabbel mal-aħħar ħames snin?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li baġit allokat għas-servizzi tas-saħħa mentali fl-2025 hu kif jidher fl-Estimi Ġenerali li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kull baġit allokat fis-snin imgħoddija dejjem dehru fl-Estimi Ġenerali tas-sena relevanti. Dawn ukoll tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Strateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali – riżultati konkreti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex Strateġija Nazzjonali ta’ Saħħa Mentali, u jekk iva, x’riżultati konkreti nkisbu s’issa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Malta, mhux talli għandha Strateġija Nazzjonali Dwar is-Saħħa Mentali, talli din qed tiġi implementata b’mod attiv u kontinwu. Din l-istrateġija, li hija mfassla fuq perjodu ta’ għaxar snin, hija mibnija fuq approċċ komprensiv li jagħti prijorità lill-kura fil-komunità, lill-prevenzjoni, u lill-integrazzjoni tas-servizzi tas-saħħa mentali.
F’dan il-kuntest ta’ kura fil-komunità ser jinħolqu It-tliet Kliniċi Reġjonali ġodda għas-Saħħa Mentali.
Il-miżuri li qed jiġu implimentati jinkludu t-tisħiħ tat-timijiet multidixxiplinari, l-iżvilupp u t-twessigħ ta’ servizzi speċjalizzati, kif ukoll inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni tal-benessri mentali tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja.
L-għan prinċipali ta’ din l-Istrateġija huwa li s-settur tas-saħħa mentali jkompli jissaħħaħ b’mod sostenibbli, inklużiv u effettiv, b’rispons għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-soċjetà.
Bħalissa qed jiġi implimentat programm estensiv ta’ rinnovar fl-isptar Monte Karmeli. Fl-istess waqt kien hemm żieda fin-numru ta’ professjonisti mediċi biex issaħħaħ il-kapaċità tas-servizz u tiżgura kontinwità ta’ kura ta’ kwalità.
Il-Qasam Pubbliku - Appuntament ma’ psikjatra jew psikologu – medja ta’ żmien ta' stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-medja ta’ żmien ta’ stennija għal pazjent li jkollu appuntament għall-ewwel darba ma’ psikjatra jew psikologu fil-qasam pubbliku?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li każijiet urġenti jiġu evalwati u appuntamenti jingħataw fl-iqsar żmien possibbli skont il-ħtieġa klinika. Barra minn hekk, pazjenti li jkunu qed jiġu discharged mill-Isptar Mater Dei, mill-Isptar Monte Carmeli u miċ-Ċentri ta’ Trattament fil-Komunità jew mis-servizz tal-Crisis Resolution and Home Treatment jiġu segwiti fil-komunità skont l-istruzzjonijiet tal-konsulent li jkun qed jawtorizza id-discharge tal-pazjent.
Ninsab infurmat ukoll li fir-rigward tal-ewwel stennija f’każ li ma jkunx ikkunsidrat tali, il-medja ta’ żmien ta’ stennija għall-ewwel appuntament ma’ psikjatra hija ta’ madwar tliet xhur. Fir-rigward tas-servizzi tal-psikoloġija fil-Kliniċi tas-Saħħa Mentali fil-Komunità, il-perjodu ta’ stennija għall-ewwel appuntament bħalissa jvarja bejn erba’ u tmien ġimgħat. Eċċezzjoni hija l-Klinika tas-Saħħa Mentali ta’ Ħal Qormi, fejn bħalissa hemm perjodu ta’ stennija sa massimu ta’ tnax-il ġimgħa; dan huwa mistenni li jitnaqqas u jerġa’ jiġi allinjat għal madwar tmien ġimgħat matul ix-xahar li ġej.
Sptar Mount Carmel – pjanijiet biex jittejbu u jiġu estiżi ċ-ċentri tas-saħħa mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jitjiebu jew jiġu estiżi ċ-ċentri ta’ saħħa mentali fil-komunità sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-Isptar Mount Carmel?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjanijiet konkreti u avvanzati biex jitjiebu u jiġu estiżi s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità, bil-għan li titnaqqas id-dipendenza fuq l-Isptar Mount Carmel u li l-kura tkun aktar aċċessibbli u qrib tal-pazjent.
F’dan il-kuntest, qed titwettaq ħidma biex jitwaqqfu tliet Ċentri Reġjonali ġodda tas-Saħħa Mentali fil-Komunità, rispettivament f’Bormla, fir-Reġjun Ċentrali u fir-Reġjun Tramuntana. Dawn iċ-ċentri se joffru servizzi multidixxiplinarji permezz ta’ timijiet ta’ professjonisti speċjalizzati fis-saħħa mentali, bil-għan li jingħata servizz aktar komprensiv fil-komunità. Ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Reġjonali f’Bormla diġà beda, filwaqt li fi żmien qarib mistennija jinħarġu t-tenders għaċ-ċentri l-oħra fir-Reġjun Ċentrali u fir-Reġjun Tramuntana.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li bħalissa huma rikoverati fl-Isptar Mount Carmel u kemm hemm li qed jirċievu kura barra mill-isptar (community mental health services)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fl-Isptar Mount Carmel hemm rikoverati 246 pazzjent, filwaqt li 10,485 qed jirċievu kura barra mill-isptar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta’ professjonisti (psikjatri, psikologi, psychiatric nurses, counsellors u social workers) li bħalissa qed jaħdmu fis-servizzi ta’ saħħa mentali pubbliċi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm dawn il-professjonisti fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Anjzanità Attiva: 63 psikjatra; 60 psikologi; 356 infermier/a; u 17-il Social Worker.
Professjonijiet tas-Saħħa – tnaqqis tal-problema ta’ burnout
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Ministeru qed jippjana li jżomm u jattira professjonisti tas-saħħa billi jindirizza l-problema tal-burnout bħala parti mill-politika ta’ retention?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qed jieħu numru ta’ inizjattivi mmirati biex aktar żgħażagħ jiġu mħajjra lejn il-professjonijiet relatati mas-saħħa. Dawn jinkludu l-parteċipazzjoni f’diversi job fairs, l-organizzazzjoni ta’ Health Career Fair annwali, laqgħat mal-istudenti fl-iskejjel, workshops għall-guidance teachers, kif ukoll programmi ta’ job shadowing u żjarat fl-isptarijiet, fost oħrajn. Ġie kkummissjonat ukoll studju sabiex jiġu identifikati l-fatturi li jħajru jew jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jagħżlu karriera fis-settur tas-saħħa.
Ħaddiema tas-Saħħa – burnout u kundizzjonjiet tax-xogħol - diskussjonjiet mal-unions
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx diskussjonijiet mal-unions tal-ħaddiema tas-saħħa dwar miżuri ta’ prevenzjoni tal-burnout u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed isir minn kollox biex l-istaff compliment f’kull kategorija ta’ professjonisti jiżdied. Barra minn hekk, qed isir investiment bla preċident biex l-ambjent fejn jaħdmu ikompli dejjem jitjieb u jiżbiħ. Dan minbarra li qed tiddaħħal l-aħħar teknoloġija f’kull qasam tal-kura biex jgħin lill-professjonisti fix-xogħol tagħhom.
Minn barra hekk, sabiex inħajru lill-professjonisti jibdew u jibqgħu jaħdmu f’dan is-settur, sar ftehim settorjali f’Settembru 2023. Barra minn hekk, il-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa, impjegati mas-settur pubbliku, gawdew mill-ftehim li sar f’Novembru 2024 li jkopri żidiet fil-pagi, żidiet f’allowances ġodda u l-introduzzjoni ta’ allowances oħrajn.
Ninsab ċert li b’dawn l-inizjattivi u kundizzjonijiet ġodda ta’ xogħol, il-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa qed jaraw progress bla preċident fl-ambjent li huma qed jaħdmu.
Ħaddiema tas-Saħħa - Programmi ta’ well-being jew training speċifiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx implimentati programmi ta’ well-being jew ta’ training speċifiku biex jgħinu lill-ħaddiema tas-saħħa jlaħħqu ma’ stress fuq il-post tax-xogħol?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant il-P&SD toffri l-Employee Support Programme (ESP). Dan il-programm għall-impjegati jipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ appoġġ bla ħlas u kunfidenzjali lill-impjegati pubbliċi, imfassla biex jgħinuhom jimmaniġġjaw id-diffikultajiet tax-xogħol u tal-ħajja tagħhom, li jekk jitħallew mingħajr ma jiġu ndirizzati, jistgħu jaffettwaw ħażin il-prestazzjoni tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
L-Isptar Mater Dei – Medja ta’ infermiera u tobba - shift
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja ta’ infermiera u tobba għal kull shift fl-Isptar Mater Dei u fi sptarijiet oħra, u jekk dawn il-livelli hux qed jikkawżaw pressjoni żejda fuq il-ħaddiema?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Politika jew linji gwida uffiċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx politika jew guidelines uffiċjali fil-Ministeru dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-burnout fost il-ħaddiema tas-saħħa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa għandhom għarfien ċar tas-servizzi offruti mill-Employee Support Programme (ESP) u jistgħu jagħmlu użu minn din l-għajnuna jew jiġu riferuti għal dan is-servizz meta jkun meħtieġ.
Ħaddiema tas-Saħħa - Passi biex jitnaqqsu ħinijiet twal ta’ xogħol u overtime eċċessiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu biex jitnaqqsu l-ħinijiet twal ta’ xogħol u l-overtime eċċessiv li jikkontribwixxu għal burnout fost il-ħaddiema tas-saħħa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn, l-ammont ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa żdied sostanzjalment u b’riżultat t’hekk, bdiet tittaffa l-pressjoni fuq in-numru ta’ sigħat li jaħdmu l-ħaddiema.
Infakkar lill-Onor. Interpellant, li f’Settembru 2023, ġie issiġillat ftehim settorjali ġdid għall-infermiera, il-qwiebel u l-ECG technicians li jkopri 4,000 ħaddiem fis-servizz tas-saħħa pubblika. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim ġdid il-ħaddiema qegħdin jieħdu pagi u kundizzjonijiet aħjar.
Minbarra hekk, il-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa bdew igawdu wkoll mill-ftehim li sar għall-ħaddiema kollha fis-servizz pubbliku liema ftehim beda jgħodd mill-1 ta’ Jannar 2025. Il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, bħall-ħaddiema l-oħra fis-settur pubbliku, qed igawdu mit-titjib qawwi fil-kundizzjonijiet tagħhom għall-ewwel darba wara bosta snin b’investiment ta’ €1.27 biljun fuq perjodu ta’ sitt snin.
Professjonijiet tas-Saħħa – Servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku u counselling
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku u counselling dedikati għall-professjonisti tas-saħħa, u kemm-il ħaddiem għamel użu minnhom fl-aħħar sentejn?
Studju – burnout fost l-infermiera, tobba u paramediċi fis-servizz tas-saħħa pubblika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju jew survey reċenti dwar il-livelli ta’ burnout fost l-infermiera, it-tobba u l-paramediċi fis-servizz tas-saħħa pubblika?