Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mount Carmel - Pjan ta’ ħames snin għall-modernizazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus tal-pjan ta’ ħames snin għall-modernizazzjoni tal-Isptar Mount Carmel, liema swali ġew rinnovati diġà, u meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet li fadal?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-PQ 32428.

Kura tas-Saħħa Primarja - Programmi ta’ prevenzjoni u screening

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Kura tas-Saħħa Primarja qed tintuża bħala punt ta’ kuntatt primarju għall-programmi ta’ prevenzjoni u screening sabiex titnaqqas id-domanda fuq l-Isptar Mater Dei għall-kura aktar kumplessa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Iskrining fi ħdan id-Dipartiment tal-Kura Primarja jikkoordina erba’ programmi nazzjonali ta’ skrining maħsuba biex jiskopru mard fl-istadju bikri u jiffaċilitaw referiment fil-ħin għall-kura qabel ma jkun hemm komplikazzjonijiet. Dawn il-programmi jkopru kanċer tas-sider, kanċer tal-musrana l-kbira, kanċer ċervikali u aneurysm tal-aorta addominali. L-identifikazzjoni bikrija tnaqqas kemm il-kumplessità tal-interventi meħtieġa kif ukoll il-pressjoni fuq is-servizzi terzjarji. Tnaqqas ukoll il-preżentazzjonijiet fid-dipartiment tal-emerġenza u l-admissjonijiet fl-isptar billi tgħin fit-trattament tal-pazjenti qabel ma jevolvu sintomi u mard avvanzat. Barra milli jiskopru l-mard fil-bidu tiegħu, il-programmi ta’ skrining kolorettali u ċervikali jinkludu komponent prevenzjonali. L-iskrining kolorettali jidentifika adenomi li jitneħħew waqt interventi endoskopiċi, u b’hekk jipprevjenu l-progressjoni tagħhom għal kanċer. L-iskrining ċervikali jiskopri lesjonijiet prekanċerużi u bidliet displastiċi li jiġu trattati fil-kolposkopija, u b’hekk inaqqas l-inċidenza tal-kanċer ċervikali. Permezz ta’ dawn il-mekkaniżmi, il-programmi jikkontribwixxu biex jitnaqqas il-piż totali tal-kanċer li normalment jidher fil-livell tal-isptar. Fl-2025, fl-erba’ programmi ta’ skrining, total ta’ 53,000 individwu ġew skrinjati. Minn dawn, 2,000 persuna ġew mgħajta għal valutazzjoni ulterjuri. Ġie dijanjostikat 135 każ ta’ kanċer, filwaqt li 1,335 individwi oħra kellhom bżonn investigazzjonijiet u trattament addizzjonali wara l-identifikazzjoni bikrija.

Kura tas-Saħħa Primarja - Modernizzazzjoni tal-infrastruttura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-pjanijiet għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-Kura tas-Saħħa Primarja, inkluż tagħmir u refurbishments, sabiex il-faċilitajiet fil-komunità jkunu tal-istess livell ta’ kwalità bħal dawk fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Kura tas-Saħħa Primarja (KSP) qiegħda tippjana u twettaq diversi proġetti ta’ rinnovar u żvilupp fil-faċilitajiet tagħha. Fost dawn hemm li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla ser ikun qed jgħaddi minn rinnovar sħiħ, li ser jitwettaq f’fażijiet sabiex is-servizzi jibqgħu jingħataw. Fir-rigward taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, is-servizzi tiegħu qed jiġu rilokati fl-Isptar Boffa, filwaqt li l-ippjanar tar-rinnovar tal-bini tal-Furjana diġà beda. L-Isptar Boffa, fi żmien opportun, ser jospita wkoll iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Iskrining. Barra minn hekk, il-KSP qiegħda tippjana l-ftuħ ta’ kliniċi komunitarji ġodda f’numru ta’ lokalitajiet.

Kura tas-Saħħa Primarja - Riallokazzjoni ta’ riżorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tintuża d-data u d-dashboards real time tal-Kura tas-Saħħa Primarja biex tittieħed deċiżjoni dwar riallokazzjoni ta’ riżorsi fejn ikun hemm domanda ogħla?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Dashboard Real Time tal-Kura tas-Saħħa Primarja tuża data mis-Sistema Elettronika tar-Rekord tal-Pazjent kull 5 minuti biex juri l-ħinijiet ta’ stennija tal-pazjenti f’kull Ċentru tas-Saħħa. Il-ħin ta’ stennija jiġi kkalkulat mill-mument li l-pazjent jasal fiċ-Ċentru tas-Saħħa u jirreġistra għall-appuntament fir-reception, sa meta l-pazjent jintalab jidħol għall-konsulta. Dan il-ħin jitqies medju mal-ħin ta’ stennija ta’ pazjenti oħra sabiex wieħed ikun jista’ jara l-ħin medju li pazjent ikollu jistenna biex jara tabib tal-familja. B’din l-informazzjoni tkun tista tittieħed deċiżjoni dwar ir- riallokazzjoni ta’ riżorsi billi wieħed jikkonsidra kemm id-distanza li pazjent għandu jivvjaġġa biex jasal ċ-Ċentru tas-Saħħa, kif ukoll il-ħin medju ta’ stennija.

Allokazzjoni ta’ riżorsi bejn l-Isptar Mater Dei u l-Kura tas-Saħħa Primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tiġi determinata l-allokazzjoni tar-riżorsi bejn l-Isptar Mater Dei u l-Kura tas-Saħħa Primarja sabiex ikun hemm bilanċ ġust u effiċjenti bejn iż-żewġ livelli ta’ kura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi kull sena isir eżerċizzju tal-ħtiġijiet tar-riżorsi umani f’kull qasam tas-saħħa u l-anzjanità attiva, liema eżerċizzju hu bbażat fuq il-compliment meħtieġ biex jingħataw is-servizzi diġa eżistenti kif ukoll il-ħtiġijiet għall-servizzi ġodda ppjanti.  Jittieħed ukoll inkonsiderazzjoni kemm persuni jkunu mistennija li jirtiraw.  Dan l-eżerċizzju jservi ta’ bażi biex meta jkun hemm intake ta’ professjonisti, l-allokazzjoni tar-riżorsi umani tkun skond dawn il-ħtiġijiet.

Kura tas-Saħħa Primarja - Żieda fit-tobba, infermiera u professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx strateġija biex in-numru ta’ tobba, infermiera u professjonisti oħra fil-Kura tas-Saħħa Primarja jiżdied sabiex jiġi evitat burnout u overloading, u sabiex il-kura primarja tkun aktar effiċjenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm strateġija biex in-numru ta’ GP trainees jiżdied biex eventwalment fil-Kura tas-Saħħa Primarja ikun hemm iktar tobba jaħdmu fi ħdanha. Qed naħdmu wkoll flimkien mal-People Management u mad-Direttorat tan-Nursing biex jintbagħtu aktar infermiera jaħdmu fid-dipartiment tal-Kura Primarja. Fejn jidħol in-numru tal-Allied Health Professionals huwa ppjanat li jiżdied skond il-bżonn u l-eżiġenzi tas-servizzi biex il-ħaddiema jkunu jistgħu joffru l-aħjar servizz għal dawk li jkollhom bżonn il-kura, filwaqt li tkun qed tigi ssalvagwardjata s-saħħa mentali tal-istess professjonisti, kif ukoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.

Electronic Patient Records

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar kif u meta se tkun implimentata bis-sħiħ is-sistema ta’ Electronic Patient Records sabiex ikun hemm kontinwità fil-kura bejn l-Isptar Mater Dei u l-Kura tas-Saħħa Primarja, u b’hekk jiġu evitati testijiet jew referenzi ripetuti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hekk kif deskritt fis-strateġija dwar is-saħħa diġitali u d-dejta tas-saħħa, il-Ministeru tas-Saħħa u -Anzjanità Attiva bħalissa qiegħed fil-proċess li jinkiteb tender għal Sistema waħda ta' Rekords Elettroniċi tal-pazjent fis-Sistema Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika. Ibbażat fuq ir-riżultat ta' dan it-tender, il-Ministeru jkun f'pożizzjoni li jipprovdi dettalji dwar il-perjodu tal-implimentazzjoni.

Servizzi ambulatorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex ċerti servizzi ambulatorji li bħalissa jsiru fil-livell tal-Isptar Mater Dei jiġu trasferiti jew estiżi lejn iċ-ċentri tal-komunità sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq l-isptar prinċipali tal-pajjiż?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li diversi servizzi speċjalizzati li tradizzjonalment kienu jingħataw fl-Isptar Mater Dei qed jiġu estiżi fiċ-Ċentri tas-Saħħa permezz ta’ outreach clinics, bil-għan li l-pazjenti jingħataw kura eqreb lejn id-djar tagħhom u titnaqqas il-pressjoni fuq is-servizzi tal-isptar prinċipali. Fost dawn hemm kliniċi ta’ Newroloġija, Kardjoloġija, Ortopedija u Gastroenteroloġija, fejn speċjalisti jżuru ċentri fil-komunità biex jaraw pazjenti li ma jeħtiġux kura immedjata. Dawn is-servizzi jtejbu l-aċċessibilità, inaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija għall-konsultazzjonijiet speċjalistiċi, u jsaħħu l-kontinwità tal-kura bejn il-livell primarju u dak sekondarju, filwaqt li jippermettu lill-Isptar Mater Dei jiffoka fuq każijiet aktar kumplessi u urġenti.

Kura tas-Saħħa Primarja - GPs u professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi estiż l-irwol tat-tobba tal-familja (GPs) u professjonisti oħra tal-Kura tas-Saħħa Primarja sabiex dawn ikunu l-ewwel linja ta’ riferiment u b’hekk jitnaqqas il-fluss ta’ pazjenti lejn l-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-irwol tat-tobba tal-familja (GPs) qed jiġi estiż bl-introduzzjoni tal-Clinical Streaming u bit-tkabbir tal-GP Appointment Clinics. Is-servizzi tal-infermiera qed jiġu estiżi permezz ta’ appuntamenti għal feriti u għat-teħid tad-demm. Beda wkoll servizz ta’ teħid tad-demm għat-tfal li għandhom ‘il fuq minn ħames snin fic-Ċentri tas-Saħħa ta’ Birkirkara u Ħal Kirkop. Min-naħa tal-Allied Health, is-servizzi kollha, apparti tar-Radjografija, jistgħu jiġu aċċessati mingħajr riferiment ta’ tabib. Il-pazjent jista’ iċempel il-Call Centre fuq 21231231 u jitlob appuntament għas-servizz meħtieġ.

Kura tas-Saħħa Primarja - Finanzjament u riżorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex il-finanzjament u r-riżorsi tal-Kura tas-Saħħa Primarja jkunu biżżejjed biex jiġi żgurat li każijiet li jistgħu jiġu trattati fil-livell tal-kura primarja ma jibqgħux jintbagħtu l-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħala parti mill-miżuri biex il-finanzjament u r-riżorsi tal-Kura tas-Saħħa Primarja jkunu biżżejjed, fil-2026 kien hemm żieda fil-baġit rekorrenti ta’ €8,163,000 fuq l-2025. Din iż-żieda tippermetti li jsir investiment f’servizzi u riżorsi addizzjonali fil-livell tal-Kura Primarja, sabiex każijiet li jistgħu jiġu trattati fil-livell primarju ikun jista’ jkompli jsir. Barra minn hekk, biex ir-riżorsi jkunu distribwiti b’mod aktar effettiv fis-settur kollu tas-saħħa u biex in-nies li normalment imorru l-Isptar Mater Dei jiġu indirizzati fiċ-Ċentri tas-Saħħa, ġie introdott is-servizz 1400. Dan is-servizz diġa qed jgħin biex jindirizza lill-pazjenti b’mod aktar effiċjenti fejn l-aħjar jirċievu l-kura jew il-ħtiġijiet mediċi tagħhom.

Kura tas-Saħħa Primarja - Electronic Health Records

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus tal-proġett biex jinħolqu Electronic Health Records integrati għall-pazjenti tal-Kura tas-Saħħa Primarja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Kura tas-Saħħa Primarja diġà għandha sistema ta' Rekords Elettroniċi tal-Pazjenti. Is-sistema hija integrata ma' sistemi oħra tas-saħħa. L-integrazzjoni hija proċess kontinwu skont il-ħtiġijiet hekk kif l-infrastruttura tas-sistema tas-saħħa tkompli tiżviluppa u s-sistemi jkomplu jiġu modernizzati.

Ċentri tas-Saħħa - Overcrowding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi miżuri biex l-overcrowding fiċ-ċentri tas-saħħa l-aktar popolati bħal Raħal Ġdid u l-Mosta jitnaqqas?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu diversi miżuri biex il-pazjenti jinqdew kif inhu xieraq f’kull Ċentru tas-Saħħa, u dan b’enfasi fuq titjib fl-organizzazzjoni tas-servizzi u fl-effiċjenza. B’mod partikolari, ġie introdott proġett pilotata fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta fejn qed titħaddem sistema ta’ clinical streaming integrata ma’ sistema ġdida ta’ ticketing, li tiżgura streaming kliniku minn tabib tal-familja sabiex il-pazjenti jiġu direzzjonati malajr lejn l-aktar servizz xieraq, inkluża l-għażla ta’ appuntament mal-GP għal każijiet ta’ akutezza baxxa. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija, ittaffi l-pressjoni fuq is-servizzi sekondarji u ssaħħaħ il-kontinwità tal-kura tas-saħħa primarja. Aktar inizjattivi ser jittieħdu f’Ċentri oħra bil-għan li s-servizzi professjonali ikomplu dejjem jiġu offruti b’effiċjenza.

Kura tas-Saħħa Primarja - Differenza fil-livell ta’ servizz bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx differenza fil-livell ta’ servizz fil-Kura tas-Saħħa Primarja bejn Malta u Għawdex, u kif qed jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-livell ta’ servizzi mill-professjonisti fil-Kura tas-Saħħa Primarja huma tal-ogħla kwalità, ndipendenti mil-lokalità.

Ċentri tas-Saħħa - Servizzi speċjalizzati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jiżdiedu servizzi speċjalizzati ġodda fiċ-ċentri tas-saħħa (eż. Physiotherapy u mental health counselling)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-clinical streaming, li ġie introdott bħala proġett pilota fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, qed jiġi evalwat bil-ħsieb li jiġi estiż għal Ċentri tas-Saħħa oħra. Nfakkar lill-Onor. Interpellant li rigward il-fiżjoterapija, is-servizzi min-naħa tal-kura primarja se jibqgħu jiffokaw fuq terapija muskoloskeletali. Għar-rigward tas-servizz tas-saħħa mentali, l-Gvern hu kommess li jkompli jsaħħaħ u jespandi s-servizzi fil-komunità. F’dan il-kuntest, ladarba jitlestew u jibdew joperaw it-tliet Ċentri Reġjonali ġodda għall-Kura tas-Saħħa Mentali, hemm il-ħsieb li minn dawn iċ-ċentri jiġu offruti servizzi speċjalizzati, fosthom servizzi ta’ psikoloġija u counselling. Dan l-approċċ huwa parti minn strateġija usa’ mmirata biex il-kura tas-saħħa mentali tkun aktar aċċessibbli, integrata u qrib il-pazjent.

Kura tas-Saħħa Primarja - Taħriġ ta’ tobba u infermiera - Baġit allokat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-baġit allokat għat-taħriġ ta’ tobba u infermiera tal-Kura tas-Saħħa Primarja matul l-2025-2026?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minbarra l-allowance annwali ta’ CPD/CME li huma intitolati għaliha kemm it-tobba kif ukoll l-infermiera (u li titħallas mill-voti tal-emolumenti personali), hemm vot speċifiku għat-taħriġ taħt il-voti tal-Kura Primarja hekk kif jidher fl-Estimi għas-sena 2026 li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra.

Ċentri tas-Saħħa - POYC - Mediċini ta’ rutina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mediċini ta’ rutina jingħataw permezz tal-iskema tal-POYC fiċ-ċentri tas-saħħa, u jekk hemmx xi diffikultajiet ta’ forniment?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mediċini ta’ rutina, ċioe`għall-kura kronika, jingħataw mill-ispiżeriji privati li huma reġistarti mal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC).

Kura tas-Saħħa Primarja - Pazjenti b’mard kroniku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pazjenti b’mard kroniku (eż. dijabete, pressjoni għolja u obeżità) li jiġu segwiti b’mod regolari fil-Kura tas-Saħħa Primarja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li permezz ta' Servizz Multidixxiplinarju, id-Dipartiment tal-Kura Primarja joffri bosta servizzi lil pazjenti li jbatu minn kundizzjonijiet kroniċi. Uħud minn dawn is-servizzi huma mmirati b’mod speċifiku (bħall-Klinika tad-Dijabete u l-Proġett Pilota dwar l-Obeżità), filwaqt li oħrajn huma aktar ġenerali (bħas-servizz tat-Tabib tal-Familja – kemm b’appuntament kif ukoll mingħajru – servizzi tal-infermiera, u servizzi ta' Allied Health). Dawn is-servizzi kollha huma aċċessibbli għall-pazjenti kollha li jbatu minn kull kundizzjoniji kronika mingħajr ebda preġudizzju. Mill-bidu tal-2020, meta ġiet implimentata s-sistema tal-EPR, total ta’ 20,718-il pazjent individwali b’Diabetes Mellitus attendew il-Klinika tad-Dijabete fi ħdan id-Dipartiment tal-Kura Primarja. Barra minn hekk, 75 pazjent attendew il-Proġett Pilota dwar l-Obeżità li ġie mniedi fl-2024.

Ċentri tas-Saħħa - Ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li jiżdiedu l-ħinijiet tal-ftuħ (extended hours) fiċ-ċentri tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm pjan li jiżdiedu l-ħinijiet tal-ftuħ (extended hours) fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Gżira u Ħal-Qormi ġewwa Malta u r-Rabat Għawdex.

Ċentri tas-Saħħa - Ħin ta’ stennija għal General Practioners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja tal-ħin ta’ stennija biex pazjent jara General Practitioner f’kull ċentru tas-saħħa ewlieni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirrferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari 33420, 33421, 33422 u 33423. Il-ħinijiet ivarjaw u kull jum jiddependi kemm f’ħin partikolari tal-ġurnata ikun hemm pazjenti li jirrikorru fiċ-Ċentru tas-Saħħa u l-gravità ta’ kull każ. Sabiex ngħinu lill-pazjenti jkunu jafu kemm ser ikun il-ħin ta’ stennija fiċ-Ċentru tas-Saħħa, inħolqot il-websajt li turi l-ħin attwali f’dak il-mument.  Il-websajt Ħinijiet ta' Stennija Stmati għall-kliniċi walk-in tat-Tabib tal-Familja fiċ-Ċentri tal-Kura tas-Saħħa Primarja - The Department.  Kopja ta’ din il-websajt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.