Legislature:
Category:
Reset
Active:

Allokazzjoni ta’ djar - Sistema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni jirrevedi s-sistema ta’ allokazzjoni  ta’ djar soċjali sabiex ikun hemm aktar trasparenza, accountability u ġustizzja soċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema attwali tirrifletti li tirrispetta l-bżonnijiet u l-privatezza tal-applikanti waqt li tara li jkun hemm proċessi ġusti ta' governanza fejn tidhol l-Awtorità nnifisha. Il-Gvern f’dan il-qasam huwa kommess li joffri l-aħjar servizz possibbli liċ-ċittadin u għaldaqstant, kemm-il darba tinħass il-ħtieġa, ma jistax jiġi eskluż li fil-futur isiru l-arranġamenti li jkun hemm bżonn fuq is-sistema attwali sabiex tirrifletti l-għanjiet rispettivi.

Allokazzjoni ta’ djar - Audits interni jew investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx audit intern jew investigazzjoni dwar il-proċess ta’ allokazzjoni ta’ djar soċjali matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant  li matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 ma sar ebda audit intern u  ma saret ebda investigazzjoni dwar il-proċess tal-allokazzjoni ta' akkomodazzjoni soċjali.

Akkomodazzjoni soċjali - Każijiet pendenti ta’ appell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet pendenti ta’ appell relatati ma’ rifjut jew allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li m’hemmx  każijiet pendenti ta’ appell relatati ma’ rifjut ta ‘ allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li ngħataw akkomodazzjoni soċjali minkejja li għandhom proprjetà oħra reġistrata fuq isimhom jew fuq isem membri tal-familja tagħhom matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ma żżommx informazzjoni dwar proprjetajiet irreġistrati fuq isem membri tal-familja tal-applikanti. Fir-rigward tal-proprjetajiet irreġistrati fuq isem l-applikanti stess, l-applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali jiġu evalwati skont il-merti tagħha, kriterji u r-regolamenti fis-seħħ, li matul iż-żmien stabbilew il-limiti tal-assi u ċ-ċirkostanzi li fihom applikant jista' jkun eliġibbli.

Awtorità tad-Djar - Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret mill-Awtorità tad-Djar sabiex jiġu verifikati li l-proprjetajiet allokati qegħdin jintużaw skont ir-regolamenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Jannar sal-aħħar ta’ Mejju tas-sena kurrenti kien hemm 555 spezzjoni.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appartamenti jew proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li bħalissa huma: (i) vakanti; (ii) taħt manutenzjoni; (iii) jew mhux abitabbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fil-preżent, hemm: (i) 47 proprjetà ta’ akkomodazzjoni soċjali vakanti; (ii) madwar 782 proprjetà ta’ akkomodazzjoni soċjali li jinsabu taħt manutenzjoni; u (iii) 156 proprjetà ta’ akkomodazzjoni soċjali li bħalissa mhumiex abitabbli. Fir-rigward tal-proprjetajiet li mhumiex abitabbli, għaddejjin l-investigazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-interventi neċessarji biex dawn il-proprjetajiet jerġgħu jsiru abitabbli u jkunu jistgħu jerġgħu jiddaħħlu fl-istokk ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Allokazzjoni ta’ djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tilfet jew ġiet revokata l-allokazzjoni tagħha ta’ akkomodazzjoni soċjali matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 minħabba: (i) informazzjoni falza; (ii) bidla fid-dħul; (iii) subletting illegali; u (iv) nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li huwa l-Kumitat tal-Allokazzjonijiet u Ad Hoc li jirrevedi u jivvaluta dawn il-każijiet. Infurmat li fil-perjodu msemmi, dan il-kumitat ddecieda erbatax -il każ, li kienu kollha rigwardanti nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti. Infurmat li f’każ wieħed kien hemm ordni ta’ żgumbrament.

Allokazzjoni ta’ djar - Allegazzjonijiet ta’ abbuż jew irregolaritajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ġie investigat relatat ma’ allegazzjonijiet ta’ abbuż jew irregolaritajiet fl-allokazzjoni ta’ djar soċjali matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li s-Sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tinvestiga kull ilment li jidħlilha.

Allokazzjoni ta’ djar - Kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kriterji qed jintużaw bħalissa għall-allokazzjoni ta’ djar soċjali u jekk dawn il-kriterji ġewx riveduti fi Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wieħed jista’ jsib il-kriterji kollha relatati mal-allokazzjoni ta’ djar soċjali b’mod pubbliku fuq il-websajt tal-Awtorità tad-Djar. L-istess kriterji huma inkluża fl- applikazzjoni. A kuntrarju ta’ dak li qed jipprova jimplika l-Onor Interpellant, dawn il-kriterji ma ġewx mibdula jew riveduti matul ix-xhur ta’ Frar, Marzu, April u Mejju 2026. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta’ din il-policy li hija aċċessibbli wkoll pubblikament permezz tal-website tal-Awtorita jew fuq din il-ħolqa: https://housingauthority.gov.mt/services/social-accomodation/social-housing/ )

Akkomodazzjoni soċjali - Żmien ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-average waiting time biex persuna jew familja tingħata dar soċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li kull każ jiġi evalwat fuq il-merti, iċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet partikolari tiegħu. Kien għalhekk li ġie introdott il-proċess tal-Initial Assessment u follow up tal-każijiet, sabiex l-applikanti jiġu assessjati u kklassifikati skont il-livell tal-ħtieġa tagħhom. Dan jippermetti li r-riżorsi disponibbli jiġu allokati b’mod aktar ġust u effettiv lil dawk li jkunu l-aktar fil-bżonn. L-allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali tiddependi mhux biss mill-prijorità tal-każ, iżda wkoll mill-fatt li jkun hemm proprjetà disponibbli li tkun taqbel mal-kompożizzjoni tal-familja u mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħha.

Akkomodazzjoni soċjali - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni jew familji li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni soċjali, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-ġurnata li fiha qed tingħata din ir-risposta, in-numru ta’ applikazzjonijiet fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali huwa ta’ 1,745. B’kuntrast, l-applikazzjonijiet pendenti matul l-2013 kienu jammontaw għal 3,304.

Allokazzjoni ta’ djar

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tan-numru ta’ djar soċjali allokati matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026: (i) lil familji; (ii) lil persuni waħedhom; (iii) lil koppji żgħażagħ; (iv) lil persuni barranin residenti Malta; u (v) lil persuni vulnerabbli?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Proġetti ta’ housing soċjali sospiżi jew posposti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx sospiżi jew posposti xi proġetti ta’ housing soċjali taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk ġew sospiżi jew posposti xi proġetti ta’ housing soċjali, kemm huma l-proġetti affettwati, f’liema lokalitajiet jinsabu u x’kien ir-raġunament uffiċjali għas-sospensjoni tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kumpanija – Riżultat finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hijiex topera b’telf jew profitt u x’kien ir-riżultat finanzjarju tagħha fl-aħħar sena rappurtata?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.