Billi x-xhur tas-sajf dalwaqt magħna u hu magħruf li fl-inħawi turistiċi kull sena qed jinqalgħu problemi bl-estensjonijiet tal-bankini li jiġu użati biex fuqhom jiġu servuti l-klijenti kif ukoll għat-twaħħil ta' xi forma ta' lqugħ mix-xemx, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk instabitx xi soluzzjoni biex jiġu evitati inċidenti u xeni żejda li ġieli ġraw fil-passat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Artijiet m’għandu x’jaqsam xejn mal-estensjonjiet tal-bankini. Bħal ma sar is-sena li għaddiet u s-sena ta’ qabel id-Dipartiment tal-Artijiet sa jassigura li kull stabbiliment li ghandu xi permess biex ipoġġi imwejjed, dawn ikunu skont il-permess. Rigward it-tined, jekk dawn ikunu qegħdin jiżgombraw lil terzi jew passaġġi pubbliċi, jiġu mneħħija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar in-numru ta' visas li ħarġu lill-barranin biex dawn ikunu jistgħu jżuru Malta, matul l-2008 u l-2009 rispettivament? Minn liema pajjiżi kienu dawk li nħarġitilhom visa u kemm kien in-numru minn kull pajjiż konċernat?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarjiet Barranin jagħti informazzjoni dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema Maltin li jaf bihom il-Ministeru u li għandhom xogħol permamenti fil-Libja? Kemm kien in-numru ta' visas li ħarġu lill-Maltin fl-2008 u fl-2009 rispettivament biex iżuru dan il-pajjiż?
Response (BORG, TONIO)
In-numru eżatt ta' Maltin li jaħdmu l-Libja jvarja bejn 350 u 400 skont il-kuntratti minn żmien għal żmien. Ħadd minn dawn m'għandu xogħol permanenti. In-numru ta' visas maħruġa lill-Maltin biex iżur l-Libja hu magħruf mill-awtoritajiet Libjani.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm u fejn ġew riservati postijiet biex jintużaw għall-Open Top Buses biex iniżżlu u jgħabbu l-passiġġieri? Jista' jara li fejn hu possibli dawn il-postijiet jiġu amalgamati mal-bus stops normali għaliex f'ċerti lokalitajiet dawn qed itelfu l-parking bays tant bżonjużi għal karozzi oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li tagħti d-dettalji dwar kemm u fejn ġew approvati postijiet fejn jittellgħu u jitniżżlu passiġġeri minn Open Top Buses li joffru servizz fuq rotot ta’ ġarr ta’ passiġġieri turistiċi.
Ninsab infurmat ukoll li t-tender għall-kuntratt il-ġdid dwar is-servizz ta’ trasport pubbliku bi skeda jinkludi l-possibiltà li dawn il-postijiet jiġu amalgamati mal-
bus stops
normali. Din il-possibiltà għad trid tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta' sussidju li tħallas kull sena lill-Public Trasport Association (ATP) matul is-snin 1999-2009 rispettivament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-banek tal-lottu li għandha l-Maltco f'Malta? Fejn jinsabu dawn il-banek tal-lottu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dan in-numru ta' banek jistax jiżdied, u jekk iva, x'inhi l-proċedura biex tinfetaħ banka simili?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif mogħtija hawn taħt.
1. Preżentament il-Maltco għandha 217 banka tal-lottu.
2. L-informazzjoni dwar il-lokalità ta’ fejn jinsabu kull banka tal-lottu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
3. Skont l-Att dwar il-Lotteriji u Logħob Ieħor, 2001, il-liċenzjat li preżentament hija l-Maltco trid tassigura li f’kull ħin in-numru ta’ banek li mhumiex tal-Keno ma jistax jaqbeż il-230. Waqt li n-numru ta’ banek tal-Keno ma jistax ikun aktar minn 350.
4. Sabiex banek tal-lottu tingħata liċenzja biex topera din teħtieġ tapplika għal-liċenzja mill-Maltco.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni 'l fuq minn 61 sena li jaħdmu u li jħallsu l-bolla? Kif inhuma maqsumin dawn bejn persuni self employed u impjegati rispettivament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fis-sena ta’ stima 2009 (sena bażi 2008) kien hemm 907 persuna 'l fuq minn 61 sena li jaħdmu u li jħallsu l-bolla. Minn dawn il-persuni, hemm 271 li huma self-employed u 636 li huma impjegati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-proċessi kollha tal-Qrati f'Malta ġewx kompjuterizzati? Jekk le, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li fil-fatt dawk il-proċessi li s'issa għadhom mhux kompjuterizzati jsiru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġett biex gradwalment jiġu kompjuterizzati diversi proċessi fil-Qrati Ċivili ta' Malta miexi kif ippjanat. Fid-Dipartiment tal-Qorti Ċivili u Tribunali (Malta), fil-preżent, qed jiġu komputerizzati verbali, digrieti, differimenti, taxxi u sentenzi. Infurmat ukoll li bħalissa qed isir xogħol bil-ħsieb li jkunu komputerizzazzjoni ukoll proċessi oħra li jinkludu, scanning tal-atti kollha konnessi mal-kawżi.
skemi ta' inċentiv għall-ġenituri li għandhom tfal żgħar
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar id-diversi skemi ta' inċentivi li hemm maħsuba għall-ġenituri li għandhom tfal żgħar? Kemm hu n-numru ta' ġenituri li bbenefikaw minn dawn l-iskemi s'issa minn mindu ġew stabbiliti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
anzjani rikoverati f'istituzzjonijet tal-gvern u tal-privat
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' anzjani li huma rikoverati f'istituzzjonijiet:
a) tal-gvern?
b) tal-privat?
ċ) tal-privat f'partnership mal-gvern?
Fejn jinsabu l-istitituzzjonijiet li fihom huma residenti dawn l-anzjani?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nixtieq ninforma l-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif jidher hawn taħt:
a) Anzjani rikoverati f’istituzzjonijiet tal-gvern
Dar tal-Anzjani tal-Gvern
Residenti
San Vinċenz de Paule
1071
Bormla
130
Furjana
46
Gżira
31
Mellieħa
130
Msida
64
Mosta
68
Mtarfa
123
Żejtun
167
TOTAL
1830
b) Anzjani rikoverati f’istituzzjonijiet tal-privat
Dar tal-Anzjani tal-PrivatResidenti
* Age Concern (Central Home), Mosta
103
Villa Robinich, Fgura
55
Casa Antonia , Balzan
126
* Casa Arkati, Mosta
100
* Casa Serena, Bugibba
100
Charella Retirement Complex, Sliema
42
Charian Residence, Marsascala
32
Marina Palace Residence, Msida
87
Medina Home, Rabat
42
Sa Maison Home, Pieta
70
St. Marks, Msida
0
* Villa Messina Home, Rabat
157
TOTAL
914
* Jinkludu dawk ir-residenti li qegħdin fid-djar tal-privat f’
partnership
mal-gvern
c) Anzjani rikoverati f’istituzzjonijiet tal-privat f’
partnerhip
mal-gvern
Dar tal-Anzjani tal-Privat
Residenti
Villa Messina, Rabat
56
Casa Arkati, Mosta
22
Age Concern (Central Home), Mosta
60
Casa Serena, Bugibba
69
TOTAL
207
Billi ġie rappurtat li l-bdiewa li għandhom qbiela jistgħu jaqilbu l-istess qbiela għal lease, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proċedura li trid tintuża minn min hu interessat li jagħmel din il-bidla? Kemm, sal-lum, kien hemm talbiet biex tkun tista' ssir tali bidla?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Ċentri tal-Università f'Għawdex — korsijiet full-time u part-time
Question
Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar liema huma l-korsijiet li qed jiġu organizzati bħalissa fiċ-ċentri tal-Università f'Għawdex? Kemm minn dawn il-korsijiet huma part-time? Kemm huma full-time? Tista' tagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li jattendu xi wieħed minn dawn il-korsijiet, fil-fatt jitilgħu għal-lectures minn Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-korsijiet huma:
2 korsijiet fid-
Diploma in Commerce
2 korsijiet fil-
Bachelor in Commerce
2 korsijiet fil-
Masters in Islands and Small States Studies
Bachelor of Arts
Bachelor of Arts (Hons) in Criminology
Master of Arts in Hospitaller Studies
Master in Translation
Master in Business Administration (Executive)
Il-korsijiet kollha huma fuq bażi part-time.
L-istudenti li jitilgħu għal-lectures minn Malta huma 2.
Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — numru ta' inspections
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' inspectors li għandha l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? X'tip ta' inspections isiru? X'tip ta' kollaborazzjoni ssir, per eżempju, mal-awtoritajiet tas-saħħa biex filwaqt li l-inspections isiru b'mod regolari, ma jkunx hemm duplikazzjoni żejda kemm ta' inspections kif ukoll ta' talbiet fuq is-sidien tal-istabbiliment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha tmien spetturi fi grad ta’ Executives, tnejn fi grad ta’ Field Officers u żewġ Assistant Managers, wieħed f’Malta u ieħor f’Għawdex.
Isiru spezzjonijiet f’operat turistiku bħalma huma lukandi, stabbilimenti ta’ l-ikel, postijiet ta’ l-akkommodazzjoni għal btala,
host families
, operaturi tal-ivvjaġġar, operazzjonijiet ta’
timeshare
, gwidi turistiċi u operazzjonijiet ta’ l-għads sabiex jiġi assigurat li dawn ikunu liċenzjati u joperaw skont il-provvedimenti ta’ l-Att dwar is-Servizzi ta’ l-Ivjaġġar u tat-Turiżmu kif ukoll il-leġislazzjoni sussidjarja. L-ispetturi jinvestigaw ilmenti mit-turisti u mill-pubbliku in ġenerali.
L-Awtorità tat-Turiżmu tikkollabora ma’ diversi Awtoritajiet jew entitajiet oħra bħal ma’ huma l-MEPA, is-Sanità, il-Pulizija, d-Dipartiment ta’ l-Artijiet, u d-Diviżjoni tal-Konsumatur. Isiru wkoll spezzjonijiet konġunti ma’ dawn l-Awtoritajiet skont il-bżonn. L-ispetturi ta’ l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu jirreferu każijiet lill-Awtoritajiet kompetenti għall-aktar investigazzjoni fejn jiltaqgħu ma’ każijiet li ma jkunux jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni diretta tagħhom u dan biex tiġi evitata duplikazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' tfal u żgħażagħ taħt is-16-il sena li ddaħħlu fl-Isptar għall-kura u li fil-fatt, tilfu ħajjithom matul l-2008 u l-2009 rispettivament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2008 kien hemm 31 tfal u żgħażagħ taħt is-16-il sena li tilfu ħajjithom waqt li kienu għall-kura fi sptar, waqt li matul is-sena 2009 kien hemm 30 tfal taħt is-16-il li tilfu ħajjithom waqt li kienu għall kura fi sptar.
Diviżjoni tal-Konsumatur — protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi ġodda hu mistenni li jseħħu fid-Diviżjoni tal-Konsumatur f'dak li hu protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur? Kif inhu mistenni li tissaħħaħ l-istruttura preżenti biex id-doveri tal-gvern fil-konfront tal-konsumatur ikunu jistgħu jitħarsu aħjar? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' inspectors li għandha din id-diviżjoni bħalissa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-ristruttur qiegħed fi studju avvanzat u aktar dettalji f’dan ir-rigward jingħataw ’l quddiem.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'sar s'issa biex jiġi assigurat li d-diversi arkivji li għandna f'Malta mhux biss ma jintilfux, iżda fil-fatt jiġu mħarsa sew, filwaqt li jkunu jistgħu jintużaw għar-riċerka minn riċerkaturi, kemm Maltin kif ukoll barranin li jistgħu jkunu nteressati f'dak li hu Malti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-settur arkivistiku Malti hu wieħed vast, divers u rikk ferm. Il-Gvern għandu l-obbligu li jħares dan il-wirt arkivistiku kemm peress li dan jista’ jintuża mir-riċerkaturi kemm Maltin kif ukoll barranin kif ukoll peress li d-dokumentazzjoni għanda wkoll l-aspett ta’ kontabilita’ li jorbot ma’ amministrazzjoni korretta u miftuħa għall-iskrutinju pubbliku. Għalkemm l-istess obbligu mhux sanzjonat mill-liġi fejn jidħlu arkivji mhux pubbliċi, pero l-Gvern jemmen li sa fejn hu possibli għandu jgħin anke lil dawk kollha li disposti jikkollaboraw.
1. Wara li fis-sena 1990 il-Parlament Malti approva l-ewwel liġi li waqqfet l-Arkivji Nazzjonali, fl-2005 din inbidlet b’ liġi ġdida aktar adatta għaż-żminijiet tal-lum.
2. Permezz ta’ l-istess liġi twaqqaf l-uffiċċju ta’ l-Arkivista Nazzjonali u nħatru għall-ewwel darba l-Arkivista Nazzjonali u l-Assistent Arkivista Nazzjonali.
3. Beda jopera l-makkaniżmu ġdid tal-Kunsill ta’ l-Arkivji.
4. Twaqqfu żewġ korsijiet fl-arkivistika fl-Università ta’ Malta. L-ewwel kors huwa Diploma fl-Arkivistika u Amministrar ta’ Rekords. It-tieni kors huwa Baċellerat fil-Bibljoekonomija, Informatika u Arkivistika.
5. Ġew iffirmati tliet ftiehim dwar diġitalizzazzjoni mill-Arkivji Nazzjonali. Permezz ta’ dawn il-ftiehim in-nefqa kollha nvoluta hi f’idejn istituzzjonijiet barranin. Minn dawn il-proġetti matul l-2009 ġew prodotti 1,098,843 kopja diġitali ta’ dokumenti
6. Ġie varat il-Proġett tal-Memorja Nazzjonali fil-Banca Giuratale ġewwa l-Imdina b’ kollezzjoni ta’ portraits li ngħataw lill-istat mill-fotografu Tony Mangion.
7. Ġie iffirmat ftehim mal-Gvern Spanjol sabiex ikun hemm kollaborazzjoni fil-qasam ta’ l-Arkivji permezz ta’ skambji ta’ arkivisti u attivitajiet bħal wirjiet konġunti.
8. Issejjaħ għall-ewwel darba l-Forum dwar l-Arkivji Nazzjonali fl-2008, li fih ipparteċipaw kemm arkivji pubbliċi kif ukoll rappreżentanti minn arkivji privati u tal-Knisja.
9. Ġie pubblikat l-ewwel rapport dwar l-Istat ta’ l-Arkivji f’Malta fis-sena 2008. Dan ir-rapport issa huwa rekwiżit tal-liġi dwar l-arkivji, u jrid jinħareġ kull sentejn. Ir-rapport jista jiġi aċċessat b’ mod elettroniku fuq is-sit http://www.education.gov.mt/ministry/doc/archives_report_2008.htm. Diġa’ bdiet il-ħidma biex jinġabar ir-rapport għas-sena 2010.
10. Tnieda sit elettroniku ġdid ta’ l-Arkivji Nazzjonali li joffri diversi servizzi on-line u l-possibilita li wieħed jixtri kopji ta’ dokumenti u jħallas on-line. Is-sit jinsab fuq www.nationalarchives.gov.mt.
11. L-Arkivista Nazzjonali ġie elett bħala President ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Arkivisti u Amministraturi ta’ Rekords tal-Commonwealth. Il-kariga li hi għal erba snin ser iġġib aktar għarfien dwar l-arkivji Maltin f’pajjiżi tal-Commonwealth.
12. Ġie stabilit b’mod elettroniku r-Reġistru Nazzjonali dwar l-Arkivji. Dan ser jipprovdi metodu xjentifiku u modern li permezz tiegħu riċerkaturi kemm Maltin kif ukoll barranin ser ikunu jistgħu jaġġornaw ruħhom bl-operat ta’ l-arkivji Maltin u wkoll jibdew jaċċessaw katalgi on-line.
13. Fis-sena 2009 ġiet ospitata f’Malta l-Konferenza Internazzjonali Annwali ta’ l-Arkivisti li ġabet f’pajjiżna 250 arkivist minn aktar minn 90 pajjiż.
14. B’ kollaborazzjoni bejn l-Arkivji Nazzjonali u l-Bibljoteka Nazzjonali ġiet organizzata wirja ta’ l-aqwa esebiti mill-arkivju ta’ l-Ordni tal-Kavallieri. Inħareġ ukoll katalgu ta’ l-okkażjoni.
15. Inbdiet kollaborazzjoni bejn l-Arkivji Nazzjonali u d-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni u filmati storiċi li qed ikunu diġitalizzati qed jiġu depożitati fl-Arkivji Nazzjonali.
16. Inbeda proġett li taħtu ser jiġu riċerkati, preservati u dokumentati diski ta’ mużika Maltija li tmur lura għas-snin tletin.
17. L-Arkivji Nazzjonali ipparteċipa fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropeja b’ mod partikolari l-Leonardo, l-Aristhot taħt l-Interreg IIIB, u l-APEnet taħt l-e-Contentplus. Dawn fissru fondi u taħriġ għal ħaddiema ta’ l-arkivji Maltin. Ċertu kontenut diġitali llum jinsab fuq is-siti elettroniċi ta’ dawn il-proġetti.
18. Ġie pubblikat il-ktieb ‘Guardians of Memory: essays in remembrance of Hella Jean Bartolo Winston’ minn 24 awtur Malti u barrani. L-iskop kien dak li jippromwovi l-kollezzjonijiet arkivistiċi Maltin għal riċerkaturi kemm Maltin kif ukoll barranin.
Aktar inizjattivi bħal ma huma żjarat edukattivi u publikazzjonijiet jinsabu elenkati fir-rapporti annwali li joħroġ l-Arkivista Nazzjonali u li sena wara sena jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Hemm ħidma avvanzata dwar proġetti oħra li l-Arkivji Nazzjonali flimkien mal-Ministeru qed jaħdmu fuqhom għas-snin li ġejjin.
Ix-xogħol li sar fuq l-Arkivji ġewwa r-Rabat, Malta, fil-binja Santo Spiritu, issa jidher ukoll fuq Facebook biex għarfien dwar l-Arkivji Nazzjonali ikun dejjem aktar aċċessibbli.
Dipartiment tal-Artijiet — komputerizazzjoni tal-files
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proġett ta' komputerizzazzjoni tal-files li għandu d-Dipartiment tal-Artijiet? Kemm hu stmat li hemm files f'dan id-Dipartiment? Meta hu mistenni li jitlesta l-proġett?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern għadha kemm iffirmat ftehim biex l-operat kollu tagħha jiġi kompjuterizzat permezz ta’ sistema integrata u komprensiva li tinkludi modules għal (a) reġistrazzjoni tal-proprjetà permezz tas-sistema GIS; (b) immaniġġjar tal-proprjetà; (ċ) immaniġġjar tal-kuntratti; (d) sistema kompleta ta’ kontabbilità u (e) immaniġġjar elettroniku tad-dokumenti. Dan il-proġett magħruf bħala Land & Estate Management Information System (LEMIS) hu mifrux fuq tliet snin u fih hemm intiż li dak kollu li diġà hu kompjuterizzat jidħol fis-sistema minnufih, u wkoll jiġi kompjuterizzat kompletament kampjun ta’ files li llum għadhom manwali biex jiġi assigurat li din is-sistema taħdem kif suppost. Parallel ma’ dan il-proġett qed isir eżerċizzju ieħor biex naraw x’riżorsi hemm bżonn biex il-files kollha tat-Taqsima jidħlu f’din is-sistema. Barra minn hekk se jkun hemm it-taħriġ neċessarju għall-impjegati biex iħaddmu din is-sistema ġdida. Fit-Taqsima hu kkalkulat li hemm madwar 131,000 file.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal li jattendu l-kindergarten fl-iskejjel primarji fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Naxxar, Mġarr, Għargħur u Mosta rispettivament? Hemm xi skola li għandha bżonn tkabbir f'dawk li huma l-faċilitajiet li għandha, minħabba l-ħteġijiet tal-kindergarten?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tingħata fit-tabella hawn taħt.
Skola
Total
Bżonn ta’ Tkabbir
Primarja Mellieħa
139
Le
Primarja San Pawl il-Baħar
250
Iva
Primarja Naxxar
129
Le
Primarja Għargħur
37
Le
Primarja A Mosta
291
Iva
Primarja Mġarr
75
Le
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' studenti li qed jattendu xi kors fl-Istitut Marittimu tal-MCAST? F'liema oqmsa maqsuma separatament qed isir l-istudju preżentament? Hemm il-ħsieb li jinbdew xi korsijiet oħra f'dan is-settur? Ma' liema organizzazzjonijiet/kumpaniji barranin jew Maltin dan l-isititut għandu ftehim ta' koperazzjoni għat-taħriġ prattiku li jkun meħtieġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Istitut Marittimu tal-MCAST bħalissa għandu ħamsa u ħamsin student full-time. Dawn l-istudenti qed jattendu l-korsijiet kif spjegat hawn taħt:
Probationary Officer Cadet Course: 6 studenti
Office-in-Charge of a Navigational Watch Course Ph I (fl-ewwel sena): 25 student
Officer-in-Charge of a Navigational Watch Course Ph Ii (fit-teini sena): 10 studenti
Officer-in-Charge of a Navigational Watch Course Ph III (fit-tielet sena): 9 studenti
Chief Mate Course: 5 studenti
Hemm il-ħsieb li jiżdiedu l-korsijiet full-time fil-qasam tal-inġinerija tal-baħar, kif ukoll għadd ta’ korsijiet oħra part-time fil-qasam tal-industrija tas-super yachts.
L-Istitut Marittimu preżentament għandu ftehim ta’ koperazzjoni għat-taħriġ prattiku (speċjalment ta’ taħriġ fuq vapuri merkantili) ma’:
Grimaldi Lines
Malta Motorways of the Sea
AML
CMA CGM
Uni Shipping
Virtu Ferries
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar liema huma l-pajjiżi li fihom hu magħruf li hemm ċittadini Maltin, jew persuni ta' dixxendenza Maltija joqogħdu fihom? Kemm hu n-numru ta' persuni, fil-pajjiżi fejn il-preżenza hi żgħira, li hu magħruf li qed joqogħdu f'dawn il-pajjiżi?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li informazzjoni uffiċċjali ma teżistix. Iżda minn informazzjoni mhux uffiċċjali u lanqas dokumentata, il-Ministeru ġabar l-informazzjoni mill-Ambaxxati u Konsolati, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.