Legislature:
Category:
Reset
Active:

tobba maltin li jaħdmu barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru għandux informazzjoni dwar persuni Maltin li laħqu tobba f'Malta matul is-snin li għaddew, li iżda ma baqgħux jaħdmu f'Malta jew għax marru jispeċjalizzaw jew marru jaħdmu barra minn Malta? Jista' jgħid jekk fil-fatt Malta hijiex f'kuntatt kontinwu ma' dawn it-tobba/speċjalisti Maltin li qed jaħdmu barra minn Malta? Fejn jinsabu jaħdmu dawn il-persuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma l-Onor Interpellant peress li t-tobba li jiggradwaw ma jiġux impjegati kollha mad-Diviżjoni tas-Saħħa, mhuwiex possibbli li tingħata l-informazzjoni mitluba. Mill-61 tabib li ggradwaw fil-mediċina fl-2009, 46 baqgħu jaħdmu fl-isptarijiet tal-gvern. La il-Post Graduate Training Centre u l-anqas il-Kunsill Mediku m’għandhom dettalji ta’ fejn marru jkomplu jistudjaw jew jaħdmu t-tobba li m’għadhomx Malta.

registration fees ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15695 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li huma intitolati li jieħdu lura ħlas ta' reġistrazzjoni ta' vettura, wara li l-Gvern biddel il-liġi dwar ħlas ta' reġistrazzjoni, li ġabet roħs tal-istess registration fee? Kemm hu l-ammont li hu kkalkulat bħala dovut lil dawn il-persuni? Meta hu mistenni li dan il-ħlas b'lura jsir u b'liema mod?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kull min rreġistra l-vettura tiegħu, ta’ kategorija M1, fis-sena 2008 huwa intitolat skont l-Artiklu 24 ta’ l-Att tar-Reġistrazzjoni tal-Mutur. Sad-19 ta’ Marzu 2010 kienu applikaw 706 sidien li jammomtaw għal €1,238,579.00 Id-differenza fil-ħlas tar-reġistrazzjoni tqiegħed bħala kreditu fuq il-vettura kkonċernata u dan jitnaqqas kontra ħlas tal-liċenzja dovuta kull sena.

San Pawl il-Baħar — tarmak fi Triq Desguanez

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Triq Desguanez, San Pawl il-Baħar tingħata t-tarmak, u kif ukoll titniffed mat-triq li suppost tingħaqad magħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Dar tal-Anzjani fil-Mellieħa — postijiet vojta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm postijiet vojta fid-Dar tal-Anzjani, fil-Mellieħa preżentament? Kemm kien in-numru ta' persuni li sal-lum qegħdin f'din ir-residenza minn meta nfetħet u minn fejn kienu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma l-Onor Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’ seduta oħra.

Diskussjonijiet neċessarji fuq mollijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru d-diskussjonijiet neċessarji ma' dawk kollha (awtortajiet) interessati fil-mollijiet u aċċessi oħra għall-baħar biex jiġi deċiż darba għal dejjem min għandu jieħu ħsiebhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda diġà taħdem fuq pjan ta' diskussjoni biex tkun tista tiddetermina min għandu jieħu ħsieb dawn il-postijiet inkluż ukoll bajjiet meqjusa ta' użu kummerċjali minn sajjieda u nies oħra.

Toroq fil-kampanja — linking function

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq fil-kampanja, li għandhom linking function, fil-fatt huma mistennija li jingħataw wiċċ ġdid matul din is-sena? Hemm xi pjan speċifiku li permezz tiegħu jkunu jistgħu jingħataw toroq oħra simili, matul is-snin li ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar snin Transport Malta, iktar milli resurfacing, bdiet tagħmel xogħlijiet ta’ major patching f’bosta toroq rurali li jkollhom linking function. Matul din is-sena huwa mistenni li jkun tlesta u sar dan it-tip ta’ xogħol fi Triq l-Imqabba f’Har-Kirkop, fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq il-Qrendi fl-Imqabba, f’parti minn Triq id-Durumblat fil-Mosta, Ta' l-Infett limiti tar-Rabat u Triq l-Imgieret Qormi.. Toroq oħra li jridu jsirilhom interventi simili fil-futur huma Triq il-Fortizza u l-parti l-oħra ta’ Triq id-Durumblat fil-Mosta, Triq il-Gardiel fil-Fgura, it-triq li tagħti mill-Qajjenza għal Marsaxlokk, Triq iċ-Ċawsli fiż-Żejtun, it-triq minn Burmarrad sa t’Alla u Ommu, Triq ir-Ramla u Triq Santa Marija fil-Magħtab, it-triq li tagħti minn tal-Balal għal Triq Dun Karm, kif ukoll dik li tagħti għal Ta’ l-Ibragg, Triq Panton f’Ħal-Lija u Triq il-Wardija fil-Wardija. L-interventi f’dawn it-toroq isiru skont il-fondi u l-prijoritajiet li jirriżultaw.

self employoed u istituzzjonijietn li applikaw għall-inċentivi tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm self employed, istituzzjonijiet li jħaddmu sa għaxar persuni, li fil-fatt applikaw għall-iskemi ta' inċentivi offruti mill-Gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ self employed u kumpanniji li jħaddmu inqas minn 10 li applikaw għal skemi tal-Malta Enterprise mill-2008 sal-lum kien ta’ 728 u jista’ jinqasam kif muri fil-lista ta’ hawn taħt: Skemi ERDF: 256 Servizzi ta’ Konsulenza - Business advisors – 123 Inċentivi Fiskali (Tax Incentives) – 279 Enterprise Europe Network – 22 Trade Promotion - 48 Ibbenefikaw ukoll 2081 individwu taħt l-iskema My potential – Din l-iskema hija miftuħa għall-individwi (li jixtiequ jkomplu bl-istudji tagħhom) u mhux għall-entitajiet kummerċjali.

Spiżerija f'Burmarrad

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux quddiemu xi talba biex tinfetaħ spiżerija fil-lokalità ta' Burmarrad? Jekk iva, meta saret? X'pożizzjoni ħa jew se jieħu dwar din it-talba?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li bħal issa hemm applikazzjoni waħda pendenti għall-spiżerija f’Burmarrad u din saret fit-23 ta’ April 2008. Il-pożizzjoni hija li l-applikazzjonijiet kollha għal spiżeriji ġodda jiġu trattati skont ir-regolamenti provduti fl-Avviz Legali numru 279 / 2007 ‘Regolamenti ta’ l-2007 dwar il-Liċenzi għall-Ispiżeriji’.

Toroq li ġew mibnija f'Santa Maria Estate fil-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq f'Santa Maria Estate fil-Mellieħa fil-fatt ġew mibnija mill-ġdid matul is-sena 2008 u 2009? Liema huma t-toroq li fadal isiru? Meta hu mistenni li fil-fatt it-toroq li fadal f'din il-parti ta' Malta jiġu finalizzati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

MCA — antenna tal-mobile operators

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ilmenti rċeviet l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni matul l-2008 u l-2009 rispettivament minħabba l-antenna tal-mobile operators li għandna f'Malta? Meta saru dawn l-ilmenti, xahar b'xahar f'dan il-perjodu ta' żmien u liema lokalitajiet kienu nvoluti f'dawn l-ilmenti/rapporti li rċeviet l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni? X'passi ħadet l-MCA f'dawn il-każi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

MCA — testijiet fuq mobile phone antennae

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni għamlet testijiet fuq mobile phone antennae matul l-2008 u l-2009? Fejn kienu dawn l-ispezzjonijiet u x'kienu r-riżultati ta' dawn it-testijiet? Kien hemm xi każi fejn ir-riżultati miksuba fil-fatt qabżu l-limiti permessibbli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15759 Sitting 215 2010-05-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

dawl minn ħdejn ir-roundabout tan-Naxxar sas-Salina

Question

Jista' l-Prim Ministru jara, flimkien mal-Korporazzjon Enemalta, jekk hux possibbli li t-triq li minn ħdejn ir-roundabout tan-Naxxar/Iklin sal-ħruġ ta' din l-istess triq għall-coast road ħdejn is-Salina, tiġi mixgħula kollha billi jiżdied id-dawl kull fejn hu nieqes?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat mill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11359.

lokalitajiet li għandhom mains tal-ilma temporanji

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm għandna lokalitajiet li għadhom qed jiġu servuti minn mains tal-ilma li huma temporanji? Kemm hu t-tul ta' mains temporanji li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Fejn raħal raħal jinsabu dawn il-mains temporanji?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tqis mejnijiet tal-ħadid galvanizzat minn 1” ‘l-isfel bħala mejnijiet temporanji għal-ilma tax-xorb. Dawn kienu jintużaw snin ilu bħala mezz biex jitqiegħed mejn malajr (ħafna drabi kienu mqiegħda fil-wiċċ tat-triq u mhux fi trinka). Għad baqa’ madwar 78km ta’ dan it-tip ta’ mejnijiet, mifruxa ma’ Malta w Għawdex. Ta’ min igħid li l-Korporazzjoni waqfet tuża pajpijiet tal-ħadid galvanizzat, sa min-nofs is-snin 90 u lanqas m’għadhom jitqiegħdu mejnijiet temporanji.
Leg 11 PQ #7839 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta’ Malta tat-Turiżmu — investiment għal benefiċċju għar-residenti u turistiċi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta tikkoordina aktar il-ħidma tagħha mal-kunsilli lokali biex l-investiment li twettaq ikun tal-aħjar benefiċċju għar-residenti u għat-turiżmu in ġenerali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorità ta’ Malta tat-Turiżmu iżżomm laqgħat regolari mal-Kunsilli Lokali li jiffurmaw parti miż-żoni turistiċi. Waqt dawn il-laqgħat jiġu diskussi materji li jikkonċernaw it-turiżmu inkluż investiment li jkun se jsir fil-lokal.
Leg 11 PQ #15277 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — fire and safety reports

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' fire and safety reports li ġew mitluba matul l-2009 għall-applikazzjonijiet pendenti li kien hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Fire and Safety Report li jintalab fuq ċerti applikazzjonijiet huwa parti mid-dokumenti mitluba u fis-sistema elettronika tal-MEPA ma tinżammx statistika ta’ kemm jintalbu rapporti minn din ix-xorta. Għaldaqstant ma hemmx mod kif tista’ tinġabar din l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #15580 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — sheds għall-baqar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bħalissa biex jinbnew sheds għall-baqar, madwar Malta u Għawdex, rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha pendenti quddiemha sitta u għoxrin (26) applikazzjoni fejn fil-proposta hemm indikat ċar li l-iżvilupp jinkludi bini jew estensjoni ta' sheds għaż-żamma tal-baqar. Għoxrin (20) minn dawn l-applikazzjonijiet jirrigwardaw siti ġewwa Malta u s-sitt (6) applikazzjonijiet l-oħra jirrigwardaw siti ġewwa Għawdex. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "razzett", "rziezet", "maqjel", " farm/s ", "baqra", "baqar", "barri", " għoġol", " għoġiela", " calf ", " calves ", " dairy "," cow/s ", " cattle ", jew " bull/s ".
Leg 11 PQ #15692 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

information boards biex ikunu ta' għajnuna għat-turisti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li f'dawk il-lokalitajiet fejn hemm ħafna faċilitajiet turistiċi, kemm pubbliċi, kif ukoll privati, jitqiegħdu information boards f'diversi inħawi tal-lokalità biex il-viżitaturi jkunu f'qagħda aħjar li japprezzaw il-faċilitajiet u l-inħawi oħra ta' importanza li jkun hemm fl-istess lokalità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu taħdem ma’ aġenziji oħra, fosthom kunsilli lokali, sabiex tgħin biex isiru inizjattivi li jgħinu lit-turist jikseb informazzjoni inkluż permezz ta’ Information Boards. Fil-passat ġew ko-finanzjati diversi proġetti ta’ kunsilli lokali fejn saru information boards, heritage trails, walks u anke mapep turistiċi ta’ lokalitajiet. Fil-fatt, bħalissa, l-MTA qed tiddiskuti ma’ aġenzija oħra tal-Gvern sabiex isir evalwazzjoni ta’ proġett simili f’lokalitajiet storiċi f’Malta.
Leg 11 PQ #15696 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pjanta ta' partijiet tas-Simar li għaddew għand il-Birdlife Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi liema partijiet tas-Simar/masġar taż-żebbuġ ħdejn il-bajja tax-Xemxija, fil-fatt għaddew lill-Birdlife Malta? X'kundizzjonijiet hemm fil-ftehim dwar iż-żamma tal-istess post? Kif jiġi garantit li dawn il-kundizzjonijiet jiġu osservati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta tas-Simar sit protett skont Avviż Legali 41/03. Dan is-sit huwa wieħed mis-siti Maltin li huma protetti u dikjarati bħala siti Natura 2000. Il-linja skura tindika l-konfini tas-sit tas-Simar li skont il-Ftehim ta’ Ġestjoni (Management Agreement) u l-pjan ta’ Ġestjoni (Management Plan) tas-sit protett huwa mmaniġjat mill-BirdLife Malta (BLM). Il- BirdLife Malta tipprepara Pjan ta’ Ġestjoni għall-post. Dan il-pjan jiġi analizzat mill-esperti tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u diskuss mall-BLM taħt il-ħarsien tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.Il- BirdLife Malta tirraporta lill-MEPA u lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar it-twettiq tal-pjan. Il-Pjan ta’ Ġestjoni jiġi rrivedut kontinwament sabiex dejjem jitjiebu r-riżultati tal-immaniġġjar tas-sit. Il-BLM u l-MEPA jaħdmu id f’id u l-kriterji ambjentali u dawk tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati huma mħarsa taħt il-Ftehim ta’ Ġestjoni li jkun approvat mill-Ministeru kkonċernat, il-MEPA u l- BirdLife Malta .
Leg 11 PQ #15711 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — policy għal shooting ranges u bini ta' kmamar tan-nar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'se tkun il-policy tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambejnt u l-Ippjanar għal dawk li huma shooting rangesu bini ta' kmamar tan-nar? Meta hu mistenni li jiġu ppubblikati dawn il-policies, billi b'mod partikolari għal dawk li huma shooting ranges, din il-policy ilha żmien twil tiġi kkunsidrata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-policy dwar shooting ranges hija waħda mill-policies li ser inkunu qed nanalizzaw fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. B'referenza ghall-Mistoqsija dwar il- policy għall-bini ta' kmamar tan-nar, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5597 u ċioé li l- policies relevanti huma policy GZ-CMRC-13 fil-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna u NWCM 6 fil-Pjan Lokali ghall-Majjistral ta' Malta. F'każijiet fejn il- policy mhix speċifika biżżejjed, wieħed jista’ jislet prinċipji addottati fi pjanijiet lokali oħra kif ukoll mill-gwidi ta' policies ġenerali li huma relevanti għas-suġġett. Ta' min isemmi li ma' dan it-tip ta' żvilupp jeżistu wkoll konsiderazzjonijiet importanti relatati ma' saħħa, sigurtà ta' terzi persuni, sigurtà ta' proprjetà fil-viċin kif ukoll konsiderazzjonijiet ambjentali u ta' aċċess għas-sit, speċjalment f'każi ta' emerġenza. Malta għandha densita għolja ħafna ta' kmamar tan-nar għad-daqs tat-territorju tagħha.
Leg 11 PQ #15748 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bajja ramlija fl-inħawi tal-Qawra

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslet l-applikazzjoni għall-bajja ramlija fl-inħawi tal-Qawra? Fiex wasal il-proġett għall-bini ta' aquarium fl-istess inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-applikazzjoni għall-bajja ramlija fil-Ponta tal-Qawra għadha qed tiġi evalwata minħabba n-numru ta’ interventi li hemm bżonn isiru sabiex jinżamm ir-ramel f’postu. L-ewwel riżultati qed juru li n-numru ta’ strutturi li hemm bżonn huwa aktar milli kien mistenni. Il-MEPA wriet it-tħassib tagħha dwar dawn l-istrutturi kemm mil-lat viżwali / estetiku u kemm mil-lat ambjentali. L-MTA bħalissa qed tevalwa l-options kollha possibli sabiex f’din il-bajja jiżdiedu s-servizzi u l-aċċessibilità. Il-proġett tal-akkwarjum għaddej mill-proċess tat- tender ‘ Competitive Dialogue ’. L-MTA qiegħda fl-istadju li tidjaloga mal-kuntratturi li ġew pre-kwalifikati. Il-mument li jingħalaq dan id-djalogu jinħareġ id-dokument finali tat- tender . Dan huwa maħsub li jseħħ fil-ġimgħat li ġejjin. It-tir tal-MTA jibqa’ li dan il-proġett jitlesta sal-aħħar tas-sena 2011.