L-inħawi tas-Salina/Burmarrad jgħaddu għand l-Birdlife
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru hux infurmat, u kienx involut biex jikkonsidra xi talbiet li setgħu saru mill-Birdlife, biex art fl-inħawi tas-Salina/Burmarrad tgħaddi għandha biex tieħu ħsiebha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-Birdlife qatt m’għamlet talba formali biex art fl-inħawi li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant tgħaddi għandhom biex jieħdu ħsiebha.
Birdlife responsabbli biex tnaddaf l-inħawi tas-Simar
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Birdlife għandhiex xi kundizzjoni partikolari biex tnaddaf l-inħawi tas-Simar li huma taħt ir-responsabbiltà tagħha?
Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk fil-fatt il-Birdlife hix responsabbli biss mill-partijiet ta' dawn l-inħawi li huma mdawra b'fence, jew inkella ta' partijiet oħra fl-istess inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-inħawi tas-Simar jaqaw taħt ir-responsabiltà tal-MEPA u għaldastant nissuġerixxi l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
konsum ta' ilma li jsir f'Malta għal skopijiet differenti,
Question
Billi riċentement ġew pubblikati rapporti li jindikaw il-konsum ta' ilma li jsir f'Malta għal skopijiet differenti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta' ilma li suppost qed jintuża għall-agrikoltura? Kif ġew ikkalkulati dawn l-ammonti ta' ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-NSO għamel studju fejn inħarġet stima tal-użu tal-ilma għat-tisqija tar-raba, għall-perjodu ta’ bejn il-15 ta’ Settembru 2008 u l-14 ta’ Settembru 2009. Din l-istima kienet ta’ 19.1 miljun metru kubu.
Din l-istima nħarġet mill-mudell li nbena abbażi tal-istħarriġ li sar fuq kampjun ta’ 799 ażjenda agrikola. Kull ażjenda kienet intervistata għal erba’ ġimgħat, fejn inġabret informazzjoni dwar il-prodott, il-metodu tat-tisqija, u l-ammont tal-ilma li ntuża. Il-mudell juża informazzjoni dwar it-tip ta’ prodott agrikolu, il-metodu tat-tisqija li juża l-bidwi, it-temperatura, l-ammont ta’ xita, l-umdità, il-qawwa tar-riħ u l-ammont ta’ raba msaqqi fil-perjodu ta’ referenza.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija Maltija ħaditx passi kontra xi persuni li kienu jiffurmaw parti mill-ekwipaġġ tal-vapuri tal-Greenpeace li allegatament kienu involuti f'inċidenti ma' opri tal-baħar immexxija minn persuni Maltin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tinvestiga kemm l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll ieħor li seħħ wara, fejn xi sajjieda Maltin kienu weġġgħu.
Forzi Armati ta' Malta — intervent fuq vapuri tal-Greenpeace
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk it-taqsima marittima tal-Forzi Armati Maltin kellhiex tintervjeni minħabba rapporti ta' attaki minn vapuri tal-Greenpeace fuq opri tal-baħar immexxija minn Maltin? Meta saru dawn l-interventi min-naħa ta' din it-taqsima?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hija prattika normali li s-sajjieda jikkomunikaw mal-Forzi Armati Maltin meta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fuq il-baħar. Hekk ġara nhar il-5 ta’ Ġunju meta sajjied Malti talab l-għajnuna tal-FAM waqt intervent minn bastiment tal-Greenpeace fuq il-gaġġa tiegħu. F’dan il-każ intbagħtet patrol boat mit-taqsima Marittima biex tinvestiga u tassisti kif kien meħtieġ.
Ta’ min isemmi li l-FAM għandha rwol importanti f’dak li għandu x’jaqsam ma sorveljar marittimu w għal dan il-għan tħaddem mezzi moderni biex l-interventi jkunu pronti u bla dewmien. Fit-8 u fit-13 ta’ Ġunju rispettivament kien hemm żewġ interventi oħra mill-Forzi Armati relatati mas-sajjieda li ma kienux ibbażati fuq rapporti imma fuq tali sorveljanza.
Transport Malta — Investigazzjoni dwar vapuri tal-Greenpeace
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta kenitx involuta f'xi investigazzjoni dwar il-mod skorrett li bih allegatament aġixxew vapuri tal-Greenpeace fl-inħawi ta' madwar Malta f'dawn l-aħħar ġimgħat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn l-inċidenti ġewx rapportati lill-International Maritime Organisation?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru rċeviex rapporti ta' attakki fuq opri tal-baħar Maltin li kienu qed iressqu t-tonn lejn Malta, minn opri tal-baħar li huma tal-Greenpeace? Kemm kienu tali rapporti u meta saru? X'investigazzjoni għamel id-dipartiment konċernat dwar dawn ir-rapporti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li d-Direttorat tal-Kontroll tas-Sajd kien infurmat verbalment mill-operaturi tal-fish farms fl-erba’ okkażżjonijiet meta saru l-attakki fuq il-gaġġeġ Maltin. Il-Ministeru rċieva wkoll rapport uffiċjali fid-9 ta’ Ġunju mingħand rappreżentant ta’ l-Operaturi Maltin tal-fish farms li l-gaġeġ tagħhom kienu qegħdin jigu kkonfrontati minn 3 bastimenti tal-Greenpeace u Sea Shepherd u saret talba uffiċjali sabiex tingħata viġilanza kostanti għall-protezzjoni tal-proprjetà Maltija.
L-attakki kienu kif isegwi:
· 5 ta’ Ġunju - attakk fuq bastimenti tas-sajd Franċiżi u operaturi
Maltin allegatament mill-Greenpeace
· 6 ta’ Ġunju - attakk fuq bastimenti tas-sajd Tuneżini u
Operaturi Maltin allegatament mill-Greenpeace
· 13 ta’ Ġunju - attakk fuq gaġġa tat-tonn ta’ operatur
Malti allegatament mill-Greenpeace
· 17 ta’ Ġunju - 2 attakki fuq gaġeġ bit-tonn ta’ żewg operaturi
Maltin allegatament mis-Sea Shepherd
· 19 ta’ Ġunju - attakk fuq gaġġa tat-tonn ta’ operatur Malti
allegatament mis-Sea Shepherd
Il-Ministeru huwa f’kuntatt kontinwu mal-Forzi Armati ta’ Malta, ma’ dawk Libjani u Francizi u mal-Community Fisheries Control Agency (CFCA) tal-Unjoni Ewropeja sabiex joffru protezzjoni lill-operaturi Maltin u l-attivita tagħhom. Il-Ministeru ha passi wkoll sabiex jibgħat
note verbale
lill-Gvern Olandiz sabiex jittieħdu l-passi neċessarji fuq it-tliet bastimenti tal-Greenpeace u Sea Shepherd li jtajru l-bandiera Olandiza. Hemm komunikazzjoni kontinwa bejn l-operaturi u l-awtoritajiet inklużi l-uffiċjali ta dan il-Ministeru biex tiġi evitata kemm jista' jkun aktar ħsara.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji permezz ta' Transport Malta biex fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, fl-inħawi qrib 'Tal-Fjuri', fejn hemm numru ta' residenti li joqogħdu fuq l-istess bypass, li iżda m'għandhomx garage fejn jistgħu jdaħħlu l-karozza tagħhom, issir bidla fil-livell u d-daqs tal-bankina, biex din l-istess bankina tkun tista' tiġi użata għall-parking ta' dawn l-istess residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minħabba raġunijiet ta' safety u aċċess fuq il-bankini din il-proposta ma tistax tiġi milqugħa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' telecare li għandna llum f'pajjiżna? Kif inhuma mqassma dawn is-servizzi skont il-lokalitajiet li fihom joqgħodu l-anzjani li għandhom dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
postijiet rekwiżizzjonati għand id-dipartiment responsabbli mir-Requisition Orders
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'fadal postijiet rekwiżizzjonati għand id-dipartiment responsabbli mir-Requisition Orders? Kif inhuma mqassma dawn il-postijiet skont il-bliet u l-irħula differenti li għandna f'Malta u Għawdex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-producers organizations li qed jiffunzjonaw bħalissa? Kemm f'kull każ huma l-produtturi, jew il-bdiewa li huma membri ta' dawn il-producers organizations?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji permezz tal-Awtorità tad-Djar biex l-ispazju pubbliku li hemm fil-blokk flats fil-Qawra jiġi mdawwal permezz ta' dwal pubbliċi peress li dawn jinsabu fid-dlam?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorità tad-Djar mhijiex responsabbli biex tistalla dwal pubbliċi. Spazji pubbliċi normalment jiġu mdawwla permezz ta’ streetlighting li jiġi stallat mill-Enemalta, jew f’każ ta’ ġonna u spazji pedonali, dawn isiru u eventwalment jiġu mantenuti ukoll mill-Kunsilli Lokali. Madanakollu l-Awtorità tad-Djar ġieli għamlet ftehim ma’ kunsilli lokali biex tgħin għal finanzjament ta’ proġetti meta dawn jikkonċernaw żoni meqjusa għall-użu ta’ residenti ta’ blokki li nbnew u ġew allokati mill-Awtorità tad-Djar. L-Awtorità tad-Djar lesta li tagħmel arranġament simili mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwqr kemm kienu l-kazijiet ta' oil spills li ġew rapportati lis-Civil Protection u li dwarhom l-istess dipartiment ħa passi biex jitnaddfu dawn iż-żjut? Liema partijiet ta' Malta u Għawdex kienu rapportati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie msejjaħ biex inaddaf 526 oil spills li kienu jinsabu f'diversi toroq madwar Malta u Għawdex.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17989, jista' l-Ministru jikkunsidra l-possibilità li matul ix-xhur tas-sajf, almenu sakemm ikun hemm deċiżjoni dwar ir-rapport li għandu jiġi konkluż dwar l-ambulance stations, fil-fatt l-ambulanza li bħalissa qiegħda l-Mosta, din titqiegħed fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar biex tkun dejjem eqreb lejn il-bajjiet li hemm fl-inħawi ta' fuq ta' Malta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Filwaqt li napprezza s-suġġeriment tal-Onor. Interpellant, f’dan l-istadju m'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari 17989.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16913, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' blokki ta' appartamenti li d-Divizjoni tal-Proprjetà tal-Gvern hi informata bihom li d-dawl tal-komun mhux qed jitħallas? Kemm ilhom ma jitħallsu dawn il-kontijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, jirċievi l-ammont ta’ 952 kont tad-dawl tal-komun ta’ blokkijiet ta’ appartamenti f’postijiet tal-Gvern. Hija r-responsabbilta tad-Dipartiment ta’ Proprjetà tal-Gvern li mill-flus ivvutati għal dawn il-ħlasijiet, iħallas kemm il-kontijiet ta’ dawn il-blokok ta’ appartamenti, kif ukoll dawk ta’ proprjetà tal-Gvern li hija vojta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm twaħħlu arloġġi tal-ilma fuq l-ispieri privati s'issa? Min qed ikun responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż involuti? Kif ġie stabbilit l-ammont ta' ħlas li jrid isir minn min ikollu arloġġ stallat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li s’issa twaħħlu 23 arloġġ tal-ilma mal-ispieri privati. L-utent ta’ l-ispiera hu responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż involuti. L-ammont ta’ ħlas kien stabbilit biex ikopri l-ispejjeż ta’ l-arloġġ tal-ilma u fittings u aċċessorji, l-ispejjeż għat-twaħħil tal-arloġġ u miżuri ta’ sigurtà.
Billi riċentament tħabbar li se jkun hawn fis-suq sistemi li permezz tagħhom id-drenaġġ ikun jista' jiġi ttratat mingħajr il-ħtieġa li jkun imqabbad mas-sistema nazzjonali għat-tisfija tad-drenaġġ, jista' l-Ministru jikkonsidra li sistemi bħal dawn jitwaħħlu f'diversi nħawi ta' Malta fejn s'issa m'hemmx drenaġġ? Kemm hu l-iżgħar numru u l-ikbar numru ta' households li jistgħu jinqdew b'sistemi bħal dawn?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet ta' oil spills fil-baħar rappurtati lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul l-2007, 2008, 2009 u l-2010 sa Mejju? X'passi ttieħdu mill-awtorità wara dawn ir-rapporti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali għandhom ftehim mal-Korporazzjoni Enemalta biex il-kunsilli lokali jkunu responsabbli mid-dawl pubbliku? Jista' jagħti tagħrif dwar x'differenza hemm f'dik li hi amministrazzjoni ta' dwal pubbliċi, sew jekk dawn huma mwaħħla mal-ħitan kif ukoll jekk dawn qegħdin fuq arbli tad-dawl? F'dawk l-inħawi fejn għad m'hemmx dwal pubbliċi, minn min suppost jitwaħħlu l-bozoz neċessarji mill-Korporazzjoni Enemalta jew mill-kunsilli lokali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dwal tat-toroq ġew devoluti lill-Kunsilli kollha minn barra il-Belt Valletta. Il-bozoz imwaħħla mal-hitan u dawk imdendla fin-nofs tat-triq huma responsabilta tal-Kunsill Lokali. Dawk imwaħħla mal-arbli huma responsabilta tal Enemalta. Lampi ġodda huma responsabilta tal-Kunsill.
spezzjonijiet ta' postijiet li jipprovdu l-ikel għall-konsum
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' spezzjonijiet isiru mid-dipartiment ikkonċernat fid-diversi kategoriji ta' postijiet li jipprovdu l-ikel għall-konsum? F'liema lokalitajiet saru dawn l-ispezzjonjiet fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? X'kollaborazzjoni ssir bejn id-dipartiment ikkonċernat u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.