Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarx żvilupp biex il-pjanti li jinxtraw mill-Land Registry jkunu aġġornati skont l-aħħar żviluppi li jkunu saru fil-bini?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għadu kif intlaħaq ftehim bejn ir-Reġistru tal-Artijiet u l-MEPA sabiex din tal-aħħar tgħaddi l-basemap aġġornata tagħha lir-Reġistru bla ħlas u mingħajr dewmien. Dan l-eżerċizzju għandu jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' bdiewa li din is-sena bagħtu l-patata għall-konsum fis-suq intern Ewropew? Lejn liema pajjiżi ntbagħtet din il-patata din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din l-informazzjoni ma tinġabarx mill-Ministeru tiegħi minħabba li din l-attivita hija waħda purament kummerċjali.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema se jkunu dawk il-korsijiet ġodda li se jiġu organizzati mill-MCAST għas-sena skolastika 2010-2011 jew fis-snin ta' wara sa fejn huma diġà ppjanati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Billi xi żmien ilu kien hemm diskussjoni dwar xi programm li permezz tiegħu jitneħħew l-aerials tat-TV li għandna fuq il-bjut tagħna madwar Malta u Għawdex, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żvilupp dwar dan il-programm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Awtorità Maltija għal Komunikazzjoni fuq kif l-aħjar li tiġi implimentata din l-iskema li hu maħsub li toħroġ aktar tard din is-sena.
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jagħmel studju dwar il-mod kif qed jiffunzjonaw it-traffic lights ħdejn il-Każin tal-Labour fl-Imsida, kemm fid-direzzjoni li tagħti mill-Imsida lejn tal-Qroqq, kif ukoll minn Tal-Qroqq lejn l-Imsida, għaliex dawn il-lights qed jikkawżaw dewmien esaġerat biex il-vetturi jgħaddu minn dawn l-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-ilment tiegħu lill-entita' konċernata.
Transport Malta — Crash Barrier fil-bypass tal-Mellieħa
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji permezz ta' Transport Malta biex fit-Triq li tieħu minn l-Imbordin sal-bypass tal-Mellieħa, fl-inħawi tal-Miżieb, titwaħħal crash barrier fil-parti tat-triq li hi perikoluża ferm, minħabba li m'hemmx ilqugħ bejn it-triq u l-wied li qiegħed madwar sular iktar fil-fond?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarx xi studju dwar il-mod ta' kif jista' jiġi restawrat l-akwadott (il-parti li fadal minnu) li jibda mix-Xemxija fid-direzzjoni tal-Manikata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li s’issa it-Taqsima tar-Restawr għadha ma għamlitx dan l-istudju. Madankollu sar xogħol fuq is-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant biex titneħħa parti mill-istruttura li kienet perikoluża.
B'referenza għar-rapport tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fejn hemm referenza għat-28,000 jobs li wettqet il-korporazzjoni matul l-2009, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhuma mqassma dawn l-interventi, lokalità lokalità?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2009 saru l-interventi fuq is-sistema tad-distribuzzjoni mir-Reġjuni fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kif imniżżel fl-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għan-numru ta' persuni li ma jattendux għall-appuntamenti li jkollhom fl-isptar, skont iċ-ċifri mogħtija fil-parlament, jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk il-Ministeru, b'xi mod ippruvax jara x'qed iwassal biex tant persuni ma jattendux għall-appuntament u b'hekk itellfu lil persuni oħra milli jkollhom appuntament qabel dak li fil-fatt jingħatalhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Minn studju li kien sar fl-2009 mill-Management ta’ Mater Dei ħarġu r-raġunijiet li tajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17539.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-għases tal-pulizija li għandna f'Malta talbu li jkun hemm refurbishing tagħhom (naturlament it-talba tkun saret minn dawk responsabbli li jmexxu l-għassa partikolari)? Kemm minn dawn l-għases hu mistenni li jiġu refurbished din is-sena? Liema huma dawn l-għases?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif diġa' kelli l-okkażjoni nispjega, ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-għasses huwa proċess kontinwu u għaldaqstant isiru dawk ix-xogħolijiet li jkun hemm bżonn minn żmien għal-żmien. Ninsab infurmat illi fost l-Għasses li matul din is-sena saru jew huwa maħsub li ser isiru xogħolijiet, hemm dik ta’ Pinto Wharf, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbug, Fgura, M’Scala, Sliema, San Ġwann, Mtarfa, Marsa, Qawra, Mosta, Għadira, Mellieħa, Kemmuna, Xewkija, Xlendi u Rabat (Għawdex).
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bidlitx il-policies tagħha dwar il-ħruġ ta' permessi għall-kmamar tan-nar (fireworks factories)?
Jista' jagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-policies applikati biex jevalwaw applikazzjonijiet futuri għall-kmamar tan-nar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5597 u Mistoqsija Parlamentari Numru 15711.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar liema huma l-konvenzjonijiet internazzjonali marbuta mal-qasam marittimu li Malta għad trid tirratifika? Kemm ilhom pendenti biex jiġu ratifikati dawn il-konvenzjonijiet? Liema minn dawn il-konvenzjonijiet hu mistenni li jiġu ratifikati fil-futur qarib?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali li għandhom talbiet pendenti għall-approvazzjoni ta' sleeping policemen fil-lokalità tagħhom, quddiem Transport Malta? Kemm għandhom talbiet pendenti, individwalment dawn il-kunsilli lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Speed camera fit-Triq li mix-Xemxija twassal għal Golden bay
Question
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq li mix-Xemxija twassal għal Golden Bay tiġi stallata speed camera (jew iktar minn waħda) biex ċertu abbuż ta' overspeeding jiġi kkontrollat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess għall-ħruġ tal-permessi għall-area industrijali li kellha tinbena fl-inħawi tat-Tunnara, limiti tal-Mellieħa, fejn kellhom jiġu żviluppati numru ta' garaxxijiet industrijali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess għall-ħruġ tal-permessi għall-area msemmija għadu pendenti.
Billi fir-rapport tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-istatement taċ-chairman hemm li l-korporazzjoni kkummissjonat impjant għat-trattament tal-waste water sperimentali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li jitqiegħed dan l-impjant sperimentali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-impjant sperimentali mistenni li jitqiegħed fil-lokalita tal-Bidnija wara li jsirulu sensiela ta’ testijiet fuqu, u wara li jiġu approvati l-permessi kollha meħtieġa.
L-impjant ser jelimina id-dipendenza tal-Bidnija fuq sistema ta’ bowsers (madwar bowser sa tnejn kuljum) biex titbattal il-fossa eżistenti. L-impjant ser ukoll jelimina il-possibilta ta’ xi fawran ta’ drenaġġ fil-wied f’każijiet meta jkollok sitwazzjonijiet fejn il-fossa ma titbattalx fil-ħin, partikolarment meta tagħmel ix-xita u l-fossa ma tlaħħaqx.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-possibilità li l-airshow jerġa' jsir fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalma jista’ japprezza l-Onorevoli Interpellant, l-Airshow li qiegħed jirreferi għalih m’hijiex inizjattiva mtella’ mill-Gvern jew minn xi aġenzija statali. Madankollu ninsab infurmat illi l-organizzaturi ta’ dan l-Airshow diġà avżaw pubblikament minn żmien ilu, saħansitra qiegħed imniżżel fil-ktejjeb The Maltese Islands – Events Calendar Highlights 2010, maħruġ f’Jannar mill-Awtorità tat-Turiżmu, illi l-attività ta’ din is-sena se ssir bħas-sena l-oħra, jiġifieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinħarġu n-no objections neċessarji biex tkun tista' tinfetaħ spiżerija fil-hamlet ta' Burmarrad?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba ghadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Burmarrad — Triq prinċipali - xogħol fuq il-bankina
Question
JiIsta' l-Ministru jara li x-xogħol arterjali fuq il-bankina (żewġ naħat) fit-triq prinċipali ta' Burmarrad issir, billi xi żmien ilu kien ingħad li kienet ħarġet tender biex isir ix-xogħol meħtieġ fuq din il-bankina, li minħabba l-kundizzjoni li tinsab fiha qed tagħti dehra kerha lill-istess post?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex kemm jista' jkun malajr isir ix-xogħol meħtieġ biex numru ta' pelican lights li ġew stallati f'Burmarrad u San Pawl il-Baħar ikollhom id-dawl tagħhom mixgħul?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma jirriżultax li ġew irreġistrati applikazzjonijiet għall-provista tal-elettriku għall-pelican lights f’Burmarrad u San Pawl il-Baħar.