Legislature:
Category:
Reset
Active:

Burmarrad u l-Mosta — tabelli tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-tabellli tat-traffiku li xi nies irresponsabbli għawġu u vvandalizzaw bejn Burmarrad u l-Mosta, fl-inħawi ta' Tarġa Gap, jiġu rranġati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dawn it-tabelli msemmija ġew irranġati jew mibdula immedjatament wara li ġew irrapurtati.

Mellieħa — Santa Maria Estate - toroq li ma ġewx irranġati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq fl-inħawi ta' Santa Marija Estate, fil-Mellieħa li għadhom ma ġewx irranġati? Liema minn dawn it-toroq kienu parti mill-ftehim li għamlet l-Awtorità dwar it-Trasport (dak iż-żmien) u s-sidien tal-art ta' Santa Marija Estate?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 19277.

Kennedy Grove — l-Imdawra - manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-triq li tagħti minn ħdejn Kennedy Grove għall-Imdawra tiġi asfaltata sewwa billi din it-triq hi waħda frekwentata ħafna minn bosta Maltin u turisti u tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq minn ħdejn Kennedy Grove għall-Imdawra ma taqax taħt kategorija ta’ triq distributorja jew arterjali u għalhekk il-manutenzjoni ta’ din it-triq mhijiex responsabiltà tal-Gvern Ċentrali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Pelican lights

Question

Jista l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' pelican lights li ġew stallati matul l-2009 u l-2010 s'issa? Fejn jinsabu dawn il-lights? Kemm hu n-numru ta' pelican lights li għad hemm talba pendenti għalihom u kemm hemm approvati biex jiġu stallati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' pelican lights li gew stallati matul l-2009 u l-2010 huwa kif jidher fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Approvati biex jiġu stallati jew mixgħula huma tnejn ġewwa Burmarrad, ta’ l-Ajruport ta’ Hal-Luqa, tal-Belt Valletta, tax-Xemxija u ta’ l-iMrieħel. Il-pelican lights li huma approvati u se jigu installati fix-xhur li gejjin huma 5: Mill Street, Qormi Triq it-Torri, Sliema Triq il-Ferrovija, St Venera Triq Notabile, B'Kara Triq Għar Dalam, B'Bugia

Bypass ta' San Pawl il-Baħar fl-inħawi tal-Fjuri

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18620 li tgħid li mhux possibli li jkun hemm parking fl-inħawi indikati fl-istess mistoqsija minħabba kwistjoni ta' safety u aċċess fuq il-bankini, billi f'diversi nħawi ta' Malta hemm sitwazzjoni ta' parkeġġ kif indikat fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jara li tinstab alternattiva għall-problema indikata fil-mistoqsija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li parking li jagħti dirett għal fuq bypass huwa ta’ periklu kbir kemm għas-sewwieqa u anke għan-nies li jipparkjaw. Ta’ min jinnota li din iż-żona tinsab eżatt wara 2 kurvi kontra xulxin u għalhekk il-viżibilità tkun limitata. Jien infurmat li għal dawn ir-raġunijiet ma tistax tkun provduta alternattiva.

By-pass ta' San Pawl il-Baħar — Speed camera

Question

Jista' l-Ministru jara li kemm jista' jkun malajr jittieħdu l-passi neċessarji biex l-ispeed camera li ilha approvata ħafna żmien fil-by-pass ta' San Pawl il-Baħar, tiġi mwaħħla u tibda topera biex jiġu evitati aktar inċidenti serji? Billi hemm minn ikkritika l-lok ta' fejn twaħħlu l-arbli għal din il-camera u ssuġġerixxa partijiet oħra fejn għandhom jitwaħħlu cameras oħra f'din l-istess bypass, jista' l-Ministru jiddeċiedi dwar dan kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed nirreferi s-suġġeriment li qed jagħmel l-Onor Interpellant sabiex jiġi kkunsidrat fir-reviżjoni tal-policy rigward speed cameras li qed tiġi ffinalizzata.

muturi 4 wheelers li ġew liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' muturi 4 wheelers li ġew liċenzjati minn Transport Malta jew mill-Awtorità dwar it-Trasport qabilha? Kemm minn dawn il-liċenzji ħarġu f'kull waħda mis-snin 2007, 2008, 2009 u 2010 sal-aħħar ta' Mejju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' muturi 4 wheelers (quad bikes) li ġew liċenzjati minn Transport Malta jew mill-Awtorità dwar it-Trasport qabilha huwa ta' 1030. In-numru ta’ liċenzji ġodda li ħarġu f'kull waħda mis-snin 2007, 2008, 2009 u 2010 sal-aħħar ta' Mejju huwa: 2007 165 2008 75 2009 34 2010 sa l-aħħar ta’ Mejju 6

Propjetajiet tal-Joint Office

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' proprjetajiet tal-Joint Office li ġew reġistrati matul l-2009 u l-2010 sal-aħħar ta' Mejju għand il-Land Registry?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2009, l-Uffiċċju Konġunt irreġistra 542 proprjetà għand il-Land Registry, filwaqt li fl-2010 sal-aħħar ta’ Mejju, ġew irreġistrati 228 proprjetà.

Burmarrad — Triq prinċipali - xogħol fuq il-bankina

Question

JiIsta' l-Ministru jara li x-xogħol arterjali fuq il-bankina (żewġ naħat) fit-triq prinċipali ta' Burmarrad issir, billi xi żmien ilu kien ingħad li kienet ħarġet tender biex isir ix-xogħol meħtieġ fuq din il-bankina, li minħabba l-kundizzjoni li tinsab fiha qed tagħti dehra kerha lill-istess post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li x-xogħlijiet in kwistjoni huma ppjanati li jsiru fix-xhur li ġejjin.

San Pawl il-Baħar/Qawra — Triq Porzjunkola - tarmac

Question

Billi Triq Porzjunkola fl-inħawi tal-Qawra/San Pawl il-Baħar saret triq mimlija residenti s-sena kollha, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex immedjatament din it-triq tingħata l-wiċċ tant meħtieġ ħalli r-residenti ma jibqgħux bi triq kollha mfarrka?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.19277.

WSC — mains ġodda f'San Pawl il-Baħar, Mellieħa u n-Naxxar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien it-tul ta' mains ġodda li ġew imqiegħda mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul l-2009 fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar? Kemm inbidlu tul ta' mains f'dawn l-istess inħawi fl-istess perjodu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2009 fl-inħawi ta’ San Pawl il-baħar, Mellieħa u n-Naxxar tpoġġew 2 kilometri ta’ mains kif indikat fl-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta — sleeping policemen

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali li għandhom talbiet pendenti għall-approvazzjoni ta' sleeping policemen fil-lokalità tagħhom, quddiem Transport Malta? Kemm għandhom talbiet pendenti, individwalment dawn il-kunsilli lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-talbiet pendenti għall-approvazzjoni ta’ road humps quddiem Transport Malta huma kif muri fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Speed camera fit-Triq li mix-Xemxija twassal għal Golden bay

Question

Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq li mix-Xemxija twassal għal Golden Bay tiġi stallata speed camera (jew iktar minn waħda) biex ċertu abbuż ta' overspeeding jiġi kkontrollat?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed nirreferi s-suġġeriment li qed jagħmel l-Onor Interpellant sabiex jiġi kkunsidrat fir-revisjoni tal-policy rigward speed cameras li qed tiġi ffinalizzata.

Transport Malta — Crash Barrier fil-bypass tal-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji permezz ta' Transport Malta biex fit-Triq li tieħu minn l-Imbordin sal-bypass tal-Mellieħa, fl-inħawi tal-Miżieb, titwaħħal crash barrier fil-parti tat-triq li hi perikoluża ferm, minħabba li m'hemmx ilqugħ bejn it-triq u l-wied li qiegħed madwar sular iktar fil-fond?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li nħarġet sejħa li qed tiġi aġġudikata għall-offerti għall-istallazjoni ta’ crash barriers fl-inħawi fosthom din il-parti tat-triq fil-Miżieb

triq bejn Għajn Tuffieħa u x-Xemxija — telstija tal-bankijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li x-xogħol li qed isir fuq il-bankijiet tal-ġebel fit-triq bejn Għajn Tuffieħa u x-Xemxija jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-ħaddiema li kienu fuq dan il-proġett ġew assenjati temporanjament fuq xogħol ieħor urġenti. Dan ix-xogħol se jitkompla fil-ġranet li ġejjin.
Leg 11 PQ #19320 Sitting 256 2010-09-29 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett ta' tisbiħ tal-iskola primarja f'San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Prim Ministru jassigura li x-xogħol marbut mal-proġett ta' tisbiħ bejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar u l-area ta' ħdejn il-Menqa jinbeda kmieni kemm jista' jkun biex dan il-proġett ikun lest qabel is-sajf 2011?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proċess tal-aġġudikazzjoni tat –tender li jwassal għal proġett imsemmi fil-mistoqsija tal- Onorevoli Interpellant tlesta kompletament u il- kuntratt għax-xogħolijiet ġie iffirmat
Leg 11 PQ #19321 Sitting 256 2010-09-29 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA rigward kmamar tan-nar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti indikazzjoni dwar liema politika (policies) hu mistenni li jiġu użati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tevalwa l-applikazzjonijiet pendenti li hemm bħalissa quddiemha għal dak li hu bini ta' kmamar tan-nar? Liema huma l-applikazzjonijiet għall-kmamar tan-nar li għandhom pendenti bħalissa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ipproċessar u deċiżjonijiet tal-Awtorita`, fil-każijiet ta' applikazzjoni għall-kmamar tan-nar, il-policies li jiġu użati huma prinċipalment dawk tal-Pjan ta' Struttura u l-Pjanijiet Lokali li jiddeterminaw l-użu tal-art fejn qed jiġi propost li jinbnew dawn il-kmamar tan-nar. L-Awtorita` tieħu wkoll konsiderazzjoni ta' dawk il-providimenti u constraints li jirregolaw l-art, bħal skedar u impatt ambjentali, kif ukoll dawk il-preċentazzjonijiet li l-istess Awtorita' tirċievi waqt il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika. Importanti wkoll il-konsultazzjonijiet neċessarji mingħand Awtoritajiet u Dipartiment li jistgħu jiggwidaw lill-Awtorita` fid-deċiżjoni ta' dan it-tip ta' applikazzjonijiet. B'referenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella aġġornata li tinkludi s-sitt (6) applikazzjonijiet għal kmamar tan-nar li huma pendenti sad-data tal-lum.

Selmun Palace Hotel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern għandux ħsieb li s-Selmun Palace Hotel terġa' titqiegħed mill-ġdid għall-bejgħ, jew le? Kif qed jiġi assigurat li din il-lukanda tkompli topera sew sakemm għadha qed titmexxa kif inhi bħalissa?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta se tingħata f'seduta oħra.

applikazzjonijiet pendenti għall-ftuħ ta' banek tal-lottu

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk bħalissa hemmx applikazzjonijiet pendenti għall-ftuħ ta' banek tal-lottu ġodda quddiem il-Gaming Authority? Jekk iva, kemm hemm u fejn huma dawn it-talbiet pendenti li qed jiġu kkunsidrati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi meta l-logħob li kien jirregola d-Dipartiment tal-Lottu ġie privatizzat, il-banek tal-lottu, li sa dak iż-żmien kellhom relazzjoni mad-dipartiment, saru bejjiegħa tas-servizzi li beda joffri l-operatur li ingħata l-liċenza, jiġifieri l-Maltco Lotteries. Għaldaqstant, applikazzjonijiet għal ftuħ jew kambjamenti fil-banek tal-lottu jsiru direttament lil Maltco Lotteries. Il-Maltco Lotteries hija obbigata li tinforma lil Awtorità tal-Lotteriji u Logħob bil-lista tal-ħwienet tagħha sabiex l-awtorità tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet u obbligi tagħha ta’ regolatur, madanakollu l-awtorità ma tidholx fil-mertu ta’ fejn jinfetħu l-banek tal-lottu. Ta’ min jinnota li kull prodott jew servizz li jingħata minn banka jew ħanut tal-lottu, jrid jingħata minn persuna liċenzata. Sabiex tinħareġ din il-liċenza, il-persuna konċernata trid tissottometti applikazzjoni lill-Awtorità tal-Lotteriji u Logħob. Il-liċenza li tawtorizza lil din il-persuna sabiex topera tinħareġ la darba l-awtorità tkun għamlet il-verifiki neċessarji dwar din il-persuna li, fost l-oħrajn, tinkludi l-verifika tal-kondotta tal-pulizija.

Prodotti agrikoli li twasslu fuq is-suq lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu u liema kienu l-prodotti agrikoli li twasslu fis-suq lokali, mis-suq intern tal-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, rispettivament matul l-ewwel 6 xhur tal-2010? X'tip ta' dikjarazzjonijiet jiġu mitluba dwar prodotti agrikoli li jinġabu fis-suq Malti u x'verifiki jsiru biex jiġi assigurat li dawn id-dikjarazzjonijiet huma korretti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar kemm kienu u liema kienu l-prodotti agrikoli li twasslu fis-suq lokali, kemm mis-suq intern tal-Unjoni Ewropea kif ukoll minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel it-tieni mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Agrikoli.