Legislature:
Category:
Reset
Active:

parteċipazzjoni fir-regatti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'jista' jagħmel jew kif għandu jagħmel kumitat li jkun jixtieq li jibda jipparteċipa fir-regatti organizzati uffiċjalment f'pajjiżna, b'mod partikolari f'dawk li huma regatti marbutin mal-festi nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19987. Inżid li kumitat li għandu x-xewqa li jibda jipparteċipa fir-Regatti organizzati uffiċjalment f’pajjiżna għandu, l-ewwel u qabel kollox, javviċina l-Kumitat tal-Għaqda Regatta Nazzjonali.
Leg 11 PQ #20015 Sitting 262 2010-10-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — applikazzjonijiet għall-bini ta' ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif tista' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tassigura li applikazzjonijiet marbutin ma' bini ta' ħitan tas-sejjieħ fil-fatt jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-importanza li tali ħitan għandhom/jista' jkollhom fuq l-ambjent tal-kampanja, minflok abbażi ta' jekk tali ħitan iservux biex jirrispettaw l-għelieqi f'Malta u Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħitan tas-sejjiegħ huma fost l-aktar aspetti importanti ta' l-ambjent tal-kampanja, kemm bħala lqugħ għall-ħamrija kif ukoll bħala element tradizzjonali ewlieni li jagħti karattru lill-pajsaġġ rurali. Bosta ħitan tas-sejjiegħ għandhom ukoll valur bħala wirt kulturali jew bħala habitat ekoloġiku. Għaldaqstant, huwa importanti li interventi bħal dawk imsemmija mill-Onorevoli interpellant isiru skond is-sengħa dovuta, isegwu l-profil naturali tal-post, u jagħtu każ tal-karatteristici ambjentali tal-madwar. Fuq kollox, il-ħitan għandhom ikunu tassew mibnija bis-sejjiegh, l-għoli tagħhom għandu jkun limitat għal dak li huwa biżżejjed biex iżomm il-ħamrija bla ma jkerraħ l-inħawi, u l-intervent m'għandux iwassal għal frammentazzjoni ta' l-art bil-problemi serji li din iġġib magħha. Meta tkun qed tikkunsidra applikazzjonijiet bħal dawk imsemmija, l-Awtorità tħares kemm lejn il-ġustifikazzjoni ta' l-intervent, kif ukoll lejn il-kwalità tax-xogħlijiet proposti u l-effett li dawn ikunu se jħallu fuq l-inhawi, sabiex b'hekk ikun żgurat li x-xogħlijiet in kwestjoni jissarrfu f'titjib fl-ambjent tal-kampanja u mhux f'aktar ħsarat jew impatti negattivi fuq il-pajsaġġ.
Leg 11 PQ #20016 Sitting 262 2010-10-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — bini/tiswija ta' ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal dawk li huma bini/tiswija ta' ħitan tas-sejjieħ, f'Malta u Għawdex, quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha mija sitta u ghoxrin (126) applikazzjoni ghall-permess ta' żvilupp (PA applications) u żewġ (2) Notifiki għall-iżvilupp (DNOs) għall-bini, tiswija u/jew alterazzjonijiet ta' ħitan tas-sejjieħ. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli (Table 1 & Table 2) bid-dettalji mitluba: Din l-informazzjoni ngabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "sejjieh" jew "rubble".
Leg 11 PQ #20017 Sitting 262 2010-10-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Linji tal-arju low cost

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx talbiet pendenti minn linji tal-arju low cost biex jibdew itiru minn u lejn Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-MTA iżżomm kuntatt kontinwu ma’ diversi linji ta’ l-ajru, sew dawk low cost kif ukoll oħrajn, bil-għan li tassigura li kull opportunità tajba għal pajjiżna tiġi kkunsidrata fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Dipartiment tal-artijiet — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-applikazzjonijiet li kienu daħlu għand id-Dipartiment tal-Artijiet madwar għaxar snin ilu, minn persuni li jaħdmu r-raba' biex dawn jibdew iħallsu tal-istess raba' fil-fatt ġew rikonoxxuti? Kemm fadal applikazzjonijiet pendenti biex tali rikonoxximent jiġi finalizzat? Minn liema lokalitajiet huma l-applikazzjonijiet li għadhom pendenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta għalqet l-Iskema għal Art Agrikola tal-Gvern kien hemm b’kollox 9773 applikazzjoni minn madwar Malta u Għawdex. Minn dan l-ammont kien hemm total ta’ 3257 applikant li ġew rikonnoxuti f’diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex. Kien hemm ukoll 363 applikazzjoni li ġew rifjutati għal raġunijiet varji. Hemm ukoll 86 applikazzjoni li qed jistennew l-iffirmar tal-kuntratt, filwaqt li għad hemm 6067 applikazzjoni li għadhom iridu jiġu proċessati.

Ħ'Attard — bokka ta' ġiebja miftuħa

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex permezz ta' Transport Malta jitneħħa periklu li hemm fit-tarf ta' ħdejn Triq ta' Ħal Mann ma' Triq Durumblat, eżatt fil-bidu ta' Ħ'Attard fis-sens li bir (ġiebja) li għandha l-bokka tagħha miftuħa (wara l-ħajt tat-triq) tiġi mgħottija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-periklu in kwistjoni qiegħed fi proprjetà privata u għalhekk ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tad-dekasteru tiegħi.

Rifroma fit-trasport pubbliku — rotot ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li b'riżultat tar-riforma li mistennija sseħħ fit-trasport pubbliku, hux mistenni li jiġu ntrodotti rotot ġodda? Jekk iva, fejn hu mistenni li jkun hemm dawn ir-rotot ġodda?

Response (GATT, AUSTIN)

Iva u nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal ktieb dettaljat li kien ġie pubblikat.

Bajjiet — Berthing Facilities

Question

Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' bajjiet li fihom ingħataw konċessjonijiet għal berthing facilities temporanji matul is-sajf li għadda? Fejn kienu dawn il-bajjiet li ngħataw għal dan il-għan? X'tip ta' kontroll żammet Transport Malta fuq dawk li ngħataw dawn il-konċessjonijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sal-lum ingħatat konċessjoni waħda għall-marina temporanja fil-Kalkara, liema kuntratt ġie ffirmat f’Lulju li għadda. L-operaturi għadhom qed jistennew il-permessi neċessarji mill-MEPA għal pontoons. Sadanittant, numru limitat ta’ yachts ġew akkomodati fuq irmiġġi stern to quay . Madanakollu, meta l- marina tibda topera kif stabbilit, il-kuntratt jistabbilixxi diversi obbligi li l-operatur irid josserva, u Transport Malta se tassigura li tul il-kuntratt l-operatur jaderixxi ma’ dawn l-obbligi.

Mellieħa — bdil fir-rotta tal-karozza tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk intlaħaqx xi ftehim dwar ir-rotta tal-karozza tal-linja li sservi l-Mellieħa biex din ir-rotta tinbidel, bil-għan li tal-ilnja tibda tgħaddi mill-bypass f'ħafna każi minflok mit-Triq Ġorġ Borg Olivier?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda attwalment tiddiskuti dan it-tibdil fir-rotta mal-offerent preferut (preferred bidder).

Protokolli ta' għajnuna finanzjarja ffirmati bejn Malta u l-Italja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-protokolli ta' għajnuna finanzjarja bejn Malta u l-Italja, fil-fatt jitkomplew jiġu ffirmati? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt fadalx xi ħlasijiet pendenti minn dawn il-protokolli bejn Malta u l-Italja?

Response (BORG, TONIO)

Il-Protokolli finanzjarji li ġew konklużi bejn Malta u l-Italja għenu b’mod kostanti fil-mixja ta’ moderniżżazzjoni ekonomika, produttiva u infrastrutturali li Malta għamlet sas-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropeja. Il-Ħames u l-aħħar Protokoll kien partikolarment kruċjali f’dan ir-rigward fejn fit-Trattat innifsu kien spjegat il-għan tal-proġetti biex jikkkontribwixxu b’mod dirett għat-titjib kontinwu fis-settur ekonomiku, soċjali u kulturali ta’ Malta fid-dawl ta’ l-integrazzjoni ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropeja. Bl-adeżjoni ta’ Malta bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropeja fl-2004, l-għan ta’ din l-għajnuna finanzjarja kien milħuq u għalhekk m’hemmx aktar lok għal Protokolli ta’ din ix-xorta. L-għajnuna u l-finanzjamenti barranin lejn Malta issa ġejjin prinċipalment mill-Ewropa. L-aħħar pagament Taljan sar taħt il-Ħames Protokoll seħħ f'Novembru tal-2009 u ma hemm l-ebda ħlasijiet pendenti.

Clubs ġodda tad-dgħajjes — parteċipazzjoni fir-regatti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi proċedura partikolari li trid tintuża biex jitwaqqfu clubsġodda tad-dgħajjes biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fir-regatti li jiġu organizzati kull sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Għaqda Regatta Nazzjonali hija għaqda sportiva awtonoma li tosserva r-regoli tagħha. Il-Kunsill Malti għall-Isport, bħala l-organizzatur tar-Regatta Tradizzjonali ta’ Marzu u Settembru, jassigura li kull klabb li jipparteċipa jkun rikonoxxut mill-Għaqda Regatta Nazzjonali.
Leg 11 PQ #5938 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pjanti għall-bdiewa

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5594, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li fil-fatt ressqu talbiet għar-rikonsiderazzjoni jew informazzjoni? Fl-istess ħin, jekk persuna li hi sid ta' art fl-inħawi indikati fil-pjanta li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra, li iżda ma ġietx notifikata b'dan l-iskedar, kif tista' tali persuna tressaq l-oġġezzjonijiet tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rigward l-iskedar tal-Ballut tal-Wardija, Wardija Ridge u l-inħawi tal-madwar il-MEPA irċeviet 45 korrispondenza mqassma f’ a) 23 talba għal rikonsiderazzjoni b) 2 talbiet għal aktar informazzjoni c) 7 kummenti u d) 13-il talba għal aktar informazzjoni u kummenti fl-istess korrispondenza Kull korrispondenza li waslet għand il-MEPA ġiet indirizzata u ntbagħtu r-risposti u/jew informazzjoni. Artikolu 46(8) jispeċifika li ‘Sid ta’ proprjetà skedata għandu dritt jitlob rikonsiderazzjoni dwar kull skedar ta’ proprjetà tiegħu. Din it-talba għandha ssir bil-miktub quddiem l-awtorità fi żmien tletin jum min-notifika jew mill-pubblikazzjoni fil-Gazzetta, liema jiġi l-aħħar, ta’ l-iskedar, u l-awtorità għandha tiddeċiedi fi żmien tliet xhur minn meta tkun irċeviet it-talba għal ‘rikonsiderazzjoni’. Kif diġà ġie aċċennat qabel, l-awtorità mhux biss ħarġet 172 notifikazzjoni ta’ l-iskedar b’ittra reġistrata iżda talli waħħlet seba’ notifikazzjonijiet fl-inħawi skedati kif ukoll ippublikat l-iskedar fil-gazzetta tal-gvern u f’gazzetta lokali. Għall-fini tal-liġi il-MEPA għamlet aktar milli rikjest minnha anke jekk hemm xi sid li ma rċeviex notifikazzjonijiet ta’ l-iskedar. Dan l-għaliex Artikolu 46(2) jispeċifika li ‘Jekk ebda wieħed mis-sidien ma jkun magħruf, jew jekk mhux raġonevolment possibbli li jiġu notifikati dawk is-sidien, l-avviż imsemmi għandu jitwaħħal biss fis-sit u ma jkunx hemm bżonn issir in-notifika lil dawk is-sidien kif imsemmi qabel.
Leg 11 PQ #13937 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

talbiet pendenti għal bini ta' rziezet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu u fejn huma l-lokalitajiet li fihom hemm talbiet għal bini ta' irziezet tal-majjali u tal-baqar rispettivament u li huma pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-awtorità għandha pendenti quddiemha disgħa u tletin (39) applikazzjoni li tirrigwarda rziezet tal-majjali u tal-baqar f'Malta u Għawdex. Ghaxar (10) applikazzjonijiet u dsatax (19)-il applikazzjoni li tirrigwarda irziezet tal-majjali u tal-baqar rispettivament, u applikazzjoni ohra li tinkludi ż-żewg tipi ta' trobbija, qedgħin jistennew l-ewwel deċizjoni. Tliet (3) applikazzjonijiet u sitt (6) applikazzjonijiet li jirrigwardaw irziezet tal-majjali u tal-baqar rispettivament qegħdin jistennew rikonsiderazzjoni. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella li turi fejn jinsabu l-irziezet relattivi (Table 1) L-Awtorità għandha pendenti quddiema ukoll ħamsa u għoxrin (25) applikazzjoni għal irziezet fejn it-tip ta' trobbija m'hijiex speċifikata fid-deskrizzjoni tal-proposta fl-applikazzjoni. Tlieta u għoxrin (23) minn dawn qegħdin jistennew l-ewwel deċizjoni filwaqt li tnejn (2) oħra qed jistennew rikonsiderazzjoni. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi fejn jinsabu dawn l-irziezet (Table 2) Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "razzett", "rziezet", "maqjel", "farm/s", "baqra", "baqar", "barri", " ghog ol", " ghog iela", "calf", "calves", "dairy","cow/s", "cattle", "bull/s", "hniezer", "hanzir", "pig/s" jew "cow/s".
Leg 11 PQ #16888 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Buġibba — Bibien ta' ex-lukanda magħluqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ex-lukanda li tinsab qrib il-pjazza ta' Buġibba u li għandha l-bibien tagħha fil-ground floor miftuħa jiġu magħluqa għaliex il-post qed isir eye sore?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li x-xogħol rikjest mill-Onorevoli Interpellant sar fil-ġimgħat li għaddew. Tajjeb wieħed jifhem ukoll li din hija proprjetà privata u għalhekk il-gvern irid ikun kawt ħafna fl-interventi li jagħmel.
Leg 11 PQ #16889 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Buġibba — bibien ta' ex lukanda magħluqa

Question

Jista' l-Prim Ministru, permezz tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jieħu l-passi neċessarji biex il-bibien ta' lukanda li m'għadhiex tintuża fil-front ta' Buġibba (qrib il-pjazza) jingħalqu b'mod permanenti, peress li qed iservi bħala post ta' abbuż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm din hija proprjetà pubblika, x-xogħol sar mill-ħaddiema tal-gvern sabiex jitneħħa l-periklu li kien jeżisti.
Leg 11 PQ #18709 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

shelters tal-gwerra — protezzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-shelters tal-gwerra li huma magħrufa li jeżistu skont l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u l-Għargħur? X'passi tieħu l-istess awtorità biex dawn ix-shelters jiġu mħarsa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA, sal-lum, skedat shelter tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Mġarr, wieħed f'Għajn Tuffieħa u tnejn fil-Mellieħa, u oħrajn f'lokalitajiet oħra. Kull shelter tat-Tieni Gwerra Dinjija huwa awtomatikament protett permezz ta' l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali peress li għandhom 'il fuq minn ħamsin sena u għandhom valur storiku. F'kull applikazzjoni għal żvilupp li tista' taffettwa shelters tat-Tieni Gwerra Dinjija l-MEPA tinkludi kundizzjonijiet u garanziji bankarji sabiex tħares dawn ix-shelters. Il-MEPA qed iżżomm informazzjoni dwar kull shelter li jinstab waqt żvilupp, speċjalment minħabba li xi wħud minn dawn jinstabu aċċidentalment. Ta' min jgħid ukoll li kientet bdiet tiġbor inventarju ta' tax-shelters sabiex tkun tista' tagħti pariri dwar żvilupp li jista' jaffettwhom, imma minħabba prioritajiet oħra u nuqqas ta' riżorsi kellha tissospendi dan il-proġett. Kull min għandu informazzjoni dwar fejn jinstabu shelters tat-Tieni Gwerra Dinjija huwa mħeġġeġ sabiex jgħaddi din l-informazzjoni lill-MEPA.

Nurses fil-faċilitajiet governattivi tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu maħsub li hu n-numru ta' nurses li huma meħtieġa biex il-faċilitajiet governattivi tas-saħħa jkunu jistgħu jitħaddmu b'mod tajjeb illum u fis-snin li ġejjin? Jista' jagħti tagħrif dwar x'miżuri qed jieħu l-gvern biex dawn il-ħteġijiet jiġu moqdija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #19976 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Palazz tal-President, Mużew tal-Fine Arts u Mużew tal-Arkeoloġija — viżitaturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' viżitaturi fil-Palazz tal-President, il-Mużew tal-Fine Arts u l-Mużew tal-Arkeoloġija, kull sena, fl-2008, 2009 u l-2010 s'issa? Kemm hu l-ħlas li jsir f'kull każ biex wieħed jidħol f'dawn il-partijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Buġibba — Breakwater - wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-wiċċ tal-moll (breakwater) ta' Buġibba, li f'ħafna partijiet tiegħu hu maqlugħ, fil-fatt jiġi mogħti wiċċ ġdid, minħabba l-periklu li dan il-wiċċ qed jikkawża?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tiswijja ta' dan il-breakwater qiegħed jiġi evalwat.

Health Division — proċedura biex jitneħħew xi prodotti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-proċedura applikata meta l-uffiċjali tal-Health Division, għal xi raġuni valida skont il-liġi, jitolbu li jitneħħew mis-suq xi prodotti li jkunu esposti f'supermarkets, restaurants u postijiet oħra li jbiegħu l-ikel? Jista' jagħti tagħrif għaliex prodotti hekk meqjusa mhux tajba ma jinġabrux mill-ewwel minn tas-Sanità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.