Legislature:
Category:
Reset
Active:

Talbiet għal sleeping policemen

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' talbiet mill-Kunsilli Lokali ta' Ħ'Attard, Ħal Balzan, ir-Rabat, Ħad Dingli, l-Imtarfa, l-Imġarr, in-Naxxar, il-Mellieħa, il-Mosta, l-Għargħur u San Pawl il-Baħar għat-tqegħid ta' traffic calming devices (sleeping policemen) matul l-2009 u l-2010 (sa Settembru)? Kemm minn dawn it-talbiet, lokal b'lokal ġew approvati?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Pwales - sistema tad-drenaġġ

Question

B'referenza tar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 20388, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li hi l-kapaċità massima tas-sistema tad-drenaġġ f'San Pawl il-Baħar? Kemm hemm pompi (pumping stations) tad-drenaġġ fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Fejn jinsabu dawn l-istess pumping stations?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kapacità massima tas-sistema tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar hija ta’ 300 litru fis-sekonda. Fl-inħawi ta’ San Pawl il- Baħar hemm għaxar (10) pompi (pumping stations) tad-drenaġġ. Dawn jinsabu: Burmarrad Kennedy Grove Bugibba Sirens Steps Street Tax-Xama Pwales Fekruna Mistra 1 Mistra 2

Importazzjoni ta' majjal u tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm, fil-perjodu Ottubru 2009 sa Settembru 2010 kien dikjarat f'tunnellaġġ li qed jiddaħħal laħam tal-majjal/tiġieġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Din l-informazzjoni tista tinkiseb mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u allura nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

importazzjoni ta' majjal u tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba fil-border inspection point waqt spot checks instab li kien qed jiddaħħal laħam tal-majjal/tat-tiġieġ f'Malta matul il-perjodu Ottubru 2009 sa Settembru 2010?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-BIP jeżamina kull konsenja li tkun dieħla Malta minn pajjiżi terżi. Rigward l-istatistika nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 20786.

Ħal Qormi — tiswijiet fit-triq li minn Mdina Road twassal għall-industrial area tal-Ħandaq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-triq prinċipali li minn Triq l-Imdina f'Ħal Qormi twassal għall-industrial area tal-Ħandaq tiġi mogħtija wiċċ tarmak ġdid għax dak li kien hemm fiħ ħafna ħsara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabbiltà tad-dekasteru tiegħi.

San Pawl il-Baħar — Mosta Road - pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex id-dawl tal-pelican lights f'Mosta Road, San Pawl il-Baħar liema lights tkissru f'inċident tat-traffiku jiġu rranġati kemm jista' jkun malajr biex jiġu evitati inċidenti bejn karozzi u pedestrians?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali peress li din ma taqgħax taħt il-kompetenza ta’ l-Enemalta.
Leg 11 PQ #20790 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — barranin

Question

B'referenza għall-informazzjoni dwar in-numru ta' persuni barranin li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, jista' l-Ministru jgħid lokal b'lokal, fejn kienu joqogħdu f'Malta l-barranin li qegħdin fil-faċilità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant
Leg 11 PQ #20471 Sitting 270 2010-11-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEUSAC — għajnuna lill-għaqdiet mhux governattivi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20205, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema, s'issa, kienu l-għaqdiet mhux governattivi li ngħataw għajnuna mill-MEUSAC biex jimlew applikazzjonijiet ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea? Kif jistgħu dawn l-għaqdiet mhux governattivi jingħataw tali għajnuna fil-mili ta' applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-istrateġija tal-MEUSAC hija li tgħin lill-Għaqdiet mhux Governattivi kif ukoll lill-Kunsilli Lokali jisfruttaw u jibbenefikaw bl-aħjar mod possibbli mill-opportunitajiet ta’ fondi li toffri l-Unjoni Ewropea. Din l-għajnuna qed isseħħ billi: · Jiġu organizzati laqgħat individwali ma’ l-entitajiet interessati sabiex jiġu diskussi u identifikati programmi ta’ fondi addattati għall-proġetti li l-organizzazzjoni kkonċernata tixtieq timplementa. Fis-sentejn illi ilu mwaqqaf il- Funding Unit fi ħdan il-MEUSAC, saru laqgħat ma’ 149 għaqda mhux governattivi · Tiġi pprovduta wkoll assistenza fil-mili tal-applikazzjonijiet għall-fondi mill-UE, sabiex dawn l-entitajiet jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal proġetti ffinanzjati mill-UE. Sa issa ingħatat għajnuna teknika lill 68 għaqda mhux governattivi u l-ammont ta’ fondi li dawn ħadu mill-UE laħaq il €2,917,117. Minħabba n-natura kunfidenzjali ta’ din l-għajnuna li l-MEUSAC tagħti lill-għaqdiet mhux governattivi, l-MEUSAC ma jistax jiżvela l-ismijiet ta’ dawn l-għaqdiet ħlief bil-kunsens tagħhom, pero’ jien infurmat li kull organizzazzjoni li ressqet u talbet għajnuna f’dan is-sens, ma ġietx rifjutata.

San Pawl il-Baħar — sistema tad-drenaġġ fi Triq Għar Berbaħ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq Għar Berbaħ, San Pawl il-Baħar jitqiegħdu l-mains tad-drenaġġ billi parti sostanzjali tat-triq hi issa abitata, iżda għad m'hemmx sistema tad-drenaġġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mains tad-drenaġġ fi Triq Għar Berbaħ San Pawl il-Baħar jistgħu jitqiegħdu meta tiġi iffurmata il-kumplament ta’ Triq Simar biex id-drenaġġ ikun jista’ jaqleb lejn Triq ir-Ridott.

Xemxija — qtugħ ta' dawl fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x'qed iwassal biex id-dawl fit-toroq (street lighting) fl-inħawi tax-Xemxija jinqata' b'mod regolari, probabilment minħabba xi ħsarat li hemm fis-sistema tal-elettriku fl-inħawi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-qtugħ tad-dawl fit-toroq fl-inħawi tax-Xemxija ġie kkaġunat minħabba li kien hemm ‘loose connection’ fil-conductor tal-istreet lighting fejn dan ġie msewwi minnufih.
Leg 11 PQ #20653 Sitting 270 2010-11-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fort Campbell — restawr

Question

Jista' l-Prim Ministru jinvestiga jekk hux possibli li dak li darba kien Fort Campbell fl-inħawi ta' Selmun jiġi restawrat billi dan tfarrak u nsteraq matul l-aħħar snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa f’waqtu li l-Forti Campbell tkun valorizzata ferm aħjar. Hemm ħafna xogħol ta’ restawr x’irid isir f’din il-fortizza. Fl-istess ħin hemm ukoll il-potenzjal illi l-fortizza tintuża għal skopijiet tajbin, u ma tibqax fl-istat ta’ abbandun li tinsab fiha. Qiegħed ngħaddi s-suġġeriment ta’ l-Onor Interpellant lill-Entitajiet konċernati.

informazzjoni dwar smart meters

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' smart meters ġodda (stallazzjonijiet ġodda) li twaħħlu s'issa? Kemm hu n-numru ta' smart meters li twaħħlu biex jinbidlu meters li kienu eżistenti?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20446.

San Pawl il-Baħar — tqegħid ta' gradilji fuq il-culverts fil-bypass

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jerġgħu jitqiegħdu f'posthom numru ta' gradilji tal-ħadid li kienu jgħattu l-culvert matul il-bypass ta' San Pawl il-Baħar (f'partijiet biss minnha) li nsterqu, billi dan qed jikkawża problemi għall-bdiewa li jridu jidħlu fl-għelieqi tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-gradilji msemmija fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar qegħdin effettivament jinħadmu sabiex jiġu stallati fuq il-post.

twaħħil ta' arloġġi għall-kejl ta' ilma

Question

B'referenza għat-twaħħil ta' arloġġi (meters) għall-kejl tal-użu tal-ilma minn bdiewa u persuni oħra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm twaħħlu s'issa arloġġi simili?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li s’ issa twaħħlu 84 arloġġ fuq boreholes kummerċjali. Rigward il-bdiewa, bhalissa qed tinġabar l-informazzjoni fuq dawk il-bdiewa li se jiġu eliġġibli għal-arloġġ b’xejn. Sat-22 t’Ottubru kien hemm 2688 bidwi li taw l-informazzjoni mitluba. Malli din l-informazzjoni tkun proċessata jibda x-xogħol ta’ istalazzjoni tal-meters.

Dwal fl-inħawi taċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru permezz ta' Transport Malta, tikkordina mal-Korporazzjoni Enemalta, jew ma min jista' jkun responsabbli biex id-dawl li hemm fl-inħawi taċ-Ċirkewwa, fejn jidħol il-vapur ta' Għawdex, kemm fuq il-moll innifsu kif ukoll fil-madwar, jinxtegħel kollu u dan fl-interess ta' dawk kollha li jiffrekwentaw u jużaw dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-dawl fl-inħawi tal-port taċ-Ċirkewwa se jiġi indirizzat b'mod permanenti bħala parti mil-proġett tat-terminal il-ġdid. Fil-fatt, f'dan ir-rigward, dalwaqt se jiġi ppublikat t-tender għal xogħlijiet tal-elettriku u mekkanika. Fil-frattemp, Transport Malta qed tagħmel arranġamenti temporanji biex jitjieb id-dawl fil-port.

policies dwar speed cameras

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta waslitx għal xi konklużjoni dwar il-policies li għandhom jiġu applikati meta tkun qiegħda ssir konsiderazzjoni dwar twaħħil ta' speed cameras madwar Malta? Kemm kienu u liema kienu t-talbiet għal speed cameras li għalkemm kienu diġà approvati minn Transport Malta jew mill-Awtorità dwar it-Trasport, baqgħu ma twaħħlux?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-policy li tistabilixxi l-proċeduri dwar l-istallazzjoni ta’ speed cameras se tiġi ppublikata bħala dokument għall-aħħar tas-sena 2010. Hemm ħames talbiet oħra għat-twaħħil ta’ speed cameras li se jerġgħu jiġu eżaminati fl-isfond ta’ l-iSpeed Policy il-ġdida li qed tiġi mħejjija minn Transport Malta. Dawn it-talbiet huma għat-twaħħil ta’ speed cameras fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, fi Triq il-Kosta (limiti tan-Naxxar), fi Triq l-Imġarr (Għajnsielem, Għawdex), fi Triq Għajn Tuffieħa (Mġarr, Malta) u fi Triq il-Mosta (Mġarr, Malta).

Breakwater — tiswijiet neċessarji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20195, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-istudji li hemm referenza għalihom fit-tweġiba? Billi l-ħsara li tidher li hemm taħt il-wiċċ il-baħar tista' twassal biex dan il-breakwater jitkisser, b'konsegwenzi kbar fuq l-inħawi nvoluti, jista' l-Ministru jara li t-tiswijiet neċessarji jsiru fl-iqsar żmien possibli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-istudji in kwistjoni saru bejn l-2006 u l-2007. Peress li l-Onor. Interpellant qed jgħid li l-"ħsara li tidher li hemm taħt wiċċ il-baħar tista' twassal biex dan il-breakwater jitkisser" nitolbu jgħaddi kwalunkwe informazzjoni li għandu lil Transport Malta sabiex din teħodha in konsiderazzjoni fil-pjanijiet għat-tiswija.

Prodotti miġbura

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20194, jista' l-Ministru jara l-prodott li jkun evidenti li minħabba xi regolamenti ma jistax jibqa' espost għall-bejgħ, tali prodott jinġabar mal-ewwel biex jiġi evitat li wara jkun hemm ħtieġa ta' passi (ukoll dawk legali) fil-konfront ta' min ikun rema' l-prodott (ukoll jekk dan ikollu rċevuti ta' xiri ta' tali prodotti minn dipartiment/awtorità oħra tal-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nerġa’ nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposti tal-Mistoqsijiet Parlamentari numru 19978, 19979 u 20194, u nerġa’ ninforma li prodott li jkun ġie ssiġillat minn uffiċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jinġabar biss meta ma tinstabx koperazzjoni mill-persuna jew persuni responsabbli għall-bejgħ ta’ tali prodotti u dan skont proċeduri nterni segwiti mill-istess Direttorat u dan dejjem b’konsiderazzjoni tal-Att tal-2002 dwar Is-Sigurtà fl-Ikel. Rigward ir-referenza li l-Onor. Interpellant qiegħed jagħmel dwar li xi prodotti jistgħu jkunu nxtraw minn xi dipartiment u/jew awtorità oħra tal-Gvern, nerġa' ninforma li r-responsabbilità hija ta’ min ikun xtara u eventwalment joffri għall-bejgħ il-prodott li jara li tali prodott jkun konformi mal-Liġi u l-fatt li prodott jista' jkun inxtara minn xi dipartiment u/jew awtorità oħra tal-Gvern ma teżentax lil persuna/persuni minn din ir-responsabbilità. Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għal xi każ partikolari, jkun aktar opportun li jindika għal-liema każ huwa b’nota kunfidenzjali.

operat ta' marinas

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20228, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi waħda mill-marinas temporanji indikati fit-tweġiba li fil-fatt tħaddmet matul is-sajf li għadda? Fil-każ li ġew operati, liema mill-marinas ġew operati?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19984, li ċioe l-operaturi tal-marina temporanja fil-Kalkara għadhom qed jistennew il-permessi neċessarji mill-MEPA għal pontoons. Madanakollu, numru limitat ta’ yachts ġew akkomodati fuq irmiġġi stern to quay matul is-sajf.

Bdiewa — aktar ammont ta' arloġġi għal spieri

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar jekk hux se jkun permess li f'dawk l-inħawi fejn spieri jintużaw minn diversi bdiewa dawn ikunu jista' jkollhom l-arloġġ (meter) tagħhom, għaliex mhux dejjem faċli jintuża l-istess arloġġ mill-bdiewa kollha li jużaw dik l-ispiera partikolari?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ser jitwaħħal arloġġ prinċipali mas-sors u imbagħad jekk il-persuni nvoluti jkunu jridu jistgħu jitwaħħlu submeters mal-pajpijiet tagħhom. Nirreferi l-Onor. Interpellant ukoll għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 20158.