Billi f'sezzjoni tal-media kien irrapurtat li nstabet persuna mejta f'għadira demm, fi Triq it-Tamar, San Pawl il-Baħar (Qawra) iżda mbgħad ma nstema' xejn aktar dwar dan il-każ, jista' l-Ministru jikkonferma jew le li fil-fatt f'dawn il-jiem instabet persuna mejta fil-kundizzjoni indikata fir-rapport? Jekk iva, x'investigazzjonijiet saru? Jekk le, jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt ir-rapport in kwistjoni kienx investigat jew le?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-każ ta' persuna li nstabet mejta fl-appartament tagħha fi Triq it-Tamar, San Pawl il-Baħar nhar il-Ħadd 31 ta' Ottubru 2010, qed ikun investigat skont il-liġi kif ukoll għadejja nkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li jiffurmaw parti mill-programm Ten Ts u li b'xi mod qegħdin jistennew il-permess neċessarji tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabel ikunu jistgħu jinbdew? Meta saru l-applikazzjonijiet relatati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-toroq li jagħmlu parti mit- TEN-T li bħalissa qed jistennew il-permess tal-MEPA huma:
- Il-proġett tal-
junction
tal-Kappara. L-applikazzjoni PA4917/09 ġiet sottomessa fis-6 ta’ Novembru 2009.
- Il-proġett tal-
Coast Road
tas-Salini. L-applikazzjoni PA3883/08 ġiet sottomessa fil-5 ta’ Awissu 2008 u l-applikazzjoni PA3758/09 ġiet sottomessa fil-21 ta’ Awissu 2009.
- Il-proġett tat-Triq tal-Għadira. L-applikazzjonijiet 330, 331 & 332/09 ġew sottomessi fid- 29 ta’ Jannar 2009 u l-applikazzjoni 1023/09 ġiet sottomessa fis-16 ta’ Marzu 2009.
Jista' l-Ministru jintervjeni biex il-pjanti li jinxtraw mil-Land Registry Department ma jibqgħux ikunu dawk li ilhom snin sħaħ ma jiġu updated u dan bil-konsegwenza li l-persuni li jridu jużawhom (u llum qed jintużaw għal diversi raġunijiet fosthom banek u suċċessjoni) jistgħu jingħataw informazzjoni mhux korretta jew jidħlu fi spejjeż żejda biex ikunu jistgħu jinqdew b'dawn il-pjanti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-pjanti li jinxtraw mir-Registru tal-Artijiet huma prezentement ibbazati fuq verzjoni tal-basemap qadima.
Fir-rigward tal-basemap aġġornata tal-Gżejjer Maltin, ninsab infrumat illi, in konformita` mal-ftehim li sar dan is-Sajf bejn ir-Reġistru tal-Artijiet u l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sabiex din tal-aħħar tgħaddi l-basemap aġġornata tagħha lir-Reġistru bla ħlas u mingħajr dewmien, il-MEPA għaddiet diska kompatta lir-Reġistru li għandha fiha l-basemap aġġornata fil-15 ta’ Ottubru 2010. Bħalissa il-MITA qed taħdem sabiex isir l-istħarriġ (testing) neċessarju sabiex din il-basemap aġġornata tibda tintuża mill-ħaddiema u l-klijenti tar-Reġistru mill-aktar fis. Dan l-istħarriġ għandu jdum bejn wieħed u ieħor tlett ġimgħat. Jekk ma jinqalgħux problemi dwar din il-fażi, huwa mistenni li l-basemap il-ġdida tkun f’postha lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Sadanittant pero`, ta’ min wieħed jgħid li min irid jirreġistra propjeta` llum, xorta jista jagħmel dan billi il-perimetru tal- propjeta xorta jista` jiġi indikat fuq ir-Reġistru elettroniku preżenti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet mressqa quddiem l-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta minn internet services providers biex din tinvestiga lmenti fil-konfront tal-kumpanija, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, matul l-aħħar tnax-il xahar? Kemm il-każ ġie deċiż matul dan il-perjodu? X'kien l-eżitu ta' dawn l-investigazzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li matul il-perjodu ottubru 2009 sa ottubru 2010 ma kien hemm l-ebda ilment ossia dispute minn internet service provider kontra il-kumpanija li rrefera għaliha l-Onor Interpellant.
Talbiet għal devoluzzjoni ta' proprjetà li ġew rifjutati
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20024, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il talba saret minn kunsilli lokali għad-devoluzzjoni ta' proprjetà u din ġiet rifjutata matul l-aħħar sena sal-aħħar ta' Settembru 2010? Liema u fejn kienu dawn it-talbiet li ġew rifjutati? Kemm-il talba għad-devoluzzjoni ta' proprjetà minn kunsilli lokali għadha pendenti? Minn liema kunsilli saru dawn it-talbiet li għadhom pendenti, u meta saru t-talbiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20458, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-ħames cameras indikati fir-risposta kienu diġà approvati minn Transport Malta qabel? Fil-każ fejn kien hemm diġà approvazzjoni, jista' jagħti tagħrif dwar meta kienu approvati dawn il-cameras? Fil-każ partikolari tal-camera fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, jista' jagħti tagħrif dwar x'wassal biex l-istallazzjoni tagħha tieqaf ukoll wara li kien diġà sar parti sostanzjali mix-xogħol relatat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ispeed cameras li kienu diġà approvati minn Transport Malta huma fil-Bypass ta' San Pawl il-Baħar, fi Triq l-Imġarr Għawdex u fi Triq il-Kosta (limiti tan-Naxxar) u dawn kollha ġew approvati fis-17 ta' Diċembru 2008. L-istallazzjoni ta' l-ispeed camera ta' San Pawl il-Baħar twaqqfet sabiex it-talba terġa' tiġi eżaminata fl-isfond ta' l-Ispeed Policy il-ġdida li ġiet imħejjija minn Transport Malta.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20459, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt minn dan ir-rapport li għamel referenza għalih fir-risposta jirriżultax li f'partijiet mill-breakwater hemm partijiet fejn għaddas jista' jgħaddi min-naħa ta' barra għan-naħa ta' ġewwa tal-breakwater billi jgħaddi minn toqob tal-istess breakwater? Jista' jagħti tagħrif ukoll dwar xi ħsarat saru matul is-snin fit-tarf ta' barra tal-istess breakwater?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-rapport li għamilt referenza għalih fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20459 ma jindikax li f'partijiet mill-breakwater hemm partijiet fejn għaddas jista' jgħaddi min-naħa ta' barra għan-naħa ta' ġewwa tal-breakwater billi jgħaddi minn toqob tal-istess breakwater. Ir-rapport jindika li hemm partijiet taħt il-baħar fejn hemm scouring u erosion tal-concrete b'mod partikolari fuq in-naħa ta' barra.
Jista' l-Ministru jara li b'mod partikolari għal dawk il-vjaġġi li jsiru bil-vapur Malita, f'dawk l-okkazzjonijiet meta tant ikun hemm vetturi li l-vapur jgħabbi ukoll fuq il-livell ta' fuq waqt il-vjaġġi bejn Malta u Għawdex u viċi-versa it-tgħabija tal-vetturi ma tibqax issir b'tali mod li min kien l-ewwel fil-kju jispiċċa biex joħroġ minn tal-aħħar minn fuq l-istess vapur?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
skejjel biex tingħata l-liċenzja tas-sewqan ta' ajruplani
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' skejjel stabbiliti f'Malta li jgħallmu persuni biex jakkwistaw il-liċenzja tas-sewqan ta' ajruplani, kemm dawk li huma liċenzji privati u anke dawk li huma liċenzji kummerċjali, separatament? Kemm minn dawn l-iskejjel huma ta' sidien barranin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li f'Malta għandna tliet skejjel li jgħallmu persuni biex jakkwistaw il-liċenzja privata tas-sewqan ta' ajruplani filwaqt li għandna skola waħda li tipprovdi teorija għall-liċenzja kummerċjali.
Waħda mill-iskejjel li jgħallmu persuni biex jakkwistaw il-liċenzja privata tas-sewqan ta' ajuplani għandha ishma b'maġġoranza barranija.
Jista' l-Ministru, flimkien mal-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni Enemalta jikkonsidra l-ħidma neċessarja biex l-istreet lighting li hemm fl-inħawi taċ-Ċirkewwa jinxtegħlu għaliex nurmu ta' bozoz li hemm fl-inħawi qed ikunu miftija? Meta saret l-aħħar manutenzjoni fid-dawl ta' dawn l-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru 20457, nitolbu jindikali eżatt fejn jinsabu dawn il-bozoz biex jekk dawn jaqgħu taħt ir-responsabilta tal-Ministeru tiegħi nara li tittieħed l-azzjoni li jkun hemm bżonn.
Billi s-siġar li hemm matul it-triq li tieħu minn ħdejn Kennedy Grove għall-Qawra (Qawra Road) illum sar fihom daqs sodisfaċenti biex jiġu mżejna għaż-żmien tal-Milied, jista' l-Ministru jieħu l-inkarigu li għal dan il-Milied dawn l-istess siġar jiġu mżejna bid-dwal kif jiġri f'numru ta' siġar oħra madwar Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant taqa taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali u għaldaqstant nissuġerilu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Il-Ministeru tiegħi mhux normail li jagħmel xogħol bħal dan.
Billi numru ta' sinjali tat-traffiku li hemm fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar spiċċaw imdawrin bil-maqlub ta' kif suppost ikunu u numru ieħor minnhom tilfu l-kulur tagħhom, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn it-tabelli jiġu rranġati jew mibdula skont kif inhu meħtieġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dawn it-tabelli ġew rraportati u saret talba għal kwotazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet. Dan ix-xogħol mistenni jinbeda wara li ssir l-aġġudikazzjoni meħtieġa
Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta — ilmenti dwar l-antennae
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet ta' investigazzjonijiet li għamlet l-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta dwar ilmenti li saru lilha dwar l-antennae tal-komunikazzjonijiet tal-mobile telephony f'Malta u f'Għawdex matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? F'liema lokalitajiet kienu l-antennae li dwarhom saru l-ilmenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta' Settembru 2010, l-Awtorita' tal-Komunikazzjoni investigat erbgħa u tletin (34) ilment li saru lilha dwar l-antennae tal-komunikazzjoni tal-mobile telephony. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn il-lokalitajiet.
Transport Malta — tender għal xogħol ta' bankina f'Burmarrad
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-bankina fit-triq prinċipali ta' Burmarrad, li xi żmien ilu kellha toħroġ tender biex il-bankina ssir minn Transport Malta? Kemm hu mistenni li tqum din il-bankina?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tender għaddej mill-proċess tal-aġġudikazzjoni skont il-proċeduri. Ix-xogħol jinbeda wara li jitlesta l-proċess neċessarju kollu. Ix-xogħol imsemmi huwa stmat li jammonta għal €19,500.
Jista' l-Ministru, flimkien mal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u mal-Prim Ministru jara li l-informazzjoni li għandha l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-artijiet tgħaddi kemm jista' jkun malajr għand il-Land Registry biex il-persuni li jużaw dawn il-pjanti u l-professjonisti li jridu jagħtu l-pariri tagħhom jitħaffilhom ix-xogħol u jkunu iktar korretti fl-informazzjoni li jagħtu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara għal-liema informazzjoni li għandha l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet matul l-2010, li fihom l-Health and Safety Authority talbet li jitneħħew mis-suq prodotti lokali jew mixtrija minn barra? Liema kienu l-prodotti li tneħħew mis-suq, minn liema pajjiż kienu ġejjin u f'liema perjodu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika t-tip ta’ prodotti li qed jirreferi għalihom fil-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' trabi li twieldu fl-isptarijiet Maltin matul din is-sena, sa Settembru? Kemm minn dawn it-trabi twieldu lil ommijiet single? Kemm kien in-numru ta' tali ommijiet minn kull lokalità?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Billi qed jingħad li wara l-ftuħ tas-suq tal-bdiewa f'Ta' Qali hemm iċ-ċans li jinfetħu swieq oħra simili, jista' l-Ministru jagħti konsiderazzjoni għall-possibilità li wieħed minn dawn is-swieq jinfetaħ f'Burmarrad? Meta hu mistenni li jinfetħu dawn is-swieq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dan il-lokal se jkun ikkunsidrat għall-espansjoni ulterjuri minn dak diġà indikat s’issa.
Jista' l-Prim Ministru, permezz tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jinvestiga li dak li kien Fort Campbell f'Selmun (għaliex minnu insterqu ħafna affarijiet) jiġi restawrat u użat għal xi skop nazzjonali? X'informazzjoni għandha l-Awtorità dwar dan il-forti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20653.
Diskorsi li saru fil-Parlament rappurati lill-Kummissjaru tal-Pulizija
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet rappurtati lill-Kummissjaru tal-Pulizija bejn Jannar 2007 u Settembru 2010, minn Ministri/Deputati Parlamentari dwar diskorsi li saru fil-Parlament li l-istess kummissajru investiga? X'kien l-eżitu ta' dawn l-investigazzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statitistika dwar it-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Però jekk l-Onorevoli Interpellant jindika xi każ partikolari, inkun nista' nitlob li jingħatali t-tagħrif.