Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #21140 Sitting 280 2010-11-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEUSAC — laqgħat formali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-MEUSAC tistax tikkoordina laqgħa/laqgħat formali għall-kategoriji differenti ta' għaqdiet sportivi biex jiġu spjegati lilhom il-possibilitajiet differenti ta' għajnuna li dawn l-għaqdiet jistgħu jakkwistaw permezz ta' skemi apposta u b'mod partikolari jekk hemmx skemi għall-iżviluppi infrastrutturali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-MEUSAC jorganizza laqgħat ma’ kull entità li hi interessata li jkollha tagħrif dwar il-possibilitajiet differenti ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea għajnuna li dawn l-għaqdiet jistgħu japplikaw għalihom. Seminars u laqgħat siili għal kategoriji partikolari jiġu organizzati mill-MEUSAC skont is-sejħat li jiru mill-UE jew mill- Managing Authorities li jamministraw il-fondi tal-UE f’Malta. Jista’ jkun il-każ li laqgħat ta’ informazzjoni jiġu organizzati mill-entitajiet responsabbli bħal managing authorities jew national contact points . Għalhekk qed ngħaddi dan is-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant lill-MEUSAC biex meta joħorġu sejħat għal skemi apposta għal kategoriji differenti ta’ għaqdiet sportive kif qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, jara huwiex il-każ li jsiru laqgħat għal dawn il-kategoriji flimkien mal-entitajiet responsabbli.

limiti taċ-Ċumnija fil-Mellieħa — ammont ta' drenaġġ

Question

JIsta' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-ammont ta' drenaġġ li bħalissa qed jasal fl-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ fil-limiti taċ-Ċumnija fil-Mellieħa? Kemm minn dan l-ammont ta' drenaġġ qed jissaffa f'dan l-impjant u kemm qed jerġa' jintuża wara li jkun imsaffi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ fil-limiti tal-Mellieħa fiċ-Ċumnija jittratta il-medja ta’ 2.97 miljun metri kubi ta’ drenaġġ fis-sena. Dan l-ilma bħalissa mhuwiex qed jintuża wara li jkun msaffi minħabba li l-kwalità mhix tajba biżżejjed biex jerġa jintuża. Għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bħalissa qiegħda taħdem fuq proġett u pjan sabiex dan l-ilma ittrattat jiġi utilizzat.

scholarships mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi scholarship partikolari pprovduti minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għal żgħażagħ Maltin li jkunu jridu jistudjaw xi qasam partikolari li preżentament mhux offrut fl-Università ta' Malta? Jekk iva, f'liema oqsma huma offruti dawn l-ischolarships?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li boroż ta' studju jiġu offruti minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea f'livell post graduate f'dixxiplini mhux offruti fl-Università ta' Malta. L-applikant jindika il-qasam li jrid jispeċċjaliżża fih u wara issirlu intervista mill-ambaxxata tal-pajjiż konċernat biex issir l-għażla.

Maltin/barranin li studjaw u gradwaw fil-MEDAC

Question

Jista' l-Viċi Prim Munistru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar in-numru ta' Maltin/barranin li studjaw u gradwaw fil-MEDAC matul dawn l-aħħar ħames snin? X'tip ta' kwalifiki akkwistaw dawk li ggradwaw minn din l-istituzzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dawn l-aħħar ħames snin il-Ministeru tiegħi sponsorja erba' studenti Maltin biex jistudjaw fil-MEDAC u tlieta ggradwaw Master fid-Diplomazija (M.Dip). Ir-raba student għadu qiegħed jistudja. In-numru ta' studenti Maltin u barranin li ggradwaw f'dawn l-aħħar ħames snin hu ta' 162 fil-Masters u 56 Diploma.

San Pawl il-Baħar — pumping stations tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20658, billi f'dik il-mistoqsija ngħatat risposta li f'San Pawl il-Baħar hemm għaxar pumping stations tad-drenaġġ u ntqal ukoll li l-kapaċità massima tas-sistema tad-drenaġġ f'San Pawl il-Baħar hi ta' 300 litru fis-sekonda, jista' l-Ministru jispjega jekk il-pompi kollha msemmija fir-risposta għandhomx il-kapaċità li fil-fatt jippumpjaw dan l-ammont ta' drenaġġ u dan b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-pompa tal-Pwales?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-pompi msemmija fir-risposti tal-mistoqsija parlamentari 20658 għandhom kapaċità skont l-area minn fejn jinġabar id-drenaġġ li jwassal sa dik il-pumping station. Il-pompa tal-Pwales li tiġbor id-drenaġġ kollu ta’ San Pawl il-Baħar u tippumpjah lejn Għajn Żnuber għandha kapaċità massima ta’ 300l/sekonda.

San Pawl il-Baħar — Mosta Road - pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20789 li saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u jassigura li dwal bħalma huma l-pelican lights li hemm fit-triq li minn Burmarrad twassal sax-Xemxija li f'wieħed mid-dwal li hemm jitkissru b'mod regolari, it-tiswija ssir fi żmien qasir minħabba l-periklu għal dawk li jkunu qed jaqsmu f'dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġbidt l-attenzjoni ta' Transport Malta dwar dan.
Leg 11 PQ #21134 Sitting 279 2010-11-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Industrial Estate tal-Ħandaq — xogħlijiet meħtieġa fuq triq li tagħti għal Ħal Qormi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20788 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jieħu l-passi neċessarji biex issir il-kordinazzjoni meħtieġa ħalli x-xogħol meħtieġ f'din it-triq li jservi biex tgħaqqad l-Industrial Estate tal-Ħandaq mat-toroq prinċipali ta' Ħal Qormi tiġi msewwija kif suppost minħabba l-ħsarat estensivi li saru fil-wiċċ tat-triq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nieħu nota tas-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant u ser nitlob lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali sabiex jgħadduh lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.

Scholarships lill-istudenti tal-mediċina

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-gvern hux se jkun qed jagħti scholarships partikolari lill-istudenti tal-mediċina biex ikunu jistgħu jispeċjalizzaw f'oqsma partikolari tas-saħħa? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk il-gvern identifikax jew hux qed jipprova jidentifika oqsma parikulari tas-saħħa li fihom huma meħtieġa speċjalizzazjoni bħalissa u matul is-snin li ġejjin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li permezz tal-ftehim kollettiv bejn il-Gvern u l-MAM tal-2007 tqiegħdet il-bażi għall-programmi organizzati ta’ taħriġ post-graduate fil-mediċina. Fil-livell ta’ Basic Specialist Trainee (BST) t-taħriġ isir kollu lokalment, b’żieda ta’ xi korsijiet qosra li jsiru barra minn Malta f’xi speċjalitajiet. F’dawn il-każijiet l-BST jingħata study leave bi ħlas u sabiex itaffi l-ispejjeż l-BST jista’ juża parti mill-fondi li jingħata bħala specialisation allowance (Ħlas għas-sena 2010: BST 1 - €2,329.00 u BST 2 - €3,727.00) kif ukoll is- Continuous Medical Education (CME) Allowance (€1,164.69 fis-sena). Fil-livell ta’ Higher Specialist Trainee(HST) hemm provedimenti differenti għal speċjalitajiet differenti. Il-ħatra ta’ HST tipprovdi sabiex isir taħriġ barra minn Malta. Meta HST imur barra minn Malta bħala HST b’salarju mħallas minn barra, l-HST jingħata study leave bla ħlas minn Malta sakemm itemm it-taħriġ meħtieġ. Meta HST imur barra minn Malta bħala HST mingħajr salarju mħallas minn barra, HST jingħata study leave bi ħlas li jkun ekwivalenti għas-salarju bażiku. Meta HST ikun meħtieġ jitħarreġ f’xi qasam speċifiku jingħata scholarship bir-regoli tal-Staff Development Organisation tal-Offiċċju tal-Prim Ministru wara sejħa tal-applikazzjonijiet. Dan sar riċentament fi speċjalitajiet tal-kirurġija. Barra minn dan għal korsijiet qosra li jridu jsiru barra minn Malta f’xi speċjalitajiet, l-HST jingħata study leave bi ħlas u sabiex itaffi l-ispejjeż l-HST jista’ juża parti mill-fondi li jingħata bħala specialisation allowance (€4,426.00 għas-sena 2010) kif ukoll is- CME Allowance (€1,164.69 fis-sena).

Persuni li ntbagħtu barra minn Malta għall-kura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, n-numru ta' Maltin li ntbagħtu barra minn Malta biex ikunu jistgħu jingħataw il-kura meħtieġa u li ma tingħatax Malta? F'liema pajjiżi ntbagħtu l-pazjenti Maltin għall-kura?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, n-numru ta' Maltin li ntbagħtu barra minn Malta biex ikunu jistgħu jingħataw il-kura meħtieġa u li ma tingħatax Malta kien ta’ 246. Dawn kollha ntbaghtu gewwa l-Ingilterra.

Ċittadini Maltin li qed jiskontaw sentenza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar jekk bħalissa hemmx ċittadini Maltin (li bihom jaf il-Ministeru) li qegħdin jiskontaw sentenza ta' ħabs barra minn Malta? Fil-każ affermattiv, jista' jagħti tagħrif dwar f'liema pajjiżi jinsabu l-Maltin li qegħdin f'dawn iċ-ċirkostanzi? Jista' jgħid jekk il-Ministeru jikkunsidrax (jew ġiex ikkunsidrat diġà) il-possibilità li dawn il-Maltin jinġiebu Malta biex jiskuntaw is-sentenza tagħhom, fejn dan hu possibli (ukoll bil-liġijiet ta' fejn dawn il-Maltin jinsabu bħalissa)?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm sitta u erbgħin persuna ta' nazzjonalita' Maltija li jinsabu jiskontaw sentenza ta' ħabs, jew jistennew proċeduri kriminali kontra tagħhom barra minn Malta. Dawn jinsabu f'dawn il-pajjiżi li ġejjin: Awstralja 21* Emirati Għarab Maqgħuda 1 Italja 8 Kanada 1 Olanda 1 Renju Unit 3 Spanja 3 Stati Uniti 1 Tajlandja 1 Tuneżija 4 Brażil 2 *Il-Maltin li jinsabu jiskontaw il-piena jew qegħdin taħt arrest huma kollha residenti l-Awstralja. Ma saru l-ebda talbiet jew ġew ikkunsidrati possibilitajiet li dawn il-Maltin jinġiebu Malta biex jiskuntaw is-sentenza tagħhom.

Importazzjoni ta' prodotti agrikoli u laħam

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-dwana żżommx informazzjoni dwar prodotti agrikoli, inkluż laħam li jiddaħħal fis-suq lokali? Jekk iva, kemm jirriżulta li ġie dikjarat laħam tal-majjal/tiġieġ fis-suq lokali, matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Minimum internal height

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux maħsub li l-mininum internal height tal-bini li llum jispeċifika minimu ta' 2.75 metri, jitnaqqas billi bosta bini li jinbena fuq għaxar filati ma jistax jilħaq dan l-għoli, iktar u aktar meta wieħed iqis li hemm pajjiżi fejn dan l-għoli hu ta' 2.1metri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #21079 Sitting 278 2010-11-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li qed jitħarrġu biex isiru pulizija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li bħalissa qed jagħmlu taħriġ biex isiru pulizija? Minn liema lokalitajiet huma dawk li qed jagħmlu dan it-taħriġ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 85 rekluta minn diversi lokalitajiet, li qed isegwu kors ta' taħriġ għall-kuntistabbli fl-Akkademja tal-Pulizija.
Leg 11 PQ #21080 Sitting 278 2010-11-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — taħriġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li bħalissa qed jagħmlu taħriġ biex ikunu jistgħu jidħlu fil-Forzi Armati ta' Malta? Meta hu mistenni li jerġa' jiddaħħal grupp ieħor kadetti biex eventwalment jidħlu jaħdmu fil-Forzi Armati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bħalissa qed isiru l-aħħar testijiet mediċi sabiex sal-aħħar tas-sena jidħlu erbgħin rekluta ġdid mal-Forzi Armati ta’ Malta. Fir-rigward tal-Uffiċjali Kadetti irrid ninforma lill-Onorevoli Interpellant li grupp ta’ kadetti bdew is-sena taħriġ tagħhom fis-26 ta’ Lulju ta’ din is-sena. Sejħa oħra għal aktar Uffiċjali Kadetti hi mistennija li tiġi ppublikata fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.
Leg 11 PQ #21081 Sitting 278 2010-11-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Studenti Għawdxin li jistudjaw fl-Università ta' Malta

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm jirriżulta li kien in-numru ta' studenti Għawdxin li bħalissa qed jattendu xi kors fl-Università ta' Malta? Kemm hu n-numru ta' studenti Għawdxin li jattendu xi kors fl-Università t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Border Inspection Point — majjal u tiġieġ importati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet li waqt il-border inspections, fil-border inspection point irriżulta li kien qed jiddaħħal laħam tal-majjal/tiġieġ fis-suq lokali, matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Kemm kien l-ammont ta' laħam li nstab f'dawn l-inspections?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Bħalma diġa ntqal fit-tweġiba tal-mistoqsija numru 20787 l-BIP jeżamina kull konsenja li tkun dieħla Malta minn pajjiżi terzi. Għaldaqstant l-ammont ta’ laħam li nstab huwa dak li wieħed issib fl-istatistika uffiċjali miġbura mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Leg 11 PQ #21009 Sitting 277 2010-11-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Karozza involuta f'inċident tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija kellhiex xi rapport li l-vettura, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tinsab fi Triq il-Pijunieri San Pawl il-Baħar, kienet imdaħħla f'xi forma ta' inċident tat-traffiku u din tħalliet fil-post imkissra? X'passi normalment jittieħdu minn l-istess pulizija f'ċirkostanza bħal dawn?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport li l-vettura msemmija kienet involuta f’xi inċident. Infurmat ukoll illi l-Pulizija kienet osservat din il-vettura bi ħsarat fuq bankina u peress li din kienet tidher li kienet vettura abbandunata, il-Pulizija pproċediet sabiex issegwi l-proċedura stabbilita fir-Regolamenti tat-Traffiku dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta’ Oġġetti ta’ Ingombru. Għaldaqstant din l-istess vettura issa ġiet imneħħija.
Leg 11 PQ #21010 Sitting 277 2010-11-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

San Pawl il-Baħar — tneħħija ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' vetturi li tneħħew mit-toroq ta' San Pawl il-Baħar (lokalità sħiħa) matul l-aħħar tnax-il xahar sa Settembru 2010? X'tip ta' ċirkostanzi jippermettu lill-pulizija li jkunu jistgħu jneħħu dawn il-vetturi mit-toroq, billi b'mod ripetut ikun hemm persuni li ma jafux x'inhi l-proċedura u jsibuha faċli ħafna biex iwaħħlu fil-kunsill lokali talli tali vetturi ma jkunux tneħħew?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-aħħar tnax-il xahar il-Pulizija neħħiet 22 vettura minn diversi toroq f’San Pawl il-Baħar. Kif diġà spjegajt fil-mistoqsija preċedenti t-tneħħija ta’ vetturi abbandunati huwa regolat bir-Regolamenti dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta’ Oġġetti ta’ Ingombru fir-Regolamenti tat-Traffiku u ċioe l-Avviż Legali numru 94 ta’ l-1997 kif sussegwement emendat. Skont ir-regolament 8 A ta’ dawn l-istess regolamenti, kemm il-Kummissarju tal-Pulizija, kif ukoll il-kunsill lokali għandhom l-istess poteri għat-tneħħija ta’ vettura abbandunata.

Awtorità tad-Djar — flats skont il-liġi tal-Kondominju

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' flats (blokk ta' flats) li fil-fatt l-Awtorità tad-Djar hi infurmata li għandhom kuntratt tal-kondominju skont il-Liġi tal-Kondominju? Kemm minn dawn il-blokki li l-Awtorità hi nfurmata li għandhom kuntratt huma tal-gvern u kemm minnhom huma tal-privat? L-Awtorità tad-Djar twettaq xi forma ta' spezzjoni fuq dawn l-istess blokki ta' appartamenti u dwar l-istat tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar m’għandhiex informazzjoni dwar blokkijiet ta’ flats privati jew tal-Gvern li għandhom kuntratt ta’ kondominju skond il-Liġi, peress li dan isir bejn l-inkwilini. L-Awtorita’ tad-Djar tagħmel inspezzjonijiet fuq blokki mibnija u mikrija mill-istess Awtorita’ sabiex tara li l-komun jinżam fi stat xieraq u sabiex tara wkoll l-kundizzjonijiet tal-kirja qegħdin jiġu mħarsa.

Ħsarat fir-raba'

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, jew l-uffiċċji tad-Dipartiment tal-Agrikoltura rċevewx rapporti ta' ħsarat sostanzjali li saru lill-uċuħ tar-raba' f'xi nħawi ta' Malta, b'riżultat tas-silġ kbir li għamel xi ġranet ilu fin-naħa ta' Fuq ta' Malta? Jekk kien hemm rapporti dwar dawn il-ħsarat, jista' jagħti tagħrif dwar x'irriżulta minn dawn il-ħsarat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li din il-ġimgħa wasal rapport minn għand bidwi mill-Mellieħa. Dan ir-rapport ġie riferut lid-Direttorat kkonċernat.