Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'jista' jwassal biex persuna li jkun għadha kif marret għand Transport Malta biex isirulha t-testijiet fuq il-vettura tagħha terġa' titwaqqaf minn uffiċjali ta' Transport Malta u dawn jerġgħu jinsistu li l-vettura terġa' tittieħed għat-test minkejja li jkunu għaddew ftit tal-jiem biss minn meta jkunu saru t-testijiet minn uffiċjali ta' Transport Malta? Kemm spiss tista' tali vettura tiġi sottomessa għat-testijiet minn Transport Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li persuna li tkun għadha kif marret għand Transport Malta biex isirilha t-testijiet fuq il-vettura tista’ terġa’ titwaqqaf minn uffiċjali ta’ Transport Malta wara biss ftit jiem li jkunu saru t-testijiet fiċ-ċirkustanzi hawn taħt imsemmija:
Kull meta vettura tiġi spezzjonata teknikament waqt
Road Side Check
u din tfalli it-test, sussegwentament sid il-vettura jingħata appuntament għal test ieħor ġewwa il-Vehicle Inspectorate Unit Garage ta’ Transport Malta. Jekk il-vettura tgħaddi minn dan it-test, sid il-vettura jingħata l-parir sabiex jew iżżomm il-vera kopja jew kopja tan-
numerated inspection form
li turi li l-vettura għaddiet mit-test. Dan sabiex jekk il-vettura terġa’ tiġi mwaqqfa l-
Enforcement Officers
ikunu jistgħu jikkonfermaw li l-vettura qagħdet għal test u għaddiet. Iżda, jekk sid il-vettura ma juriex in-
numerated inspection form
jew kopja tagħha, il-vettura terġa’ tiġi spezzjonata teknikament.
F’okkażżjonijiet oħra, jista’ jkun hemm indikazzjonijiet li xi partijiet tal-vettura bħal
tyres
jew il-pompa tal-
fuel
ikunu ġew mibdula jew irranġati sabiex il-vettura tgħaddi mit-test, u wara dawn jerġgħu jiġu mibdula jew irranġati. Meta jkun hemm suspett f’każi bħal dawn, il-vettura terġa’ tiġi mgħajta għal test ieħor, irrelevanti jekk din tkunx għadha kif ġiet mgħajta ftit qabel.
Barra mill-każi hawn fuq imsemmija, jista’ jkun il-każ illi vettura li tkun għadha kif qagħdet għal test tekniku magħmul minn uffiċċjali tal-
Vehicle Inspectorate Unit
, terġa’ tiġi mgħajta għal test ieħor wara rapporti li jkunu waslu għand Transport Malta permezz tal-
SMS Emissions Alert System
jew fuq rapporti minn uffiċċjali ta’ Transport Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħwienet tal-laħam (butchers) liċenzjati f'Malta u f'Għawdex rispettivament, raħal raħal? Minbarra dawn il-ħwienet, jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' supermarkets li jistgħu jbiegħu prodotti tal-laħam li normalment jinbiegħu minn butcher shops?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Business Register 2009, hemm 345 reġistrazzjoni tal-VAT rigward l-attività ekonomika b’referenza 52.22 fil-klassifikazzjoni tan-NACE; din tirreferi għall-bejjiegħa tal-laħam f’Malta biss. F’Għawdex hemm 32 reġistrazzjoni tal-VAT għall-istess referenza.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika m’għandux informazzjoni fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21507, jista' l-Ministru jindika jekk barranin li jiġu joqogħdu f'Malta bil-vettura tagħhom, fil-fatt jiġux reġistrati bħala li impurtaw il-vettura tagħhom f'pajjiżna?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpelant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien kull sena mill-2005 sal-2009 il-perċentwali ta' laħam tal-majjal (total kull sena) li għadda biex jiġi pproċessat mill-proċessuri f'Malta? Kemm kien l-ammont f'tunellaġġ ta' laħam tal-majjal, u kemm mar direttament għall-konsum, kull sena mill-2005 sal-2009 (f'ammont total kull sena)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li d-Direttorat m’għandux din l-istatistika minħabba li d-distribuzzjoni tal-laħam tal-majjal hija f’idejn il-KIM.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk isirux spezzjonijiet regolari fuq il-grating(ħadid) li jagħlaq b'mod orizontali x-xogħlijiet tal-arja tal-parking area li hemm fl-Isptar Mater Dei? Billi jistgħu jinqalgħu ċirkostanzi (aċċidentali) fejn xi ħadd, jew xi vettura tista' taqa' fuq dan il-ħadid, jista' jieħu l-passi biex dan il-ħadid jiġi protett?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-gwardjani tas-sigurtà fl-Isptar Mater Dei jagħmlu rondi regolari kuljum madwar l-isptar kollu, kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa. Waqt dawn ir-rondi, huma jinnutaw kull ħsara li jsibu jew affarijiet li huma jaħsbu li huma ta’ periklu, inkluż ħsarat li jista’ jkun hemm fuq il-grating (ħadid) li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Is-sezzjoni tal-manutenzjoni tiġi nfurmata minnufiħ dwar dawn il-ħsarat biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa sabiex il-ħsara tiġi rranġata u/jew il-periklu eliminat.
Is-suġġeriment biex dan il-ħadid jiġi protett se tiġi evalwata.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-mains tal-ilma li huma fl-inħawi ta' Għajn Stas San Pawl il-Baħar u li spiss jispiċċa bl-ilma ħiereġ minħabba l-ħsarat tiegħu, jiġi mibdul ma' wieħed ġdid biex jispiċċaw dawn il-ħsarat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma diġà ħadet ħsieb li tlesti proposti biex jinbidlu dawn il-mains. Fil-fatt dawn huma ppjanati biex jinbidlu fl-ewwel ftit xhur tal-2011.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Qawra - stallazzjoni ta' traffic lights
Question
Jista' l-Minsitru jieħu l-passi neċessarji biex iż-żewġ zebra crossings li hemm fi Triq il-Qawra ħdejn Triq il-Frejgati u Triq Porzjukola u iktar 'l isfel ħdejn il-post li jintuża bħala kappella jitwaħħlu fihom il-pelican lights li jgħinu biex dawn iż-zebra crossings isiru aktar secure?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li proposta bħal din għandha ssir l-ewwel mill-kunsill lokali responsabbli. Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel is-suġġeriment tiegħu lill-entità kkonċernata.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk inħarġux liċenzji ġodda għas-servizzi minn trackless trains f'Malta jew f'Għawdex matul l-2009 u l-2010? Jekk iva, fejn ġew liċenzjati biex joperaw dawn it-trackless trains? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li tali trains iridux ikunu ta' xi standard partikolari biex ikunu jistgħu joperaw? Jista' jagħti dettalji ta' liema standards iridu jiġu osservati biex dan is-servizz ikun jista' jingħata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bejn l-2009 u l-2010 fil-fatt inħarġet liċenzja waħda ta’ ferrovija mingħajr binarji biex topera ġewwa r-Rabat f’Malta. Din il-liċenzja nħarġet kif stipulat fir-regolamenti dwar servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri.
L-ispeċifikazzjonijiet u l-
istandards
li huma applikabbli għal dawn it-tip ta’ vetturi huma rispettivament dawk stabbiliti fir-regolamenti msemmija.
San Pawl il-Baħar — pelican lights li għadhom ma bdewx jinxtegħlu
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-pelican lights li twaħħlu ħdejn l-iScotts Supermarket, ħdejn il-Burmarrad Commercials fi Triq Burmarrad u l-pelican lights l-oħra li twaħħlu fi Triq il-Wilġ, ilkoll f'San Pawl il-Baħar, li iżda għadhom ma bdewx jinxtegħlu, jittieħdu l-passi neċessarji biex kemm jista' jkun malajr dawn il-pelican lights ikunu jistgħu jibdew jaħdmu fl-interess ta' dawk kollha li jużaw dawn l-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda f’kuntatt kontinwu mal-Enemalta sabiex is-supply tal-metre tad-dawl jiġi stallat malajr kemm jista’ jkun. Il-pelican lights imsemmija jkunu jistgħu jinxtegħlu meta jingħata dan is-supply.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-siti storiċi f'pajjiżna li biex tidħol fihom hemm il-ħtieġa li jsir ħlas? Kemm daħlu persuni f'kull wieħed minn dawn is-siti matul l-2009 u l-2010 (sa Settembru)? Hemm distinzjoni fl-istatistika bejn dawk li huma Maltin u dawk li huma barranin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Ninforma lill-Onor Interpellant ukoll illi f’din l-istatistika m’ hemmx distinzjoni bejn dawk li huma Maltin u dawk li huma barranin.
Heritage Malta — skejjel tal-gvern, tal-Knisja jew privati - żjarat ta' siti storiċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Heritage Malta għandhiex xi arranġament partikolari mal-iskejjel tal-gvern, tal-Knisja jew privati biex dawn l-iskejjel jieħdu l-istudenti tagħhom iżuru d-diversi siti storiċi b'mod regolari? Jekk iva, kemm kien in-numru ta' studenti li attendew dawn iż-żjarat fis-siti storiċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li m’hemm l-ebda arranġament partikolari mal-iskejjel. Kull sena Heritage Malta minn jeddha tinforma lill-iskejjel li għandha l-bibien miftuħa għall-iskejjel kollha mingħajr l-ebda distinzjoni jekk dawn humiex tal-gvern, tal-Knisja, jew privati – iż-żjajjar li jsiru mill-iskejjel huma b’xejn. Fis-sena 2009, madwar 40,000 student fil-livell primarju u sekondarju żaru l-mużewijiet u s-siti storiċi. Bejn Ottubru 2009 u Settembru ta’ din is-sena 54,507 studenti, żieda ta’ 66% fuq is-sena ta’ qabel, żaru mużewijiet u postijiet u siti storiċi bla ħlas. Kien hemm ukoll 66,419 viżitaturi oħrajn (żieda ta’ 60% fuq is-sena ta’ qabel) li żaru bla ħlas mużewijiet u siti storiċi inklużi f’Notte Bianca u f’attivitajiet organizzati. Dan wassal biex dawk li ma jħallsux telgħu għal 120,926 – jew żieda ta’ 62% fuq is-sena ta’ qabel.
Heritage Malta tipprepara materjal u tħejji attivitajiet li anke jirriflettu l-kurrikulu nazzjonali f’livelli primarji u sekondarji mingħajr ħlas. L-Aġenzija tgħin oqsma oħra fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Fosthom lil
Careers Guidance Section
billi torganizza żjajjar li huma relatati ma’ karrieri fil-qasam kulturali u fil-qasam tar-restawr u lil
Foundation for Educational Services
billi jitħallew jorganizzaw sessjonijiet ta’ kitba fil-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta b’xejn.
Gruppi ta’ studenti fil-livelli post sekondarju u terzjarju flimkien mal-
lecturer
tagħhom jitħallew jidħlu b’xejn ukoll. Ma għandna l-ebda statistika rigward l-ammont ta’ studenti li għamlu użu minn din l-opportunita’.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jagħmilx xi forma ta' spezzjoni biex ikun f'qagħda li jikkonferma jekk fil-proċess tal-majjal proċessat f'Malta jkunux qed jużaw majjal imrobbi u maqtul f'Malta jew inkella hux majjal importat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-uffiċjali jeżaminaw il-laħam li jkun qiegħed jiġi wżat għall-ipproċessar biex jiżguraw li dan għandu l-boll ovali kif mitlub mir-regolamenti Ewropej. L-uffiċjali ma jagħmlux distinzjoni jekk il-majjal hux ta’ oriġini Maltija jew barranija u din l-informazzjoni ma tinġabarx.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tal-Istandards ta' Malta tagħmilx xi testijiet fuq il-majjal proċessat f'Malta biex ikun magħruf jekk il-majjal li jintuża f'dawn il-proċessi jkunx majjal imkabbar (imrobbi Malta) inkella majjal impurtat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorità tal-Istandars ta’ Malta ma tagħmilx testijiet fuq il-majjal proċessat,għaliex dan mhux parti mir-responsabilitajiet tagħha.
Dipartiment tas-Saħħa — spezzjonijiet fuq impjanti tal-ipproċessar tal-majjal
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-ispetturi tad-Dipartiment tas-Saħħa jwettqux spezzjonijiet fl-impjanti tal-ipproċessar tal-majjal, biex jiġi garantit li l-majjal li jkun qed jintuża jkunx imrobbi f'Malta, jew ġiex importat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux suppost li l-bejjiegħa tal-laħam ipproċessat f'Malta jindikaw l-oriġini tal-materja prima (f'dan il-każ, laħam) fis-sens li jindikaw jekk il-laħam użat ikunx imrobbi f'Malta jew inkella importat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li r-Regolamenti tal-2004 dwar Twaħħil ta’ Tikketti, Preżentazzjoni u Riklamar ta’ Oġġetti tal-Ikel jistipulaw li d-dettalji tal-post tal-oriġini jew provenjenza jridu jidhru fuq it-tikketta tal-oġġetti tal-ikel biss, f’każ li n-nuqqas tal-għoti ta’ dawn id-dettalji, it-tikketta tista’ tqarraq lill-konsumatur rigward il-vera oriġini jew provenjenza tal-oġġett tal-ikel.
Rigward il-mistoqsija tal-Onor. Interpellant dwar laħam ipproċessat, huwa biss il-laħam taċ-ċanga li fuq it-tikketta għandu jkollu fuqu dejjem iddikjarat l-oriġini tiegħu u dan skont Regolament (KE) 1760/2000. Barra minn hekk f’każ ta’ laħam tat-tjur, l-oriġini għandha titniżżel biss meta dan il-laħam ikun qed joriġina minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropeja.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema korsijiet li kienu offruti għall-ewwel darba din is-sena fl-Unveristà ta' Malta, kemm fil-livell ta' final degree, kif ukoll fil-livell ta' Masters jew Phd bdew? Kemm hu n-numru ta' studenti f'kull kors li bdew dawn il-korsijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Lands Department għandux lista ta' dawk li kienu fil-pill boxes jew beach posts mibnija fiż-żmien kolonjali li għandna f'Malta? Jekk għandu din l-informazzjoni, jista' jagħti tagħrif dwar fejn jinsabu dawn il-binjiet? Liema minn dawn il-binjiet ingħataw b'kirja/ċens lill-privat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern m’għandux lista komprensiva tal-pill boxes jew beach posts mibnija fiż-żmien kolonjali. Madanakollu nġabret informazzjoni dwar pill boxes jew beach posts li skont it-tagħrif li għandu d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern huma mikrija jew li xi darba kienu mikrija. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi din l-informazzjoni kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. L-allokazzjoni ta’ dawn il-pill boxes jew beach posts saret b’titolu ta’ kirja u mhux b’ċens.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi arranġamenti biex ordnijiet reliġjużi, minflok iħallsu l-bolla tas-sigurtà soċjali għall-membri kollha, l-ordni tħallas għal numru maqbul ta' membri ta' dik l-ordni? Jekk iva, f'każ li membru tal-ordni jispiċċa minn dik l-ordni, xi drittijiet ikollu f'dak li jikkonċerna pensjoni jew ħlasijiet oħra li joħorġu mill-ħlas tal-bolla?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma għandux arranġamenti ma’ ordnijiet reliġjużi sabiex isir ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali għal numru maqbul ta’ membri biss minflok għal-membri kollha tal-ordni kkonċernata.
Inżid ukoll li minħabba li l-Kummissarju tat-Taxxi Interni għandu r-responsabilta li jiġbor u jinforza il-ħlas tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali, nistieden lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi ukoll sabiex issir verifika jekk hemmx xi arranġament mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuna li tkun interessata tidħol taħdem fl-Armata u minkejja li ma jkollhiex kwalifiki akkademiċi biżżejjed, ikollha snajja partikolari li tkun kapaċi taħdem fihom, tistax tapplika u tiġi aċċettata bħala membru tal-Forzi Armati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kundizzjoni tax-xogħol li joperaw fihom il-membri tal-Forzi Armati tagħna jirrikjedu li kull membru jkollu livell ta’ edukazzjoni bażiku sabiex jkun jista' jaqdi d-doveri kollha li jistgħu jiġu assenjati lilu minn żmien għal żmien. L-eżami tad-dħul, fejn applikabbli, huwa l-kejl fejn jista' jiġi assigurat dan.
Dawk il-kandidati li jkollhom il-kwalifiċi neċessarji f’livell ordinarju huma eżentati milli joqgħodu għal dan l-eżami.
operaturi liċenzjati biex jieħdu persuni minn Malta għal Kemuna u Għawdex
Question
Jista' l-Minisrtru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' operaturi liċenzjati/awtorizzati biex iġorru l-passiġġieri minn partijiet ta' Malta għal Kemuna u Għawdex rispettivament? Kemm hu n-numru ta' persuni li ngħataw din l-awtorizzazzjoni matul l-2008, 2009 u 2010 rispettivament? Minn fejn huma liċenzjati/awtorizzati li joperaw dawk li ngħataw dawn il-permessi matul l-aħħar tliet snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-bastimenti kummerċjali kollha li huma awtorizzati li jbaħħru aktar minn tliet mili 'l bogħod mill-kosta, jistgħu joperaw minn Malta lejn Għawdex u Kemmuna. Operaturi li għandhom bastimenti tal-passiġġieri li huma ċċertifikati li joperaw f’din il-kategorija f’dawn l-aħħar tliet snin huwa kif ġej:
Sena 2008 - 60
Sena 2009 - 76
Sena 2010 - 78