Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #22648 Sitting 303 2011-01-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

tempji ta' Skorba — rapport dwar studju fuq l-ambejnt tal-madwar

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21686 u b'referenza għall-ħidma li tinvolvi l-kollaborazzjoni mal-Università ta' Bournemouth u l-Istitut Arkeoloġiku Ġermaniż, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk s'issa sarux xi rapporti partikolari dwar x'inhu meħtieġ li jsir dwar l-ambjent ta' madwar it-tempji ta' Skorba? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar x'inhu mistenni li jiġi implimentat minn dawn ir-rapporti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li r-rapport bir-riżultati tax-xogħol li sar f’April 2010, b’riżultat ta’ din il-kollaborazzjoni, tlesta u kien mgħoddi lis-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali. Ix-xogħol li sar sa issa ma kienx jikkonċerna x’inhu meħtieġ li jsir dwar l-ambjent tal-lum madwar it-Tempji ta’ Skorba, imma kellu l-għan li tintgħażel l-aħjar metodoloġija u teknoloġija meħtieġa għar-riċerka li se ssir, sabiex nifhmu aħjar kif kien l-ambjent ta’ madwar Skorba fi Żmien it-Tempji. Din ir-riċerka mistennija titkompla fis-sajf li ġej. Jiena nfurmat ukoll li Heritage Malta, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ l-Imġarr qed tagħmel ħilitha biex tgħarraf lill-komunita’ f’din il-lokalita’ dwar x’qiegħed jiġri u x’inhu maħsub li jsir fi ħdan dan il-proġett u kwalunkwe xogħol ieħor li qed isir minn Heritage Malta f’dawn is-siti, permezz ta’ kitbiet fir-rivista tal-lokalita’ u parteċipazzjoni f’attivitajiet organizzati mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr.

Transport Malta — tibdil fil-juctionli tgħaqqad il-bypass ta' Birkirkara mal-Iklin

Question

Jista' l-Ministru jitlob lil Transport Malta biex din tistudja l-possibilità li jittieħdu miżuri korrettivi biex il-junction li tgħaqqad il-bypass ta' Birkirkara mal-Iklin (ħdejn il-Model Shop) tiġi mibdula minn kif inhi billi qed tkun ta' periklu għal dawk li jgħaddu minn dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ħa tagħmel diskussjonijiet mal-kunsilli lokali li ħa jiġu effetwati biex isir pjan ħolistiku taż-żona.

Transport Malta — vetturi bl-istess number plate

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għamlitx xi arranġamenti partikolari biex dawk is-sidien ta' vetturi antiki jkunu jistgħu jużaw l-istess number plate fuq iktar minn vettura waħda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara d-diskors tal-budget, rappreżentanti mill-Ministeru tal-Finanzi flimkien ma’ rappreżentanti ta’ Transport Malta qegħdin f’diskussjonijiet ma’ rappreżentanti tal-vetturi antiki fosthom il-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki, Kummissjoni Maltija għall-Isport u l-Federazzjoni Maltija għall-isport sabiex flimkien jiġi stabbilit il-qafas regolatorju ta’ kif se titħaddem din is-sistema.

number plates użati fuq aktar minn karozza waħda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-arrangamenti biex is-sidien ta' vetturi antiki jkunu jistgħu jużaw l-istess plates fuq iktar minn karozza waħda kif issemma' fid-diskors tal-budget?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi wara li matul is-sena l-oħra saru laqgħat ma diversi rappreżentanti u għaqdiet ta’ dilettanti tal-karozzi u ħabbarna din il-miżura fil-budget, kellhom bżonn isiru l-aħħar irtokki sabiex din lil-miżura tiddaħħal bl-aħjar mod possibbli. Dan il-proċess issa tlesta u din il-miżura se tidħol fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin.

Vetturi li ġew scrapped

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' vetturi li ġew scrapped sal-aħħar tal-2010 b'riżultat tal-iskema ta' skreppjar imħabbra fil-budget? Kemm minn dawn l-approvazzjonijiet wasslu biex vetturi jispiċċaw miċ-ċirkolazzjoni? Kemm kien hemm persuni li xorta ddeċidew li jżommu l-vetturi li għandhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li taħt l-iskema li kienet imħabbra fil-Baġit li għadda ġew skrappjati 239 vetturi sal-aħħar ta' Diċembru 2010. In-numru totali ta' approvazzjonijiet kien ta' 269, id-differenza ta' 30 applikazzjoni kienu jirreferu għal persuni li ma kinux eliġibbli.

talba biex toroq jingħataw it-tarmac

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi pjan partikolari biex dawk it-toroq li la huma arterjali u lanqas distributorji, iżda li għandhom funzjoni li jgħaqqdu rħula flimkien (secondary roads with a linking function) jiġu mogħtija wiċċ bit-tarmac?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.22461.

Korporazzjoni Enemalta — Sistema ta' spettorat biex tiċċekkja d-dawl

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22400, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif taħdem is-sezzjoni tat-tiswijiet tal-bozoz li għandha l-Korporazzjoni Enemalta? Kemm għandha ħaddiema din is-sezzjoni u kif inhuma maqsuma skont id-distretti tal-istess korporazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bozzoz jiġu irraportati lis-sezzjoni tal-customer care mill-kunsilli lokali, mill-pubbliku u anke mill-pulizija u dawn jgħadduhom lis-sezzjoni tas-street lighting biex isiru t-tiswijiet meħtieġa. Meta il-kaġun tal-ħsara jkun ġej minn cable ta’ taħt l-art din tgħaddi lid-distrett ikkonċernat biex jagħmel it-tiswijiet meħtieġa. Is-sezzjoni tas- street lighting tikkonsisti minn supervisor u żewġ ħaddiema, iżda meta jinħass il-bżonn ħaddiema oħra mis-sezzjoni tal-emerġenza jassistu fix-xogħol ta’ tiswijiet .

Xemxija — informazzjoni rigward min jieħu ħsieb is-siġar taż-żebbuġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk il-masġar taż-żebbuġ li hemm matul il-bajja tax-Xemxija fil-fatt hux kollu amministrat mill-BirdLife? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar taħt liema kundizzjonijiet ta' tindif ingħatat din l-art lill-BirdLife? Billi din l-art, minbarra li hi mimlija siġar taż-żebbuġ hi ukoll biċċa art li tinsab f'parti ċentrali f'San Pawl il-Baħar, jista' jiġi assigurat li din l-art tinżamm nadifa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li din il-materja tikkonċerna l-Uffiċju tal-Prim Ministru nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tad-Djar — informazzjoni dwar skema A

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li gawdew mill-iskema A tal-Awtorità tad-Djar matul l-2009 u l-2010 rispettivament? Minn liema lokalitajiet kienu ġejjin, raħal raħal, dawk l-applikazzjonijiet li ġew aċċettati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #22644 Sitting 302 2011-01-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta — pjan għal aktar żjarat fil-Kottonera

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21686 u b'mod partikolari għal dik il-parti tar-risposta li tikkonċerna l-iżviluppi li mistennija jsiru fl-Iskorba ta' Ta Ħaġrat, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx bżonn ta' xi permessi partikolari mingħand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ikunu jistgħu jsiru l-iżviluppi li qegħdin nitkellmu dwarhom? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk tali permessi hux diġà saru applikazzjonijiet għalihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-viżjoni u l-prijoritajiet għal Skorba u ta’ Ħaġrat identifikati fil-Pjan għall-Immaniġġjar u l-Konservazzjoni tat-Tempji Megalitiċi ma jirrikjedux permessi mingħand il-MEPA. Jekk kemm-il darba 'l quddiem jitħejjew xi pjanijiet oħra li jistgħu jeħtieġu l-permess tal-MEPA sabiex jitwettqu, issir l-applikazzjoni minnufih kif mitlub mil-liġi.

Wied tas-Salina — Proġetti

Question

B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21988 u mbagħad b'referenza għad-domandi parlamentari msemmija fl-istess risposta, u ċioè 5591, 15699 u 18146, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi li seħħew minn meta ngħataw dawk ir-risposti sal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li t-tender tax-Ximenes Reboubt se tiġi publikata fil-ġimgħat li ġejjin, filwaqt li t-tenders għar-restawr tas-Salini, għal-bini tal-huts u għall-project management qegħdin jiġu vetted mill-kuntratti u dalwaqt ikunu publikati. Il-fondi Ewropej (EAFRD) huma diġà approvati.
Leg 11 PQ #22574 Sitting 301 2011-01-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

applikazzjonijiet għall-bini ta' lukandi pendenti quddiem il-MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet għall-bini ta' lukandi li hemm pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorita' għandha pendenti quddiema erbgħa u tletin (34) applikazzjoni li jikkonċernaw bini ta' lukandi, aparthotels, guesthouses etc. u disgħa u tletin (39) applikazzjoni li jikkonċernaw estensjonijiet jew modifikazzjoni tal-istess tip ta' żvilupp. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bid-dettalji mitluba. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "hotel", "lukanda/i", "hostel", "guesthouse", "aparthotel", jew "tourist".

Awtorità dwar it-Trasport — talbiet pendenti għall-istallazzjoni ta' pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' talbiet għall-istallazzjoni ta' pelican lights li hemm pendenti quddiem l-Awtorità dwar it-Trasport?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ talbiet sabiex jiġu stallati pelican lights/crossings li qed jiġu kkunsidrati mill-Unit tal-Immaniggjar tat-Traffiku huwa ta’ tmintax.

San Pawl il-Baħar — pelican lights fi triq il-Qawra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta, b'xi mod ħaditx konsiderazzjoni ta' talba preċedenti li għamilt permezz ta' domanda parlamentari biex jiġu stallati pelican lights fi Triq il-Qawra, San Pawl il-Baħar, fejn diġà hemm zebra crossing iżda ma fihiex pelican lights?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li peress li l-proċedura tirrikjedi li ssir applikazzjoni mal-kunsill lokali, dwar din il-proposta saret konsultazzjoni mal-kunsill lokali tal-lokalità u qed nistennew tweġiba mingħandu.

belisha lights mibdula f'pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta kkunsidratx il-possibilità li dawk iż-zebra crossings li għandhom belisha lights ikollhom dawn il-lights mibdula f'pelican lights? Kemm hu fil-fatt in-numru ta' zebra crossings li għandhom belisha lights, mhux pelican lights?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn żmien għal żmien, Transport Malta tirċievi talbiet f'dan is-sens, cioe' biex zebra crossings jinqalbu għal pelican crossings, liema talbiet jiġu studjati mill-Unit għall-Immaniġġjar tat-Traffiku. Irid jingħad li l-kriterji li fuqhom tiġi approvata zebra crossing huma differenti minn dawk għal pelican crossings u allura teknikament ma jagħmilx sens li kull zebra crossing tinqaleb għal pelican crossing. Sadattant, mir-rekords ta' Transport Malta jirriżulta li sa llum ġew approvati tliet mija u disa' u ħamsin zebra crossing. Iż- zebra crossings kollha jkollhom belisha lights , imbagħad dawn ikunu konvertiti f' pelican lights meta u jekk zebra crossing partikolari tinqaleb f' pelican crossing .

Land Registry — pjanti aġġornati

Question

Jista l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jibdew jintużaw il-pjanti aġġornati (kif akkwistati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) għal dawk li jixtru pjanti mil-Land Registry, għaliex dan hu ferm importanti biex jiġu evitati diffikultajiet bla bżonn għal min ikollu juża dawn il-pjanti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għamel arranġament biex jingħatawlu l-pjanti aġġornati mill-MEPA. Dan issa sar u r-Reġistru tal-Artijiet permezz tal-MITA beda l-proċess biex is-sistema tigi evalwata u jsir it-tibdil neċessarju biex il-pjanti l-ġodda li ngħatawlu reċentement mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jiġu nkorporati fil-basemap u b’dan il mod tiġi aġġornata s-sistema kompjuteriżżata tad-dipartiment.

Burmarrad — Triq prinċipali - ġbir għall-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jara, issa li qed tiġi rranġata l-bankina matul it-triq prinċipali ta' Burmarrad, li fl-istess bankina jkun hemm mod ta' kif l-ilma tax-xita li jinġabar fl-istess inħawi jkun jista' jitlaq mingħajr ma jikkawża problemi żejda għal dawk li jkunu għaddejjin minn dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi diġà saru pjani minn Transport Malta sabiex tiġi indirizzata din il-problema. Dawn jinvolvu bini ta’ culvert għal-ilma tax-xita tul din it-triq wara li jsir studju topografiku sabiex tiġi stabbilita l-qalba neċessarja tal-istess culvert.

Riforma tat-Trasport Pubbliku — Bus Shelters

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-kundizzjonijiet marbutin mat-twaħħil ta' bus shelters li hemm bzonn f'diversi nħawi ta' Malta? Billi f'domanda preċedenti kien intqal li dawn għandhom ikunu parti mill-ftehim dwar ir-riforma tat-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kundizzjonijiet ġew stipulati bħala parti minn dan l-istess ftehim, għal dak li jirrigwarda l-bus shelters?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kriterji marbutin mat-twaħħil ta’ bus shelters huma: - Il-patrunaġġ ta’ passiġġieri li jużaw bus stops fejn ikun qiegħed jigi propost it-twahħil tal- bus shelter ; - In-numru ta’ xarabanks li jipprovdu servizz fuq it-tali bus stop kull siegħa ; u - li jkun hemm spazju biżżejjed biex jitwaħħal il- bus shelter , b’mod aċċessibli għal kulħadd. Transport Malta qegħda fil-proċess li ttejjeb numru ta’ bus shelters madwar Malta u Għawdex. Fis-sena 2010, Transport Malta stallat total ta’ ħamsa u ħamsin (55) bus shelter, wara konsultazzjoni mall-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Ammont ieħor ta’ (54) erba’ u ħamsin bus shelter , liema shelters qed jiġu diskussi mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, se jkunu stallati sal-aħħar ta’ Ġunju 2011. Dawn il- bus shelters se jkunu stallati skont l-aħħar linji gwida li nħargu fir-rigward ta’ aċċessibilità, sabiex nisguraw li dawn il- bus shelters jkunu aċċessibbli minn kulħadd. Wara li jintemm dan il-proċess, se jkompli jsir eżerċizzju sabiex jittejbu numru ta’ bus shelters f’lokalitajiet differenti, ibbażati fuq il-kriterji hawn fuq imsemmija.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Bdil ta' mains tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma mistennija li jinbidlu mains tal-ilma matul is-sena finanzjarja li ġejja mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Kemm hu mistenni li jitqegħdu mains ġodda matul din l-istess sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena finanzjarja li ġejja il-Korporazzjoni għas-Serivizzi tal-Ilma mistennija li tagħmel xogħol fuq mains tal-ilma kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Problema dwar il-ħasil tal-kaxxi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi qed jittieħdu biex il-problema dwar il-ħasil tal-kaxxi fil-Pitkalija tiġi solvuta? Minbarra hekk, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx talbiet quddiem il-Ministeru biex il-ħaddiema tal-kumpanija responsabbli mill-ħasil tal-istess kaxxi tħallashom dak li hu dovut lilhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi għall-istqarrija li l-Gvern ippublika nhar il-ġimgħa 7 ta’Jannar 2011. Għall-benefiċċju tal-Onor Interpellant qiegħed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru kellu talba quddiemu u b’turija ta’ rieda tajba ħallas fil-5 t’Ottubru 2010 mingħajr ebda preġudizzju għad-drittijiet legali tiegħu.