San Pawl il-Baħar — klieb slavaġ fi Triq Għajn Rażul
Question
Billi fl-inħawi ta' Triq Għajn Rażul, San Pawl il-Baħar inġabru numru ta' klieb slavaġ li qed ikunu ta' periklu għal dawk li joqogħdu hemm, minbarra li qed iqattgħu kull borża tal-iskart li jsibu għal snienhom, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-annimali jinġabru, qabel ma jikkawżaw xi problema iktar serja bħalma ġieli ġara f'pajjiżi barranin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-ilment tal-Onor.Interpellant ġie nnutat u d-dipartiment ikkonċernat diġà ġie mgħarraf.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun possibbli li matul din is-sena li għadha kif bdiet ikun hemm skema li permezz tagħha dawk is-sajjieda li jridu jieqfu milli jkomplu jistadu jagħmlu dan u jiskrappjaw id-dgħajsa tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru se jkun qed joħrog sejħa oħra li permezz tagħha dawk is-sajjieda li jridu jieqfu milli jkomplu jistadu jagħmlu dan u jiddistruġġu d-dgħajsa tagħhom.Il-flus li ma jittieħdux minn skemi oħra jkunu jistgħu jiġu trasferiti fuq l-iskema imsemmija ħalli jiġu magħduda mal-ammont li għadu mhux minfuq.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' spejjeż qed jintalbu li jħallsu l-kunsilli lokali meta dawn jitolbu li jiġu stallati xi pelican lights jew traffic lights?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kunsilli lokali ma jintalbu l-ebda tip ta' spejjeż.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' arloġġi tad-dawl li skont il-Korporazzjoni Enemalta huma reġistrati fuq il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar? Fejn jinsabu dawn l-arloġġi skont il-Korporazzjoni Enemalta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm erba’ meters li huma rreġistrati fuq il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn huma:
8035089: Porzjunkula Public Garden (Housing Estate) San Pawl il-Baħar
29263419: St Paul’s Bay Local Council San Pawl il-Baħar
25598676: Burmarrad Recreational Space Burmarrad
6567835: James Smith Public Garden San Pawl il-Baħar
Enemalta — problemi ta' bozoz fi Triq il-Port Ruman f'San Pawl il-Baħar
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni Enemalta għandhiex xi problemi partikolari biex ikunu jistgħu jinxtegħlu xi bozoz li hemm approvati għal Triq il-Port Ruman, f'San Pawl il-Baħar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet ġew sottomessi u qed jiġu pproċessati wara li jiġi allokat il-post flimkien mall-kunsill lokali. L-estenzjoni tal-linji biex ikun jista jiġi pprovdut servizz lil dawn il-lampi se jsiru fil-ġranet li ġejjin.
Billi skont rapporti fil-media qed jingħad li l-NSO ħarġet statistika li turi li matul l-aħħar 12-il xahar kien hemm żieda ta' iktar minn 10% fil-prezz f'dawk li huma housing u enerġija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'jaqa' taħt dawn iż-żewġ kategoriji għal dak li jirrigwarda din l-istatistika, għaliex m'hemmx dubju li matul dan il-perjodu l-prezz tal-proprjetà naqas u mhux żdied?
Response (FENECH, TONIO)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal statistika relatata mal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet (HICP). Il-kategorija numru 4 hija magħmula minn:
- kera mħallsa fuq proprjetà
- materjal użat għall-manteniment tad-dar
- servizzi relatati mal-manteniment tad-dar
- ilma
- elettriku
- gass
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-prezzijiet tal-proprjetà m’humiex riflessi direttament fl-indiċi.
Issa li l-kuntratt tal-bini tal-akwarju fil-Qawra ngħata lil min għadu jizviluppa l-post, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-post, u f'kemm żmien hu mistenni li dan l-istess akwarju jitlesta biex jibda jservi ta' attrazzjoni turistika, fost l-oħrajn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li fil-11 ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-General Contracts Committee, fi ħdan id-Dipartiment tal-Kuntratti, rrikkmanda li wara l-evalwazzjoni li saret, il-Kuntratt għad-disinn, bini u tmexxija ta’ attrazzjoni pubblika fil-Qawra li tinkludi Akkwarju Pubbliku jista’ jingħata lil Konsorzju magħżul. Pero’ minn wara dan il-pass fadal aktar stadji li l-proċess irid jgħaddi minnhom qabel jiġi fil-fatt iffirmat il-kuntratt.
L-ewwel wieħed huwa l-fażi tal-appell tad-deċiżjoni tal-GCC u t-tieni hija kjarifika mill-Kummissjoni Ewropea fuq punt ta’
State Aid.
Risposta fuq dan hija mistennija fil-ġranet li ġejjin. Ġaladarba il-Gvern ikollu din il-kjarifika, ikun jista’ jibda l-proċedura li twassal għal firma tal-kuntratt.
Wara dan il-proċess kollu huwa mistenni li jibda x-xogħol fuq is-sit -xogħolijiet li mistennija jieħdu bejn erbatax u tmintax il-xahar.
Mhux eskluż li partijiet mill-proġett jitlestew u jinfetħu għall-pubbliku qabel.
Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji dwar kemm kien in-numru ta' talbiet li ġew sottomessi quddiem it-tribunal dwar l-affarijiet tal-konsumatur, matul l-2010? Kemm minn dawn il-każi ġew deċiżi s'issa? Kemm ġew deċiżi favur il-konsumatur, u kemm ġew deċiżi kontra min għamel it-talba (il-konsumatur)? Kemm hu n-numru ta' każijiet pendenti bħalissa quddiem dan it-tribunal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul 2010 kien hemm 584 talbiet quddiem it-Tribunal għal-Talbiet tal-Konsumatur. Ġew deċiżi 359 każ li minnhom 267 ġew deċiżi favur il-konsumatur waqt li 92 kienu favur il-kummerċjant. Bħalissa n-numru ta’ Każijiet pendenti huwa ta’ 243.
San Pawl il-Baħar — attenzjoni mill-Enemalta - kontijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex skont ma nkiteb illum f'ġurnal lokali "The Times", nies li jiffrekwentaw il-Knisja tal-Karmnu, ħdejn il-Veccia, San Pawl il-Baħar, ingħad lilhom li l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar mhux qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa mill-istess Korporazzjoni Enemalta għaliex għandu ħafna kontijiet xi jħallas? Jista' jinvestiga min irċieva dawn is-suppost komunikazzjonijiet dwar dan is-suġġett, kif ukoll jekk tax ir-risposta li qed tiġi kkwotata?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta għamlet investigazzjoni nterna dwar jekk sarux komunikazzjonijiet simili minn xi dipartiment tal-Korporazzjoni. Jirriżulta li l-ebda dipartiment fil-Korporazzjoni m’għamel kommunikazzjonijiet bħal dawn.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-policy użata mill-Korporazzjoni Enemalta meta l-istess korporazzjoni taqla' bozoz pubbliċi, fuq talba ta' dawk li jkunu se jibnu proprjeta' minflok dik li jkunu se jwaqqgħu? Jista' jagħti tagħrif dwar x'wassal biex il-bozza li nqalgħet xhur ilu, ħdejn il-Knisja tal-Karmnu San Pawl il-Bahar għadha ma twaħħlitx sal-lum? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar x'wassal biex bozza oħra li ukoll inqalgħet żmien ilu fi Triq Stella Maris, San Pawl il-Baħar, baqgħet ma twaħħlitx?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-policy ta’ meta tinqala bozza minn ma’ propjeta’ li tkun se taqa hi li l-bozza terga’ tigi stallata fl-istess post wara li jitlesta l-iżvilupp sa kemm jippermetti l-iżvilupp innifsu. Ix–xogħol isir mill-Enemalta jew milll-kunsill skont ta’ min tkun ir-responsabbiltà tal-bozza. Il- biċċa l-kbira minn dawn il-lampi huma ‘wall mounted’ u huma tar-responsibbilità tal-Kunsill. Fiż-żmien li jkun qiegħed isir ix–xogħol ta’ kostruzzjoni titwaħħal bozza temporanja jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu. Fil-każ tal-bozoz imsemmija dawn ġew investigati u x-xogħol meħtieġ biex jiġu nstallati issa ġie konkluż.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' bozoz li nqalgħu mill-Korporazzjoni Enemalta, matul l-2010, minħabba permessi tal-bini li ħarġu biex ikun jista' jitwaqqa' bini u minfloku jinbena bini ġdid, fl-inħawi tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar, rispettivament? Kemm minn dawn il-bozoz li nqalgħu minħabba din ir-raġuni reġgħu twaħħlu jew b'mod temporanju, jew b'mod permanenti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-istatistika li tinżamm minn Enemalta hi ta’ kemm kien hemm talbiet għal tneħħija ta’ linji minn mal-bini u ma tinżammx statistika ta’ kemm minn dawn kienu jinvolvu t-tneħħija ta’ bozoz. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-lampi huma tal-kunsill lokali, li hu responsabbli għat-tneħħija tagħhom, u għal twaħħil mill-ġdid wara.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18709 dik il-parti li titkellem dwar inventarju tax-shelters li jeżistu f'Malta, u li jidher li ma baqax jinġabar, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-shelters li laħqu nġabru f'dan l-inventarju? Fejn jinsabu dawn ix-shelters? Jista' jara li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tikkordina mal-kunsilli lokali biex tipprova tiġbor din l-informazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-informazzjoni għall-inventarju tax-shelters li jeżistu f'Malta u f'Għawdex qed tiġi miġbura kull meta tiġi akkwistata informazzjoni minn każijiet ta' applikazzjonijiet jew rapporti minn individwi, imma din l-informazzjoni tkun nieqsa minn pjanti informattivi u ħafna drabi ix-shelters ikunu magħluqa u ma tistax issir spezzjoni.
Il-lista li sa issa ġabret il-MEPA tinkludi madwar ħamsin
shelter
f'diversi lokalitajiet, fosthom: Sliema, l-Isla, Għargħur, Mġarr, Kirkop, San Pawl il-Baħar, Mtarfa, Birżebbuġa, Ħaż-Żebbuġ, Birkirkara, Ħal-Luqa, Ħamrun u Gżira.
Wara l-mistoqsija parlamentari 18709 ħames individwi kitbu fuq blogg ta' ġurnal lokali b'informazzjoni dwar fejn jinstabu xi entraturi tax-
shelters
, filwaqt li tlett individwi oħra kitbu lill-MEPA fejn wieħed bagħat lista ta' 19 il-
shelter
f'Ħaż-Żebbuġ, persuna oħra bagħtet informazzjoni dwar
shelter
f'Ta' Xbiex, u individwu ieħor bagħat lista b'informazzjoni dwar l-infieq biex jitħaffru madwar 200
shelter
f'Għawdex, imma id-dokument oriġinali ma jurix l-entraturi imma jsemmi t-toroq biss. Din l-informazzjoni inżammet għal referenza futura imma xorta waħda hemm bżonn li jiġu lokalizzati l-entraturi, jinfetħu, jsiru spezzjonijiet u
surveys
tax-
shelters
minn ġewwa sabiex jiġi stabbilit kemm huma kbar.
L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ilha tikkoordina mal-kunsilli lokali biex tipprova tiġbor informazzjoni dwar wirt kulturali fil-lokalita'. Ħafna drabi l-informazzjoni li tintbagħat tkun lista ta' xi postijiet fil-lokalita', fejn wara l-MEPA jkollha xorta waħda tagħmel riċerka dwar il-proprjetajiet storiċi u tiġbor/tagħmel pjanti, ritratti,
surveys
u dokumentazzjoni oħra. Eżempju ta' dan kienet talba dwar l-imtieħen tar-riħ fejn 15 il-kunsilli minn 68 wieġbu.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex opri tal-baħar/vapuri jitnaddfu miż-żjut kollha u mbagħad jiġu mgħarrqa fil-baħar biex iservu ta' diving attraction madwar Malta u Għawdex? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet li hemm quddiem l-awtorità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li bħalissa hemm żewġ (2) talbiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex opri tal-baħar/vapuri jiġu mgħarrqa fil-baħar biex iservu ta' diving attraction madwar Malta u Għawdex. Talba minnhom ġiet validata mill-Awtorità fil-15 t'April 2009 u t-talba l-oħra ġiet validata fit-8 ta' Novembru 2010.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx possibilità li jiġu introdotti varjetajiet ġodda ta' siġar tal-frott f'Malta u f'Għawdex, b'riżultat tal-Micro-Propagation Centre li għandu l-gvern? Jekk iva, liema tip ta' frott hu mistenni li jiġi introdott?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-pjan tal-Laboratorju tal-Mikropropagazzjoni ġewwa l-Micro-Propagation Centre (li l-isem ġie mibdul f'Plant Biotechnology Centre fis-sena 2000) mhuwiex li jinħolqu fi ћdanu varjetajiet ġodda ta’ siġar tal-frott, proċess li jissejjaћ breeding. Biex tagħmel dan il-proċess, wieħed irid ikollu ċertu teknika u apparat speċjalizzat, li ma jinsabx ġewwa l-laboratorju msemmi.
MSA — tkabbir ta' prodotti agrikoli b'sistema organika
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa li kienu ċertifikati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Istandards bħala li qed ikabbru prodotti agrikoli bis-sistema organika, fejn ma jintuża l-ebda bexx jew mezzi artifiċijali ta' tkabbir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi b’ kollox hemm ħdax il-individwu li jkabbru prodotti agrikoli b’ sistema organika.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li għalihom xi dipartiment li jaqa' taħt il-Ministeru applika għall-permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ikun jista' jagħmel żviluppi fl-inħawi li jiffurmaw parti mil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Liema proġetti oħra li se jsiru mill-Ministeru f'dawn l-istess inħawi diġà għandhom il-permessi neċessarji mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Ministeru tiegħi qiegħed fil-proċess li jiżviluppa water park f’Buġibba fix-xhur li ġejjin. L-applikazzjoni għall-permess tinsab quddiem il-MEPA.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibbli li l-Pulizija żżid il-patrols tagħha f'ċertu nħawi ta' Buġibba u l-Qawra (fost l-oħrajn) minħabba l-fatt li numru ta' residenti qed jilmentaw minn sitwazzjonijiet li qed idejquhom b'mod partikolari bil-lejl?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel ronda fl-inħawi tal-Qawra/Buġibba/San Pawl il-Baħar, kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl. Infurmat ukoll illi dan isir kemm mill-Pulizija tad-Distrett kif ukoll minn dawk tal-Iskwadra tal-Mobile.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'tip ta' investiment sar fl-iskola speċjali tal-Wardija matul l-2010? Kemm hu n-numru ta' studenti li jattendu f'din l-iskola u minn liema lokalitajiet huma ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul l-2010 fiċ-Ċentru ta’ Riżorsi Edukattivi għall-Adulti Żagħżagħ sar investiment strutturali kemm biex dan iċ-ċentru jsir iktar aċċessibli għaż-żagħżagħ li jattendu fiħ kif ukoll biex jiġi mwettaq il-proġramm ta’ dan iċ-ċentru.
Fost dan l-investiment hemm it-tiżbiħ tal-entratura ta’ l-iskola fejn saret ukoll rampa biex il-parti ta’ fuq taċ-ċentru ġiet aċċessibli għall-istudenti li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti. Sar ukoll investiment fuq kmamar li jinsabu fil-grawnds tal-iskola. Dawn ġew attrezzati biex ikunu jistgħu jintużaw għal attivitajiet bħala parti mill-programm taċ-ċentru. Inbidlu wkoll il-bibien kollha fiċ-ċentru.
Hemm 77 student f’dan iċ-ċentru. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-lokalitajiet minn fejn ġejjin l-istudenti.
Skola primarja ta' San Pawl il-Baħar — trasport provdut mill-gvern
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar li jitwasslu l-iskola permezz ta' trasport ipprovdut mill-gvern stess? Kemm studenti mhumiex ipprovduti bi trasport simili? Billi riċentement numru ta' persuni (studenti u ġenituri) kienu sejrin lura lejn darhom bil-mixi fl-inħawi tal-Qawra, tista' tagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi ġenituri li forsi għadhom mhumiex infurmati bit-trasport provdut b'xejn?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ tfal li jużaw it-trasport ipprovdut bla ħlas mill-gvern minn u lejn l-iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar hu ta’ 297. Kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin huma konxji li hemm dan it-trasport ipprovdut bla ħlas mill-gvern. Xi ġenituri, li għalkemm jafu b’dan it-trasport, jippreferu jiġu għat-tfal huma stess, speċjalment għat-tfal fil-Kindergarten u Year 1.
Banjijiet Rumani u Katakombi ta' Bistra — Xogħlijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk inbediex xi xogħol minn dak identifikat li għandu jsir f'Għajn Tuffieħa (Banjijiet Rumani) u l-Mosta (Katakombi ta' Bistra)?
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarux xi applikazzjonijiet għall-permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li beda xogħol preliminari fuq il-Banjijiet Rumani (Għajn Tuffieħa) u fuq il-Katakombi ta’ Bistra (il-Mosta). Infurmat illi x-xogħol li għaddej huwa konness ma preparazzjoni tat-tenders u studji tekniċi.
Rigward is-sit tal-banjijiet Rumani f'Għajn Tuffieħa kien hemm żewġ applikazzjonijiet:
PA 2392/2009: permess
'outline'
inħareġ fid-9 ta' Ġunju 2010, għal rijabilitazzjoni tal-banjijiet Rumani inkluż iċ-ċint tad-dawra u tibdil ta’ strutturi biex jipproteġu partijiet mis-sit, tindif tal-blat u twaħħil ta' tabelli ta' informazzjoni.
PA 4084/95: permess maħruġ fid-29 ta' Jannar 1997 biex jinbidel iċ-ċint ta' madwar is-sit arkeoloġiku.
Is-sit tal-Katakombi ta' Bistra fil-Mosta kien suġġett ta' żewġ applikazjonijiet:
PA 2389/2009: permess
'outline'
inħareġ fit-30 ta' Novembru 2010 għal rijabilitazzjoni tal-katakombi, bini ta’ passaġġ msaqqaf, ċint madwar is-sit u
landscaping
fil-qrib tas-sit.
PA 7659/2006: permess inħareġ fil-21ta' Awwissu 2007 biex jibdel u jikkonverti struttura eżistenti għal ċentru tal-viżitaturi għas-sit arkeoloġiku.