Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #23904 Sitting 318 2011-02-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — sports

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi marbuta mal-isports qed jitħaddmu bħalissa, flimkien mal-kunsilli lokali? Liema clubs lokali, jew assoċjazzjonijiet nazzjonali jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-iskemi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Iskema Inizjativi Sportivi għall-Kunsilli Lokali għandha l-għan li tassisti lill-Kunsilli Lokali biex jorganizzaw attivitajiet sportivi u ta’ eżerċizzju fiżiku fil-lokalitajiet tagħhom b’ kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Isport (KMS). Mhux l-għan ta’ din l-iskema li toffri assistenza lill-għaqdiet sportivi. Għall għaqdiet sportivi hemm numru ta’ skemi oħra tal-KMS li jistgħu jibbenefikaw minnhom.

toroq — sistemi ġodda ta' drenaġġ

Question

.Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq hu mistenni li jitqiegħdu fihom sistemi ġodda tad-drenaġġ matul din is-sena, fil-lokalitajiet li jaqgħu taħt it-12-il distrett elettorali? Liema minn dawn ix-xogħlijiet diġà ħarġu t-tenders għalihom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mistennija li tqiegħed sistemi ġodda tad-drenaġġ fil-lokalitajiet li jaqgħu taħt it-tnax-il distrett elettorali kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Sa issa għadha ma ħarġet l-ebda tender għal dan ix-xogħol. Dawn ix-xogħolijiet ser jiġu mgħoddija lil Transport Malta biex toħroġ it- tender u fil-każ ta’ Sqaq Campra (Burmarrad) ix-xogħol isir max-xogħol ta’ resurfacing li se jagħmel il-kunsill.

San Pawl il-Baħar — bdil fil-pompi tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jiżdiedu, jew jinbidlu l-pompi tad-drenaġġ li hemm stallati fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Kull kemm żmien issir il-maintenance regolari ta' dawn l-istess pompi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar huwa ppjanat li tiġi installata pompa ġdida fl-area tal-Veccja biex jiġu eliminati numru ta’ fosos. Mhux mistennija li jinbidlu pompi eżistenti. Dawn l-istess pompi jiġu mantenuti kull tlett xhur.

Awtorità tad-Djar — permessi għall-bini ta' appartamenti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23662, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex permessi validi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinbnew appartamenti f'Burmarrad? Jekk iva, liema huma dawn il-permessi, u x'qed iwassal lill-Awtorità biex ma tibniex dak li għandha permess għalih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm l-Awtorità tad-Djar għandha l-permessi meħtieġa biex isir xogħol fuq il-post indikat, f’dan il-mument l-awtorità ma għandha l-ebda pjani biex isir dan ix-xogħol.

Selmun Palace Hotel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-Selmun Palace Hotel għadhiex qed topera jew le? Billi din il-lukanda tagħmel parti mill-proprjetà tal-Air Malta (jew amministrata mill-istess Air Malta) jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi rabta bejn it-tħaddim ta' din il-lukanda u t-tibdil li mistenni jseħħ fl-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22562.

Selmun — Fort Campbell

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi ħsieb partikolari biex dak li kien Fort Campbell f'Selmun, Mellieħa jiġi restawrat, in parti mibni mill-ġdid, biex ikun jista' jintuża għal xi skop speċifiku? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi talbiet mill-privat biex dawn l-inħawi jiġu amministrati mill-privat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern irċieva diversi talbiet mill-privat għall-immaniġjar ta’ din il-Fortizza. Fid-dawl ta’ dawn it-talbiet, id-dipartiment qiegħed jikkunsidra l-aħjar użu għal din il-proprjetà.

Tiswijiet ta' bankini

Question

Billi numru ta' bankini fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra għandhom bżonn ta' tiswija wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet xi tiswijiet fis-sistema tal-ilma, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ħaddiema tal-Ministeru jagħmlu t-tiswjiet neċessarji a spejjeż tal-istess Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Membru jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #23802 Sitting 317 2011-02-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Land Registry - pjanti aġġornati

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex finalment jintlaħaq ftehim bejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u d-dipartiment responssabli mil-Land Registry biex il-pjanti aġġornati jgħaddu għand il-Land Registry mingħajr iktar dewmien għaliex filwaqt li l-pjanti tal-Land Registry mhumiex aġġornati, dawk tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar huma? Tista' tittieħed deċiżjoni finali mingħajr iktar dewmien bla bżonn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA għaddiet il-base map lill-MITA biex tgħaddihom lir-Reġistratur tal-Art fis-17 ta' Jannar 2011.

Ftehim fuq l-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23660, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm persuni/għaqdiet f'Malta li bbenefikaw minn dan il-ftehim kemm ilu li daħal fis-seħħ? Jekk iva, kemm kienu l-individwi/għaqdiet li bbenefikaw? F'liema suġġetti saret il-kollaborazzjoni u f'liema sena?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #23670 Sitting 316 2011-02-21 Oral · Interim From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — restawr tax-shelters tal-gwerra

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx talbiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinfetħu, jew jiġu restawrati xi shelters tal-gwerra li għandna f'Malta u Għawdex? Jekk iva, liema huma dawn ix-shelters? Hemm xi skema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew tal-gvern li permezz tagħha min hu interessat li jagħmel dan ix-xogħol jingħata għajnuna finanzjarja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #23671 Sitting 316 2011-02-21 Oral · Interim From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Niċeċ u statwi restawrati

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi skema tal-gvern li permezz tagħha jkunu jistgħu jingħataw għajnuniet biex bihom jiġu restawrati niċeċ/statwi li għandna mifruxa madwar Malta u Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #23672 Sitting 316 2011-02-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — skema ta' restawr ta' gallariji

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni/għaqdiet li gawdew mill-iskema marbuta mar-restawr ta' gallariji li kienet tħabbret mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar xi żmien ilu? Fejn jinsabu l-gallariji (raħal b'raħal) li bbenefikaw minn din l-iskema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.

Primary Health care — proprjetajiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22910, billi l-kirjiet imħallsa għal dawk li huma l-ispazji użati għall-primary health care huma kollha baxxi ħafna, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-kirjiet jiżdiedu, billi dawn huma proprjetajiet (ħafna minnhom) tal-privat li m'għandhomx jibqgħu jitħallsu dawn it-tip ta' kirjiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MEPA — applikazzjonijiet speċifiċi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23015, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġewx sottomessi applikazzjonijiet speċifiċi għal xi żvilupp partikolari, inkluż change of use, quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, liema applikazzjonijiet għadhom qed jiġu evalwati? F'dan l-istess post kien hemm xi applikazzjonijiet oħra lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ġew approvati jew rifjutati? Jekk iva, liema kienu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement hemm żewġ applikazzjonijiet li ġew sottomessi mill-management tal-Park. Dawn huma: PA/07013/07- Restawr tan-Naħħalija Farmhouse. Din l-applikazzjoni ġiet irtirata minħabba kumplikazzjonijiet dwar ownership PA/07014/07- Restawr ta’ Torri ta’ Għajn Żnuber. Din l-applikkazzjoni ġiet approvata u r-restawr tat-torri hu inkluż fil-programm ta’ restawr għas-sentejn li ġejjin. Il-Management tal-Park talab ukoll lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex tiċċara x’permessi hemm bżonn li jiġu sottomessi biex jiġu nstallati barriers fil-Park tal-Majjistral għall-kontrol ta’ aċċess fis-sit minħabba ħsarat ambjentali li qed isiru.
Leg 11 PQ #23794 Sitting 316 2011-02-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Birdlife — tindif ta' siġar fix-Xemxija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23540 għal dak li jikkonċerna l-ftehim tal-gvern mal-Birdlife għat-tmexxija tal-inħawi tal-Pwales/Xemxija u billi fl-aħħar risposta, bir-raġun ġiet emfażizzata l-idea li għal dak li jikkonċerna l-ekosistema ma jistgħux isiru interventi kbar fuq is-siġar, billi din l-area tinsab f'ċentru tar-raħal u ffrekwentata ħafna min-nies, tista' almenu l-Birdlife tnaddaf dan il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser inwassal is-suġġeriment tiegħi lil-Birdlife sabiex dawn jaraw li jekk hemm ħmieġ f’dan is-sit, jitneħħa. Wieħed iżda irid jenfasiżża li l-ħaxix arbuxelli li jikbru fiż-żona għandhom jitqiesu bħala ħaxix stabbilit u li għandu funzjoni. Qed ngħid dan għax għal xi residenti u nies li jużaw il-post dan il-ħaxix jista’ jitqies bħala ħmieġ.
Leg 11 PQ #23635 Sitting 315 2011-02-16 Oral · Interim From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — PC applications

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kuntratti jsiru mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma' sidien ta' proprjetà li tkun se tiġi effetwata minn PC applications li joriġinaw mill-Awtorità ta' Malta tal-Ambjent u l-Ippjanar stess peress li jidher li filwaqt li l-Awtorità tinsisti għal ċertu clearance meta l-PC application tkun qegħda ssir mill-privat, iżda ma jkunx hemm l-istess talba għall-clearance meta t-talba ssir mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.

Twelid ta' trabi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22369, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każijiet ta' twelid minn tfajliet li kellhom inqas minn 14-il sena? F'dan il-każ minn liema lokalitajiet ġew dawn it-tfajliet? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif ukoll dwar in-numru ta' tfajliet bejn: a) 16 u 20 sena; b) 21 u 25 sena; ċ) 26 u 30 sena; d) u 'l fuq minn 30 sena li welldu trabi matul l-2010? Minn liema lokalitajiet kienu dawn it-tfajliet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

B'referenza għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 22369, infurmat li ħadd minn dawn l-ommijiet tfajliet ma kellhom inqas minn 14-il sena. Filwaqt li l-informazzjoni migbura għal wara Settembru 2010 għad trid tkun ikkonfermata, bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Settembru 2010, in-numru ta’ tfajliet ( single mothers ) li welldu skont l-etajiet imsemmija huma kif jidher hawn taħt: Reġjun Eta’ bejn 16-20 Eta’ bejn 21-25 Eta’ bejn 26-30 Eta’ ta’ 31+ Għawdex 5 20 1 2 North 24 25 17 15 North Harbour 68 59 49 45 South East 34 47 16 9 South Harbour 67 53 47 16 West 22 30 16 7

Burmarrad — bini ta' appartamenti ġodda

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex il-ħsieb li tibni appartamenti ġodda f'Burmarrad? Jekk iva, tista' tagħti tagħrif dwar kemm se jinbnew appartamenti? Fejn se jinbnew? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol neċessarju u meta hu mistenni li jitlesta dan l-istess xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’dan il-mument l-awtorità m'għandha l-ebda pjan li tibni fil-lokalità ta’ Burmarrad.

San Pawl il-Baħar — problema ta' ilma li ħiereġ fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk ilma li qed joħroġ b'mod regolari fil-kantuniera ta' Triq Damasku ma' Triq Ġulju, San Pawl il-Baħar, hux ilma tad-drenaġġ? Jekk iva, jista' l-Ministru jieħu passi biex dan l-ilma jitwaqqaf milli jibqa' joħroġ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li, għand d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, qatt ma waslu lmenti dwar ilma li qed joħroġ b'mod regolari fil-kantuniera ta' Triq Damasku ma' Triq Ġulju, San Pawl il-Baħar. Għaldaqstant, dan l-ilment se jiġi investigat mill-uffiċċjali tal-istess direttorat għall-ewwel darba u se jittieħdu l-passi neċessarji f’każ li dan l-ilment jiġi kkonfermat.

punti maqtugħin minn fuq il-liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jinqatgħu l-punti mis-sistema tal-liċenzji tas-sewqan, meta xi sewwieq jaqa' taħt is-sistema tal-points? Xi ħlas qed jintalab minn Transport Malta biex tali punti jinqatgħu? X'inu l-iskop ta' dan il-ħlas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li meta sewwieq jaqa’ taħt is-sistema tal-punti tal-liċenzji tas-sewqan, jiġifieri għall-ewwel tlett snin minn meta s-sewwieq jottjeni l-liċenzja (hekk imsejħa proviżorja), dan jinqatgħulu punti skond kif imposti mill-Qorti tal-Maġistrati jew mill-Kummissarji tal-Ġustizzja dan a’ tenut tar-regolament 40(1) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 65.18. Meta s-sewwieq jammetti u jħallas il-multa qabel is-smiegħ tal-każ quddiem it-tribunal, jinqatgħu l-punti minimi stipulati fis-sitt skeda hekk kif stipulata f’regolament 40(3). Il-ħlas mitlub minn Transport Malta huwa dak ta’ €6.00 fi ħlas amministattiv għall-istampar mill-ġdid tal-kontraparti tal-liċenzja, dan kif elenkat fid-disa’ skeda tal-istess Leġislazzjoni Sussidjarja.