Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #24055 Sitting 321 2011-03-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — persuni kkundannati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba ġew kundannati dawk il-persuni li bħalissa jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Kemm minn dawk li bħalissa qegħdin f'din il-faċilità taħt arrest preventiv, diġà servew xi sentenza oħra qabel il-każ/ każijiet li għandhom pendenti bħalissa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Dar tal-Anzjani — night shelters

Question

Jista' l-Ministru jistudja l-possibilità li f'dawk il-lokalitajiet li s'issa għad m'għandhomx dar għall-anzjani tal-gvern, iżda fejn il-gvern qed jikkollabora ma xi dar tal-anzjani privata, ma dawn l-istess djar ikun hemm diskussjoniijiet biex hawn ukoll ikunu jistgħu jinfetħu night shelters għal xi anzjani li joqogħdu f'dawn il-lokalitajiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kunċett tan-night shelter huwa pjuttost ġdid għall-Malta. L-ewwel night shelter infetaħ mis-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunità b’kollaborazzjoni mal-Knisja fl-Istitut tas-Sorijiet Missjunarji ta’ Ġesu Nazzarenu ġewwa ż-Żejtun. Issa nfetaħ it-tieni night shelter ġewwa Dar il-Madonna tal-Mellieħa b’kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat u l-kunsill lokali. Id-dipartiment qed jippromwovi l-kunċett tan-night shelter f’kull diskussjoni mal-privat fejn ikunu qed jiġu diskussi servizzi u djar ġodda għall-anzjani.

Xemxija — Street lighting

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x'inhi r-raġuni li wasslet biex l-istreet lighting mill-Veċċa sax-Xemxija u mix-Xemxija sa Għajn Stas jinqata'? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dan il-qtugħ jiġi rranġat kemm jista' jkun malajr?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn investgazzjoni li saret mill-parti tal-Veċċa sax-Xemxija, instab li kien hemm fuse imtajjar u issa dan inbidel. Waqt li l-parti mix-Xemxija sa Għajn Stas hemm erbgħa bozoz maqtugħajn li għandu jsirilhom il-manutenzjoni meħtieġa ma' xogħlijiet oħra simili.

pjanti ta' street lighting madwar Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni Enemalta għandhiex pjanti li jindikaw fejn jinsabu d-dawl pubbliċi (street lighting) li għandna madwar Malta u Għawdex? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relattivi għal-lokalitajiet tal-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta għandha pjanti li juru l-istreet lighting ta’ Malta u Għawdex. Il-pjanti tal-lokalitajiet tal-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar rispettivament qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni Enemalta — substations

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' substations tal-Korporazzjoni Enemalta li jinsabu fl-inħawi li jaqgħu taħt il-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn is-substations inbnew mill-privat minħabba żviluppi privati li kellhom bżonn substation separata? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk bħalissa hemmx talbiet pendenti għall-bini ta' substations f'dawn l-istess inħawi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n numru ta’ substations u transformer centers li jaqgħu taħt il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar huwa ta’ 75. In-numru ta’ substations li nbnew mill-privat huwa ta’ 41. Dawn jinkludu s-substations li nbnew bejn il-privat u l-Enemalta flimkien. In-numru ta’ substations proposti huwa ta’ 9.

MEPA — Land Registry - pjanti aġġornati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23802, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha l-pjanti li għaddew mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fis-17 ta' Jannar 2011 għadhom mhux qed jinbiegħu mill-Uffiċċju tal-Land Registry u dan b'dannu għal min ikollu bżonn dawn il-pjanti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-MEPA għaddiet il-base map lill-MITA biex tgħaddihom lir-Reġistratur tal-Artijiet fis-17 ta' Jannar 2011. Il-mapbase il-ġdida li tinkorpora l-pjanti li għaddew mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qegħdha fi stadju ta’ testing sabiex jiġi assigurat li ma jkunx hemm konflitt mal-mapbase l-antika u fl-istess ħin ma tkunx ta’ xkiel għax-xogħol ta’ kuljum. Il-pjanti l-ġodda għalhekk mhux ser jinbiegħu minn dan id-Dipartiment sakemm il-mapbase il-ġdida tkun amalgamata b’suċċess mas-sistema kompjuterizzata.

Transport Malta — ħlasijiet pendenti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23908, jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk Transport Malta tkunx infurmata b'dawk il-ħlasijiet li jkunu għadhom dovuti? Kif tista' Transport Malta tgħin biex il-flus dovuti lill-kunsilli lokali jinġabru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi Transport Malta bdiet proċess illi kull xahar tibgħat ittra lis-sidien ta’ vetturi li tkun skaditilhom il-liċenzja tal-vettura tagħhom għal aktar minn tlett xhur. F’din l-ittra Transport Malta qiegħda tinforma lil sid il-vettura bil-ħlasijiet kollha dovuti u dawn jinkludu fost l-oħrajn iċ-ċitazzjonijiet pendenti relatati mal-vettura li jkunu ġew deċiżi mit-tribunali lokali iżda ma jkunux għadhom tħallsu. Infurmat ukoll illi miżura oħra li kienet ħadet l-Awtorità f’Settembru tas-sena 2009 kienet li kull minn jonqos li jħallas il-liċenzja tiegħu għal aktar minn 90 ġurnata jibda jeħel multa amministrattiva ta’ Euro 2 kuljum.

Transport Malta — vetturi reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vetturi reġsitrati fuq is-sistema ta' Transport Malta fl-aħħar tal-2010? Kemm minn dawn il-vetturi ħallsu l-liċenzja matul l-2010? Kemm vetturi jirriżultaw li huma fringed b'mod uffiċjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #24046 Sitting 320 2011-03-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — ċitazzjonijiet pendenti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23908, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif huma maqsuma dawn il-pendenzi sena b'sena mill-2000 sal-lum? Kif jistgħu l-kunsilli lokali jiġbru dawn il-flus dovuti lilhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba. Intant ninsab infurmat li hemm diversi mekkaniżmi legali li wieħed jista’ juża. Uħud mill-kunsilli lokali diġà qegħdin jagħmlu użu minn tali mekkaniżmi fosthom ittri uffiċjali, mandati u sekwestri.

Bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' bus shelters li għandna f'Malta, lokalità lokalità? Kemm hu mistenni li jiżdied in-nurmu ta' bus shelters skont il-ħtiġijiet il-ġodda tat-trasport pubbliku f'Malta? Fejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Selmun — Fort Campbell - proposti ta' żvilupp

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23798, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proposti biex tiġi żviluppata l-Fortizza Campbell f'Selmun? Meta saru dawn il-proposti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proposti li kien hemm biex tiġi żviluppata l-Fortizza Campbell f’Selmun, kienu jikkonsistu minn: · talba biex l-inħawi ta’ Fort Campbell jintużaw bħala National Shooting Range fl-2008, · talba oħra li saret ukoll fl-2008 kienet sabiex isir xogħol ta’ restawr fuq il-Fortizza b’mod volontarju, iżda għalkemm l-individwu li għamel it-talba intalab biex iressaq it-talba tiegħu quddiem is-Sovrintendeza tal-Patrimonju Kulturali, sal-lum ma kien hemm l-ebda risposta, · proposta oħra saret fl-2010 biex tinħoloq fondazzjoni bil-għan li tieħu ħsieb ir-restawr u l-immaniġjar tal-Fortizza u li jkollha l-fakultà li tissulloka partijiet minn din il-proprjetà għal attivitajiet kummerċjali, kif ukoll, · talba oħra fl-2010 sabiex l-inħawi madwar Fort Campbell jintużaw bħala Airsoft Range . Fil-fatt dan l-aħħar, sakemm jiġi deċiż l-aħjar użu għal din il-proprjetà, ingħata permess temporanju lill-għaqda Malta Allied Air Gunners Club sabiex tipprattika dan it-tip ta’ sport fl-inħawi ta’ Fort Campbell, madanakollu, l-permess għadu ma ġiex imħallas.

Burmarrad — triq ħdejn Kennedy Groove u t-Telgħa t'Alla u Ommu - tarmac

Question

Billi t-triq li tibda minn ħdejn Kennedy Grove/Drive u tispiċċa fit-triq li tgħaqqad Burmarrad mat-Telgħa t'Alla u Ommu tinsab fi stat ħażin ħafna, partikularment wara x-xita u l-maltemp ta' dawn l-aħħar jiem, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din it-triq tingħata kisja tarmac?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi din it-triq ma taqax taħt ir-responabilità ta' Transport Malta. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

San Pawl il-Baħar — restawr tas-Salini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda ix-xogħol marbut mar-restawr tas-Salini fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar u li dan l-aħħar ġie approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi finanzjament partikolari mill-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li diġa inħarġet l-ewwel sejħa għal offerti għar-restawr tax-Ximenes Redoubt. Ix-xogħol fuq it-tfassil ta' sejħiet għal offerti oħra għar-restawr tas-salini, rikostruzzjoni tal-'huts', bini ta' iqugħ bħala miżuri għal kontra il-maltemp u 'project management' għal dawn ix-xogħolijiet jinstab fl-aħħar fażi ta' preparazzjoni qabel il-publikazzjoni tagħhom. Fil-preżent għadhom ghaddejjin studji dwar ir-riabilitazzjoni tas-'Salt Marsh' u 'Garrigue' li meta jitlestew jservu bħala bażi għal sejhiet oħra ghall-offerti. Sussegwentement se jinħarġu sejħiet oħra għal xogħol ta' Landscaping. Dawn ix-xogħolijiet mistennija jibdew fl-ahhar kwart ta' din is-sena. Il-progett għandu finanzjament ta' 90% mill-Unjoni Ewropea taħt L-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (2007-2013) – L-Ewropa tinvesti f’Żoni Rurali.

Enemalta — ilmenti mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' sistemi elettorniċi għandha l-Korporazzjoni Enemalta biex tirċievi lmenti mingħand il-kunsilli lokali? X'tip ta' assessjar isir għal tali ilmenti li tirċievi l-Korporazzjoni Enemalta? Kemm irċeviet ilmenti l-Korporazzjoni Enemalta mill-kunsilli lokali, lokal b'lokal matul l-2010? X'tip ta' acknowledgement jingħata f'dawn iċ-ċirkostanzi lill-istess kunsill lokali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni tuża s-sistema elettronika tal-Gvern (e-Gov) u tirċievi ilmenti wkoll bl-email fejn kull ilment jintbagħat għand id-Distrett jew sezzjoni li tikkonċerna l-ilment. Il-kunsill lokali jigi nfurmat appena jkun hemm risposta mingħand id-dipartiment jew sezzjoni konċernata. L-istatiska lokal b’lokal hi kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #23963 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — proċeduri riġidi

Question

Peress li ċerti prattiċi li daħlu fis-seħħ wara l-1 ta' Jannar 2011 f'dak li huwa l-mod ta' kif jiġu proċessati l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed jirriżulta bħala proċeduri riġidi ħafna, u li qed iġibu lmenti kbar kemm mill-periti kif ukoll mill-applikanti, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-proċeduri jerġgħu jiġu analizzati u possibilment mibdula?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-proċessi li qed jintużaw fl-applikazzjonijiet u l-ipproċessar ta' l-istess applikazzjonijiet saru wara konsultazzjoni wiesgħa mal-Kamra tal-Periti kif ukoll mal-Periti f'diversi laqgħat imsejjħa apposta. Wara li ġie ppublikat l-Avviżż Legali No.514 tal-2010, l-MEPA qed tagħmel laqgħat fuq bażi regolari mal-Kunsill tal-Kamra tal-Periti, biex jiġu mistħarrġa l-ilmenti u l-osservazzjonijiet li l-Periti, jqajjmu minn żmien għal żmien. Dawn qed jiġu indirizzati mill-MEPA bl-iskop li ttejjeb is-sistema u s-servizz mogħti lill-periti u l-applikanti.
Leg 11 PQ #24017 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ftehim fuq l-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23804 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u li issa qed tiġi riferuta lilu u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23660, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm persuni/għaqdiet f'Malta li bbenefikaw minn dan il-ftehim kemm ilu li daħal fis-seħħ? Jekk iva, kemm kienu l-individwi/għaqdiet li bbenefikaw? F'liema suġġetti saret il-kollaborazzjoni u f'liema sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L- MCST iffirma ‘Memorandum of Understanding’ ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Poplu Ċiniż għal Ħbiberija mal-Kummissjoni ta’ Kooperazzjoni Ekonomika bejn Pajjiżi Barranin. (Chinese People’s Association for Frienship with foreign Countries Economic Cooperation Commision) fuq kollaborazzjoni fir-Riċerka u Innovazzjoni. Dan il- ftehim ġie ffirmat fis-26 ta’ Novembru 2010 u jikkonstitwixxi dikjarazzjoni fuq l-intenzjonijiet taż-żewġ partijiet mingħajr ebda rbit.

Tiswijiet ta' bankini

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23800, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jew b'ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-servizzi tal-Ilma jew bi ftehim mal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, it-tiswijiet li hemm bżonn isiru fuq il-bankini fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Qawra u Bugibba, wara x-xogħol li sar minn ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, ikun jista' jitlesta u dan għall-benefiċċju ta' dawk kollha li jużaw il-bankini?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 22408. Kif mistqarr fir-risposta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma għamlet kuntatt mal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar, li min-naħa tagħhom kellhom jiġu lura b’risposta ta’ fejn dawn il-bankini kienu jikkonċernaw lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Jekk il-kunsill jinforma lill-korporazzjoni li hemm xi problemi marbutin magħha, tittieħed azzjoni fuq dan.
Leg 11 PQ #9774 Sitting 318 2011-02-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Selmun — Limiti tal-Mellieħa - Fortizza Campbell

Question

Billi l-Fortizza ta' Campbell, Selmun, limiti tal-Mellieħa, ilha issa diversi snin mitluqa, u minnha nsterqu ħafna affarijiet li kien hemm, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-post ma jibqax abbandunat kif inhu llum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 20653.
Leg 11 PQ #22455 Sitting 318 2011-02-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar - permessi għall-bini

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li meta applikaw għal permess tal-bini, fl-inħawi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar intalbu depożitu ta' garanzija għall-ħsarat li jsiru fuq il-bankina, waqt jew wara li jitlesta x-xogħol ta' kostruzzjoni li għalih ikun ħareġ il-permess matul l-2009 u l-2010? Kemm minn dawk li nħarġilhom il-permess matul l-2009 u l-2010 fil-fatt għad baqagħlhom id-depożitu għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li fuq il-Kunsill ta' San Pawl il-Baħar, matul is-sena 2009 ġew deċiżi 95 applikazzjoni li minnhom 92 għandhom il-permess maħruġ u fejn kien hemm garanzija bankarja li tkopri ħsarat fuq bankina u triq skont l-Avviż Legali 295 ta' 2007. Min dawn il-garanziji 74 għadhom miżmuma mill-Awtorità. Matul is-sena 2010 ġew deċiżi 93 applikazzjoni li minnhom 71 għandhom il-permess maħruġ u s'issa l-awtorità għandha 70 garanzija bankarja miżmuma.
Leg 11 PQ #23903 Sitting 318 2011-02-23 Oral · Interim From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

reconsideration tal-Outline permits

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-aħħar tal-2010? Kemm kien hemm talbiet pendenti għal reconsideration? Kemm kien hemm talbiet pendenti għall-appelli? Minbarra hekk jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' outline permits validi fl-aħħar tas-sena 2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.