TM — korrispondenza ma' persuni li ma jħallsux road tax
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24221, billi fir-risposta jingħad li f'Diċembru 2010 kien hemm 26, 217 vetturi li kellhom il-liċenzja mhux imħallsa, ħafna minnhom li ilhom snin twal pendenti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn meta Transport Malta bdiet, kull xahar, tibgħat ittra lis-sidien ta' vetturi li tkun skaditilhom il-liċenzja tagħhom għal aktar minn tliet xhur? X'kienu r-riżultati miksuba s'issa b'din is-sistema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li kien minn Frar ta' din is-sena li Transport Malta bdiet il-proċess li kull xahar tibgħat ittra lis-sidien ta' vetturi li tkun skaditilhom il-liċenzja tal-vettura tagħhom għal aktar minn tlett xhur. F'Marzu inbgħatet notifika oħra.
Permezz ta' din is-sistema, fix-xahar ta' Frar ġew regolarizzati 564 vetturi u l-awtorità ġabret madwar €319,544 f'arretrati ta' liċenzji.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24363, billi jidher li fit-tibdil neċessarju li qed isir fil-venda ta' Buġibba/Qawra, mhux se jkun hemm spazju għall-information kiosks għall-użu tat-turisti u l-Maltin, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta tistax tiddiskuti ma' Trasport Malta l-possibiltà li jinsab spazju minn fejn tkun tista' titqassam informazzjoni importanti kemm lill-Maltin kif ukoll lill-barranin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta qegħda tilqa’ s-suġġeriment magħmul minnu f’dan ir-rigward u, għaldaqstant, uffiċċjali mill-MTA sejrin jitolbu laqgħa ma’ uffiċċjali ta’ Transport Malta sabiex tkun diskussa l-possibilta’ ta’ spazju adegwat li jista’ jservi ta’ “Tourist Information Office” fil-binja msemmija li se titella’ f’Buġibba mill-istess Transport Malta.
Marsa — xogħlijiet fi Triq is-Sajjied ma' Xatt il-Ħatab
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ix-xogħol li hu meħtieġ li jsir fil-kantuniera ta' Triq is-Sajjied, ma' Xatt il-Ħatab, fil-Marsa, jitlesta kemm jista' jkun malajr billi dan il-post ilu miftuħ għal diversi ġimgħat b'periklu għal dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet qed isiru mill-Water Services Corporation u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
San Pawl il-Baħar — Korporazzjoni Enemalta - xogħol ta' kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' bozoz li nqalgħu minħabba xogħol ta' kostruzzjoni, matul l-aħħar sentejn, f'San Pawl il-Baħar? F'liema toroq kienu jinsabu? F'kemm minn dawn il-każijiet, il-Korporazzjoni Enemalta, infurmat lill-kunsill lokali li fil-fatt kienet se taqla' temporanjament dawn il-bozoz? Kemm minn dawn reġgħu twaħħlu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta ma żżommx informazzjoni kif mitluba. L-informazzjoni li tinżamm hija dik ta’ kemm talbiet kien hemm biex jitneħħew linji li mhux kollha jinkludu tneħħija ta’ bozoz. Meta jkun hemm bozoz involuti u li jkunu devoluti lill-kunsill dawn jiġu skonnetjati biss u l-kunsill jiġi avżat biex ineħħi l-bozza. Meta jitlesta x–xogħol tal-kostruzzjoni l-kunsill jerġa’ jistalla l-bozza u l-Enemalta tikkonnettja. Bozoz li m’humiex devoluti tneħħihom u terġa’ tistallhom l-Enemalta.
Mellieħa — Korporazzjoni Enemalta - xogħol ta' kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm bozoz li nqalgħu minħabba xogħol ta' kostruzzjoni, matul l-aħħar sentejn, fil-Mellieħa? F'liema toroq kienu jinsabu? F'kemm minn dawn il-każijiet il-Korporazzjoni Enemalta infurmat lill-kunsill lokali, li fil-fatt kienet se taqla' temporanjament, dawn il-bozoz? Kemm minn dawn l-istess bozoz reġgħu twaħħlu?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24366.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm interventi mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, f'San Pawl il-Baħar (il-lokalità kollha) matul l-aħħar 6 xhur tal-2010, li kienu jinvolvu ukoll xogħol li kellu jsir fuq il-bankina? F'liema toroq sar dan ix-xogħol? X'tip ta' tiswija ssir mill-korporazzjoni fuq il-bankini, meta jkun meħtieg li dawn jinqalgħu? Jista' jagħti tagħrif jekk hux normali li qabel, jew wara, jew it-tnejn, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinforma lill-kunsill lokali konċernat li tkun għamlet dak ix-xogħol?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul l-aħħar 6 xhur tas-sena l-oħra, saru 733 intervent li kellhom jintmessu l-bankini mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’diversi toroq fil-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar.
It-tiswijiet li jsiru jiddependu mill-wiċċ eżistenti tal-bankina, fis-sens li jekk il-wiċċ kien siment, it-tiswija ssir bis-siment; jekk il-wiċċ kien bil-
paving blocks
, dawn jinqalgħu u jerġgħu jitqiegħdu.
Il-kunsill ikun imwissi qabel isir ix-xogħol (isir il-permess meħtieġ lill-kunsill). Ta’ min igħid ukoll li wara li jsir ix-xogħol, il-korporazzjoni tibgħad kull ġimgħa lista’ tax-xogħlijiet kollha li jkunu saru mill-korporazzjoni fit-toroq tal-kunsill. Din il-lista, madanakollu, ma tinkludix xogħol li jsir biss fuq il-bankina, fejn ma tintmissx it-triq (it-tarmac).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir ix-xogħol meħtieg, kemm ta' drenagg, kif ukoll ta' ilma, li jrid isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fi Triq Għar Berbaħ, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, issa li jidher li Transport Malta għandha pjan biex din it-triq tkun tista' tigi asfaltata?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol ta’ ilma fi Triq Għar Berbaħ se jsir mill-istess kuntrattur li ser jasfalta din it-triq. Ix-xogħol tad-drenaġġ ikun jista’ jsir meta tiġi ffurmata l-medda kollha ta’ Triq Simar.
Jista' l-Ministru jitlob lill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni tinvestiga ma' GO, dwar x'inhi r-raġuni li għaliha għadha ma wettqitx ix-xogħol li għandha bżonn tagħmel min-naħa tagħha, biex ix-xogħol infrastrutturali l-ieħor li kien qed isir mill-Kunsill Lokali fi Triq San Gorg, San Pawl il-Baħar ikun jista' jitkompla, u dan biex jinqatgħu darba għal dejjem bosta nkonvenjenti li minnhom qed ibatu r-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt, speċjalment l-aħħar paragrafu, għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24085.
TM — passi kontra persuni li ma jħallsux il-liċenzja tal-vettura
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każi li fihom Transport Malta qed tieħu passi bil-Qorti kontra persuni li ma ħallsux il-liċenzja tal-vettura tagħhom (road tax) għal numru ta'snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda tieħu passi kontra mitejn tmienja u erbgħin (248) persuna li għandhom il-liċenzja tal-vettura tagħhom mhux imħallsa.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet għall-facilitajiet agrikoli, inkluz serer u binjiet għat-trobbija tal-annimali li ġew ikkunsidrati mill-bordijiet tal-Awtorità ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar bejn Jannar u Frar, 2011?
Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati u kemm ġew rifjutati?
F'liema lokalitajiet jinsabu l-applikazzjoniiet li ġew approvati/rifjutati rispettivament?
TM — korrispondenza ma' persuni li ma jħallsux road tax
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vetturi li jirriżultaw li ma ħallsux ir-road tax (licenzja tal-vettura) skont l-informazzjoni li għandha Transport Malta?
X'tip ta' korrispondenza tinżamm bejn Transport Malta u s-sidien tal-vetturi li ma jħallsux l-liċenzja?
X'notifika tingħata lil tali sidien min-naħa ta' Transport Malta biex dawn is-sidien ikunu nfurmati bin-nuqqas tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta’ Diċembru 2010 kien hemm 26,217 vettura li kellhom il-liċenzja mhux imħallsa, ħafna minnhom li ilhom snin twal pendenti.
Transport Malta bdiet proċess li kull xahar tibgħat ittra lis-sidien ta’ vetturi li tkun skaditilhom il-liċenzja tal-vettura tagħhom għal aktar minn tliet xhur. F’ din l-ittra Transport Malta qiegħda tinforma lil sid il-vettura bil-ħlasijiet kollha dovuti bħal liċenzji u dawn jinkludu wkoll iċ-ċitazzjonijiet pendenti relatati mal-vettura li jkunu ġew deċiżi mit-tribunali lokali iżda ma jkunux għadhom tħallsu.
L-awtorità qed tinforma wkoll lis-sidien tal-vetturi illi jekk jonqsu milli jħallsu l-liċenzja tagħhom għal aktar minn 90 ġurnata minn meta tkun skadiet, jibdew jeħlu multa amministtrativa ta’ €2 kuljum.
F’Settembru ta’ l- 2010, Transport Malta nediet ukoll servizz ġdid msejjaħ ‘TM Alerts’. Dan is-servizz jagħmel parti mis-servizzi
online
li l-gvern nieda matul dawn l-aħħar snin.
Is-servizz TM Alerts qiegħed jwassal lil dawk li jirreġistraw għal dan is-servizz biex jirċievu, mingħajr ħlas, notifiki, jew b’sms jew b’email, dwar l-VRT u l-liċenżja tal-vetturi tagħhom u ħlasijiet dovuti bħal multi u spejjeż oħra dovuti bħal dawk tas-CVA.
L-għan aħħari ta’ dawn is-servizzi
online
huwa li l-pubbliku jkun moqdi b’mod aħjar u mill-kumdità tad-dar filwaqt li jgħinu lill-Transport Malta tisfrutta l-effiċjenzi li jipprovdu servizzi ta’ din ix-xorta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarx xi progress partikulari biex it-triq li tgħaqqad Burmarrad mal-inħawi taż-Żebbiegħ, u li sservi ta' triq importanti għal dawk kollha li joqogħdu l-Wardija, fil-fatt tkun tista' tingħata wiċċ bit-tarmac, u dan għall-benefiċċju ta' dawk kollha li joqogħdu l-Wardija, kif ukoll dawk kollha li jgħaddu minn dawn l-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-pożizzjoni ta' Transport Malta għada l-istess u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9247.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun hemm information kiosks fil-venda tat-trasport pubbliku f'Buġibba? Jekk iva, kemm ser ikun hemm minn dawn il-kiosks u minn min ser jintużaw? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx possibilità li xi wieħed minn dawn il-kiosks jintuza mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi fil-venda ta’ Buġibba se jkun hemm binja li sejra tinkludi fiha uffiċċju, faċilitajiet sanitarji għax-xufiera, kif ukoll uffiċċju ieħor li jipprovdi informazzjoni dwar is-servizz tat-trasport pubbliku.
Infurmat ukoll illi mhux ikkontemplat illi jkun hemm aktar
information kiosks
f’din il-facilità, primarjament minħabba l-limitazzjoni ta’ l-ispazju.
Jista' l-Prim Ministru jagħti indikazzjoni ta' x'passi jista' jieħu sid ta' proprjetà li hi mdawra bit-toroq min-naħa kollha tal-blokka fejn hi mibnija, bil-blokka tal-bini kollha tifforma parti integrali mir-raħal fejn tinsab, iżda li għal xi raġuni, meta saru l-pjanti (local plans) ġiet indikata bħala li ma tifformax parti mir-raħal, biex din l-blokka tiġi inkorporata mal-pjan lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill Onor Interpellant li l-awtorità għandha bżonn site plan li tindika l-blokk imsemmi biex tkun tista’ tagħti l-informazzjoni.
Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — liċenzjar ta' restaurants, bars u snack bars
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' restaurants, barsu snack bars li huma licenzjati mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta f'kull waħda mil-lokalitajiet tal-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi n-numru ta’ restaurants, bars u snack bars liċenzjati mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta fil-Mellieħa, l-Imġarr, Naxxar u San Pawl il-Baħar hu kif spjegat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' liċenzji tal-Pulizija li hemm fl-inħawi tal-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar rispettivament, li bihom joperaw catering establishments?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant ġentilment nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' liċenzji ta' operazzjoni kummerċjali li hemm fil-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, skont il-kategoriji ta' liċenzji li għandha d-Diviżjoni tal-Kummerċ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni Maltin li hu magħruf li jaħdmu fil-Libja, kemm ma' kumpaniji Maltin, kif ukoll ma' kumpaniji mhux Maltin?
Tista' tagħti l-informazzjoni dwar in-numru ta' dawk li jaħdmu ma' kumpanijii Maltin, stabbiliti Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk wara li sar il-cover tal-pjanċi fil-mina ta' Santa Venera biex l-ilma ma jibqax jinżel fuq it-tarmac, Transport Malta għamlitx xi testijiet oħra biex tara jekk il-mina hux qed issirilha xi ħsara ġdida minħabba l-istess ilma li qed jinfed il-blat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta qabbdet Structural Engineer biex għamel studju fuq it-tunnel fejn hemm il-post li minnu joħrog l-imsemmi ilma. Saru testijiet anke billi nqata' sample biex ġie ċċekkjat il-kundizzjoni tal-konkos. Mit-testijiet li saru irriżulta li l-konkos għadu ta' kwalità tajba. Dan it-test sar eżatt qabel ma' twaħħal l-imsemmi ilqugħ tal-ilma, liema ilqugħ mhu qed jagħmel xejn differenti ħlief li l-ilma li jaqa' jiġi ddevjat għall-ġenb.
Persuni li daħlu fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li daħlu fl-emerġenza ta' l-Isptar Mater Dei, matul Ottubru, Novembru u Dicembru 2010 u Jannar 2011 rispettivament?
Kif jitqabbel dan in-numru man-numru ta' persuni li daħlu fl-emerġenza matul ix-xhur, Ottubru, Novembru u Dicembru 2009 u Jannar 2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-numru ta’ attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei matul il-perjodu indikat huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt. It-tabella tinkludi wkoll dettalji dwar attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Xahar
Attendenzi
Xahar
Attendenzi
Differenza
Ottubru 2010
9134
Ottubru 2009
8494
+ 640
Novembru 2010
8944
Novembru 2009
8514
+ 430
Diċembru 2010
8784
Diċembru 2009
8407
+ 377
Jannar 2011
8998
Jannar 2010
8350
+ 648