Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar jekk is-sezzjoni ta' Transport Malta responsabbli mill-Avjazzjoni Ċivili għandhiex il-ħsieb li tbiddel xi wħud mir-radars li għandna bħalissa f'Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materja in kwistjoni ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex il-ħsieb li twettaq programm ta' xogħol li permezz tiegħu l-mains tal-ilma fil-bliet u rħula tagħna jibdew jitqiegħdu fuq iż-żewġ naħat tat-triq, biex jiġu ffrankati ħafna spejjeż żejda ta' manutenzjoni kemm fil-mainsinfushom, kif ukoll fit-toroq?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tqiegħed il-mains tal-ilma fuq iż-żewġ naħat tat-triq meta l-wesgħa tat-triq tippermetti u meta ma jkunx hemm ħafna iktar servizzi mqiegħda diġà.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-etajiet tal-membri tal-Korp tal-Pulizija skont l-age groups: 20-30 sena u 30-40 sena u għall-perjodi oħra ta' għaxar snin skont in-numru ta' membri tal-korp li huma attivi fl-istess korp?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika kompjuterizzata u għalhekk jenħtieġ ammont sostanzjali ta' ħin u jinvolvi ħafna riżorsi sabiex dan l-eżerċizzju isir.
Ta' Qali — Suq miftuħ tal-bdiewa - prodott mhux agrikolu lokali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' każijiet li fihom nstab li min kien qed ibigħ il-prodotti fis-suq miftuħ tal-bdiewa f'Ta' Qali (imexxi mill-bdiewa stess) fil-fatt ma kienx (jew allegatament ma kienx) qed ibigħ prodott agrikolu lokali? X'passi ttieħdu f'dawn iċ-ċirkostanzi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kien hemm każ wieħed biss li fih nstab li wieħed mill-bdiewa kien qed ibigħ il-prodott agrikolu mhux lokali fis-suq miftuħ tal-bdiewa f'Ta' Qali. Dan il-fatt kien stabbilt mill-Uffiċjali tad-Dipartiment wara li sar l-istħarriġ neċessarju inkluż spezzjoni fuq l-istess għalqa kif kienet indikata mill-istess bidwi bħala minn fejn tkabbar il-prodott. Skont l-istess kundizzjonijiet li ffirmaw għalihom il-bdiewa kollha fuq dawn is-swieq, dan il-bidwi kien ipprojbit li jkompli jbigħ fuq dawn is-swieq.
Uffiċċju tal-Land Registry — sistema aġġornata ta' pjanti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Uffiċċju tal-Land Registry iffinalizzax jew le l-eżerċizzju li kellu jagħmel biex ikun jista' jibda juża s-sistema aġġornata tal-pjanti li għaddiet lill-Land Reġistry mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Meta hu mistenni li jintemm dan l-eżerċizzju?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-eżerċizzju sar u qiegħed issa fi stat li jiġu studjati l-misuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni sabiex jiġu nkorporati l-pjanti eżistenti ma' dawk aġġornati. Huwa maħsub li l-mapbase aġġornata tkun operativa f'Ġunju ta' din is-sena jekk ma' jinqalgħux problemi mmprevisti.
San Pawl il-Baħar — Triq iċ-Ċagħaq u Triq il-Lampuki - Karozza
Question
Billi fil-kantuniera ta' bejn Triq iċ-Ċagħaq u Triq il-Lampuki, f'San Pawl il-Baħar xi ħadd ħalla karozza hemm li l-liċenzja tagħha għalqet u issa qalgħulha ukoll in-number plates, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-karozza titneħħa minn fejn qiegħda?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija fit-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, ma jirriżultax li hemm xi vettura abbandunata mingħajr il-pjanċi tar-reġistrazzjoni.
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jassigura li x-xogħol li qed isir bħalissa fuq diversi bus stops, madwar Malta, ma jikkawżax problemi billi l-arbli li qed jitwaħħlu ma jitwaħħlux f'nofs il-bankina kif jidher li diġà hu l-każ, f'xi okkazjonijiet? Jista' l-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol jingħata struzzjonijiet biex ma jwaħħalx l-arbli b'mod li jtellef lil min ikun għaddej minn fuq il-bankina?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-osservazzjoni tiegħu lil Transport Malta. Intant ninsab infurmat li Transport Malta għandha linji gwida dwar kif għandhom jitwaħħlu l-arbli fuq il-bus stops. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra estratt tad-dokument rilevanti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari dwar dawk li huma proposti fuq Forti Campbell f'Selmun, limiti tal-Mellieħa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-uniku żvilupp ġdid li kien hemm dwar Forti Campbell f’Selmun kien l-interess li ntwera mill-Kunsill Lokali Mellieħa, sabiex din il-fortizza tiġi devoluta lilu biex tkun parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni taż-żoni magħrufa bħala l-Imġiebaħ u Selmun, liema proġett se jkun iffinanzjat minn fondi speċjali tal-Unjoni Ewropea. Madanakollu, d-dipartiment għad m’għandux talba uffiċjali mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali għad-devoluzzjoni ta’ din il-fortizza skont kif titlob il-prassi dwar Devoluzzjoni Lokali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21901 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa qed tiġi riferuta lilu u ċioe: B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21507, jista' l-Ministru jindika jekk barranin li jiġu joqogħdu f'Malta bil-vettura tagħhom, fil-fatt jiġux reġistrati bħala li impurtaw il-vettura tagħhom f'pajjiżna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Artikolu 18 tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Liċenzjar ta’ Vetturi bil-Mutur tippermetti u teżenta minn kull restrizzjoni jew limitazzjoni lil persuni li jkollhom residenza normali tagħhom barra minn Malta, li jġibu vettura privata li tkun reġistrata f’pajjiż ieħor li tiddaħħal f' Malta temporanjament għall-perjodu, konsekuttiv jew mod ieħor, li ma jkunx jaqbeż seba’ xhur f’perjodu ta’ tnax-il xahar.
Tali vettura tkun tista' tintuża fit-triq mingħajr ma tkun tħallset fuqha t-taxxa ta' reġistrazzjoni.
Għaldaqstant dawn il-vetturi ma jiġux reġistrati mill-awtorità.
San Pawl il-Baħar u Qawra — servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol infrastrutturali marbut mas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ li għad irid isir fit-toroq Tamar, Port Ruman u Andrew Cunnigham fil-Qawra, San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol infrastrutturali marbut mas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ jikkonsisti fi tqegħid ta’ 260m ta’ mains tad-drenaġġ u 275m ta’ mains tal-ilma fi Triq Tamar/Port Ruman. L-ebda xogħol ma hu previst fi Triq Andrew Cunningham.
Ix-xogħol mistenni isir bejn Lulju u Settembru 2011.
San Pawl il-Baħar — Triq San Ġorġ - proċess għall-cable
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji permezz ta' Transport Malta biex jiġi assigurat li l-Kumpanija Go tħaffef il-proċess biex il-cable tagħha jitqiegħed fil-fond rikjest, jew jiġi protett b'mod ieħor, fi Triq San Ġorġ, San Pawl il-Baħar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-cable li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant ġie mikxuf waqt li qed isiru xogħlijiet min naħa tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Minn informazzjoni li għandha Transport Malta jidher li għaddejjin diskussjonijiet bejn il-kunsill lokali u l-kumpanija Go rigward dan il-cable sabiex ikunu jistgħu jitkomplew ix-xogħlijiet fuq Triq San Ġorġ. Nirrimarka li sallum Trasport Malta ma rċeviet l-ebda talba mill-kunsill lokali sabiex tassisti f’dawn id-diskussjonijiet. Ladarba jsiru t-talbiet formali Transport Malta tkun lesta tintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni adekwata fl-interess taż-żewġ partijiet.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslet l-applikazzjoni għall-pelican lights fi Triq il-Wilġ, San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti tagħrif dwar meta se jiġu rranġati l-pelican lights fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar peress li issa għaddew diversi ġimgħat minn meta tkissru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-pelican lights fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar u pelican lights fi Triq il-Wilġ, San Pawl il-Baħar se jiġu stallati fi ġranet li ġejjin.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif jitħaddem l-adjustment fund f'dak li jikkonċerna l-estimi tal-kunsilli lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-fond tal-aġġustament, 5.61% tal-allokazzjoni finanzjarja annwali tal-kunsilli lokali, jew €1,572,151 (fl-2011), tiġbor fiha s-somma li kienet tkun allokata għat-tindif tax-xtut u l-latrini pubbliċi li kieku l-formula ġdida ta’ finanzjament li bdiet minn Jannar 2010 ma ħaditx post il-formula ta’ finanzjament li kienet fis-seħħ bejn April 2000-Diċembru 2009.
Dan il-fond inħoloq biex kunsilli lokali li kienet se tonqsilhom sostanzjalment l-allokazzjoni finanzjarja bit-tibdil tal-formula ta’ finanzjament jiġu kkumpensati biex b’hekk seta’ jinżamm il-fattur ta’ ekwità.
Dan il-fond ta’ aġġustament ħa ammont ta’ flus mill-kunsilli lokali li għandhom it-tindif tax-xtut u l-latrini pubbliċi biex ikkumpensa lill-kunsilli lokali li kien se jkollhom tnaqqis sostanzjali bid-dħul fis-seħħ tal-formula ġdida ta’ finanzjament.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema huma l-iskejjel statali li hu mistenni li jiġu estiżi, jew mibnija ġodda matul il-ħames snin li ġejjin? F'kull każ, meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol infrastrutturali meħtieġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul dawn il-ħames snin li ġejjin huwa pjanat illi jinbnew dawn l-iskejjel ġodda:
· Skola Sekondarja Bniet Qormi (Ħandaq) – huwa pjanat li titlesta fis-sena 2012;
· Skola Sekondarja Bniet Kirkop – huwa pjanat li titlesta fis-sena 2013;
· Skola Sekondarja Subien Paola – huwa pjanat li titlesta fis-sena 2014; u
· Ħamrun (M’Assumpta Site) – huwa pjanat li titlesta fis-sena 2015.
Matul dawn il-ħames snin li ġejjin huwa pjanat li jiġu estiżi dawn l-iskejjel:
· Skola Sekondarja Bniet Żejtun (Carlo Diacono) – huwa pjanat li titlesta fis-sena 2011/2012;
· Skola Sekondarja Bniet Mosta (Lily of the Valley) – huwa pjanat li titlesta fis-sena 2011/2012;
· Skola Primarja Marsascala – huwa pjanat li titlesta fis-sena 2011/2012; u
· Skola Primarja San Gwann – huwa pjanat li titlesta fis-sena 2013.
· Kulleġġ San Injazju, Ħandaq – kumpless sportiv ‘
indoor’
/
Multi-purpose hall
2013/14
Diġa’ bdew isiru preparamenti sabiex ikun jista’ jibda x-xogħol f’kull każ. Dwar estensjonijiet oħra wara l-2013 bħalissa qegħda tiġi deċiża l-prijorità ta’ numru ta’ proġetti skont l-esiġenzi tal-iskejjel.
Federazzjoni Maltija tal-Isparar — support lit-tiraturi
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux f'qagħda li jagħti tagħrif dwar kif hu mistenni li l-Ministeru jagħti s-sapport tiegħu lill-Federazzjoni Maltija tal-Isparar biex din tkun tista' tattira iktar tiraturi, Maltin u barranin, lejn pajjiżna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) għandu skemi li permezz tagħhom jassisti lill-għaqdiet sportivi kemm biex ikabbru d-dixxiplini sportivi tagħhom fost il-komunità lokali kif ukoll biex jattiraw barranin jipprattikaw id-dixxiplina f’Malta. Dawn huma l-Youth Development Scheme u l-iSport Tourism Scheme. Il-Federazzjoni Maltija tal-isparar gawdiet miż-żewġ skemi.
MTA — Federazzjoni Maltija tal-Isparar - pjanijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandhiex il-ħsieb li tiddiskuti mal-Federazzjoni Maltija tal-Isparar biex flimkien ifasslu pjan biex jattiraw turisti mill-qasam tal-isparar lejn pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-entità kkonċernata qed tiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant u hekk kif dak l-eżerċizzju jkun finalizzat, l-informazzjoni tiġi ppreżentata.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21507, jista' l-Ministru jindika jekk barranin li jiġu joqogħdu f'Malta bil-vettura tagħhom, fil-fatt jiġux reġistrati bħala li impurtaw il-vettura tagħhom f'pajjiżna?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mit-trasport.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jirranġaw, b’mod permanenti, il-main tal-ilma li diġà ġie rranġat fi Triq San Franġisk, San Pawl il-Baħar, fil-parti tat-triq li fiha preżentement qed isir proġett b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali, b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea biex ma jkunx hemm ħtieġa li tinqala’ t-triq ftit wara li x-xogħol ikun tlesta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet il-passi biex immedjatament twaqqaf l-ilma ħiereġ u saret ukoll tiswija permanenti.
Jista l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti għall-istallazzjoni tal-arloġġi tad-dawl f’kull waħda mil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.