B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25939, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-każ ta' San Pawl il-Baħar fejn il-leakage rekordjat hu ta' 10.2 m3 kull siegħa, hemmx records dettaljati dwar liema huma l-inħawi li fihom hemm il-leakages indikati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
vetturi reġistrati Malta — kwestjoni dwar ħlas żejjed
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25976 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar jekk dawk is-sidien tal-vetturi li ġew reġistrati f'Malta u li kienu ħallsu aktar milli kien dovut, u li kellhom jingħataw lura dak li ħallsu żejjed, fil-fatt kellhomx jagħmlu xi applikazzjoni partikolari biex jingħataw lura dak il-ħlas?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jassigura li fuq il-bus stops li għandna madwar Malta, fejn qed jitwaħħlu arbli ġodda li nassumi se jintużaw għas-sistema ġdida tat-trasport pubbliku fil-fatt dawn l-arbli jitwaħħlu mingħajr ma jikkawżaw inkonvenjenzi lil dawk li jkunu se jużaw l-istess bankini?
Trasport Malta — roundabout fin-naħa t'isfel t'Alla u Ommu
Question
Jista' l-Ministru permezz ta' Trasport Malta jara li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex ir-roundabout fin-naħa t'isfel tat-telgħa t'Alla u Ommu, limiti tan-Naxxar, tiġi mdawla b'mod aħjar, billi jiġi assigurat li l-periklu kkawżat minn nuqqas ta' dawl jiġi rimedjat, u hekk is-sewwieqa li ma jafux l-inħawi tajjeb biżżejjed jiġu diretti b'mod aħjar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa qed isiru tip ta’ marki ġodda f’din iż-żona bħala parti minn proġett pilota għal sinjali ta’ traffiku fejn it-triq tkun imdallma. Il-materjal li qed jintuża huwa tip ta’ thermoplastic biż-żibeġ tal-ħġieġ (glass beads) fih li jippermetti rifless ħafna aħjar bil-lejl. B’hekk is-sewwieqa jkunu jistgħu jaraw l-allinjament tat-triq aħjar anke bil-lejl.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 25866, jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk Transport Malta tikkoordinax ukoll mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex xogħlijiet fuq il-bankini li jkunu meħtieġa wara li jinbnew ċerti binjiet fil-fatt jitlestew fl-iqsar żmien possibbli? Jista' jagħti tagħrif ukoll dwar jekk Transport Malta għandhiex xi spetturi li jinnotaw dawn it-tip ta' xogħlijiet neċessarji?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma tagħmilx dan it-tip ta’ ko-ordinazzjoni mal-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għaliex m’għandiex il-mandat legali li tagħmlu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi indikazzjoni li l-problema kkawżata mill-bumunqar aħmar fis-siġar tal-palm hijiex qed tonqos inkella le? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' palm li hu magħruf li tqaċċat minħabba din il-problema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li m’hemmx indikazzjoni li juru jekk hux qed tonqos il-problema ikkawżata mill-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm jew le, madankollu, s-sitwazzjoni tidher li qiegħda taħt kontroll.
In-numru ta' siġar tal-palm li hu magħruf li tqaċċat f’dawn l-aħħar snin minħabba din il-problema huwa kif gej:
Sena
Numru ta’ Siġar
2008
193
2009
822
2010
1067
2011
301
(sal-lum il-ġurnata)
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux infurmat dwar jekk il-problema tat-Tuta Absoluta li kellna f'Malta f'dak li hu tkabbir tat-tadam f'Malta, b'mod partikulari matul l-2009, irrepetietx ruħha s-sena l-oħra? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-indikazzjonijiet dwar din il-problema din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sena l-oħra kienet reġistrata tnaqqis konsiderevoli fl-infestazzjoni ta’ din il-baħrija li ssarfet f’anqas telf ekonomiku għal bdiewa li li jkabbru tadam.
Matul 2010 il-Ministeru nhieda Pjan Nazzjonali ta’ kontroll u għalhekk l-infestazzjoni medja tax-xitel tat-tadam kien anqas minn 2 %. Dan huwa tnuqqis konsiderevoli meta mqabbla mal-infezzjoni fl’ 2009 li kienet qabzet l-40%. L-indikazzjonijiet preliminari s’issa għal din is-sena huma li l-infezzjonijiet kienu minimi. Madankollu wieħed irid jistenna l-andament matul is-sajf sabiex ikollu stampa aktar ċara.
Transport Malta — standards dwar pajpijiet/cables taħt l-art
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għandhiex xi standards partikolari li fuqhom iridu jimxu l-korporazzjonijiet jew entitajiet kummerċjali oħra meta jiġu biex iqiegħdu pajpijiet jew cables taħt l-art li jistabbilixxu l-fond li fihom għandhom jitqiegħdu dawn il-pajpijiet/cables? X'tip ta' spjegazzjonijiet isiru minn Transport Malta biex jassiguraw li dawn l-istandards jiġu osservati?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25885, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kriterji tuża l-Arms Ltd biex taċċerta li dawk li jiddikjaraw li huma residenti f'post partikolari fil-fatt ikunu residenti f'dak il-post partikolari?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-sid tal-kont huwa responsabbli sabiex jiddikjara liema jkunu dawk il-persuni residenti fl-istess fond.
Persuna hija eliġibli għal sussidju fuq fond wieħed biss, u ARMS Ltd. tinvalida l-informazzjoni dikjarata elettronikament.
Hija deċiżjoni tal-persuna nnifisha sabiex tiddeċiedi fuq liema fond għandha tirċievi dan is-sussidju.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet ta' oil spills fil-baħar rappurtati lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul l-2007, 2008, 2009 u l-2010 sa Mejju? X'passi ttieħdu mill-awtorità wara dawn ir-rapporti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-oil spills m’humiex taħt ir-responsabbiltà tal-MEPA.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kuntratti jsiru mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma' sidien ta' proprjetà li tkun se tiġi effetwata minn PC applications li joriġinaw mill-Awtorità ta' Malta tal-Ambjent u l-Ippjanar stess peress li jidher li filwaqt li l-Awtorità tinsisti għal ċertu clearance meta l-PC application tkun qegħda ssir mill-privat, iżda ma jkunx hemm l-istess talba għall-clearance meta t-talba ssir mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li meta applikazzjoni tiġi oriġinata mill-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar, il-proċedura addottata hija dkont ir-regolament numru 6 ta’ l-Avviż Legali 71 ta’ l-2007 (Proċedura għal Modifiki Minuri ta’ Pjanijiet Sussidjarji). Dan ir-regolament ma jipprovdix li jrid ikun hemm dikjarazzjoni ta’ kunsens minn terzi persuni affetwati bil-proposta għax l-awtorità trid tikkonsidra li l-proposta hija fl-interess tal-ippjanar siewi tal-inħawi.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx talbiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinfetħu, jew jiġu restawrati xi shelters tal-gwerra li għandna f'Malta u Għawdex? Jekk iva, liema huma dawn ix-shelters? Hemm xi skema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew tal-gvern li permezz tagħha min hu interessat li jagħmel dan ix-xogħol jingħata għajnuna finanzjarja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li hemm tlett applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinfetħu jew jiġu restawrati xi shelters tal-gwerra f'Ħaż-Żabbar, Ħal-Kirkop u l-Mosta. Hemm applikazzjoni oħra sabiex isir mużew ma' shelter fil-Birgu. Qatt ma kien hemm skema ta' għajnuna finanzjarja mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew tal-gvern għal dan ix-xogħol.
Minn żmien għal żmien, inħarġu skemi li permezz tagħhom kunsilli lokali, għaqdiet non-governattivi jew individwi setgħu japplikaw għall-fondi biex jiġu restawrati
shelters
jew attrazzjonijiet oħra fil-lokal. Normalment dawn il-fondi ma jkunux speċifikament marbuta ma’ restawr imma jkunu intiżi biex itejbu l-prodott turistiku. Għalhekk ir-restawr irid isir bħala parti minn pjan ħolistiku u li jservi biex jiġbed it-turisti lejn iż-żona fejn tinstab l-attrazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi skema tal-gvern li permezz tagħha jkunu jistgħu jingħataw għajnuniet biex bihom jiġu restawrati niċeċ/statwi li għandna mifruxa madwar Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-MEPA permezz tal-Environment Initiatives in Partnerships Programme iffinanzjat ir-restawr ta’ diversi niċeċ u statwi. Bir-riforma li saret fil-liġi tal-MEPA dan il-fond issa ġie nkorporat fl-Environment Fund. Barra dan, diversi kunsilli lokali bbenefikaw ukoll minn skema li ħarġet għar-‘Restawr ta’ postijiet storiċi żgħar’ li kienu jinkludu fost oħrajn niċeċ u statwi.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-aħħar tal-2010? Kemm kien hemm talbiet pendenti għal reconsideration? Kemm kien hemm talbiet pendenti għall-appelli? Minbarra hekk jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' outline permits validi fl-aħħar tas-sena 2010?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, fl-aħħar tas-sena 2010 l-awtorità kellha quddiemha 4,154 applikazzjoni validatati u attivi u 891 applikazzjoni pendenti għal reconsideration.
Id-data ta’ skadenza tal-permessi ma tinżammx fis-sistema tal-informatika tal-awtorità u għalhekk l-awtorità m’hijiex f’pożizzjoni li tagħti n-numru eżatt ta’
outline permits
validi fl-aħħar tas-sena 2010. Però bħala gwida qed tingħata l-informazzjoni hawn taħt imniżżla.
Mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2010, ingħataw 1310
outline permit.
Dan pero ma jfissirx li kien hemm 1310
outline permits
validi minħabba li l-validità tal-permessi tvarja minn sena għal ħames snin.
B’referenza għall-interpellanza tal-Onorevoli Interpellant dwar it-talbiet għall-appelli, irid jingħad li fil-31 ta’ Diċembru 2010 kien hemm 1401 appelli pendenti quddiem il-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar. Minn dawn kien hemm 1195 appelli pendenti li kien għadhom qed jiġu pproċessati u 206 appelli proċessati li qed jistennew is-sentenza/deċiżjoni.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif, fil-kazi fejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar titlob garanzija bankarja biex jiġi assigurat li l-bankini li jkunu se jitkissru fil-proċess tal-bini skont il-permess li jkun ħareġ, min ikun inħariġlu l-permess jimxi mal-kundizzjoni li jrid jirranga l-bankina fil-każ li jkissirha?
X'follow up isir mill-awtorità biex jiġi assigurat li min ikollu tali permess jirranġa l-bankina fl-iqsar żmien possibbli, għaliex ma jagħmilx sens li l-bankini jibqgħu mkissra għal żmien twil, minħabba li xi xogħol ikun għadu mhux lest?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi l-Immaniġġar Ambjentali tar-Regolamenti tal-2007 tas-Siti tal-Kostruzzjoni skont A.L 295/07 u li taħthom jaqa' r-regolament 14 dwar xogħolijiet ta' restawr ta' toroq u bankini kif ukoll il-garanzija bankarja marbuta magħhom, m'għadux jaqa’ iżjed taħt id-doveri tal-Awtorita’ dwar l-Ambjent u l-Ippjanar iżda taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Ir-Regolamenti jinkludu fihom formola fissa dwar kif tinħadem din il-garanzija Bankarja u dan kif speċifikat fl-Iskeda V tal-istess Avviż Legali. Din is-somma tiġi depożitata qabel il-ħruġ tal-permess mill-MEPA. Biex din il-garanzija tiġi rilaxxata lura lill-Iżviluppatur, irid l-ewwel jiġi aċċertat u ċertifikat mill-kunsill lokali illi x-xogħol ta' restawr (tat-triq) ikun sar kif suppost.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet għall-facilitajiet agrikoli, inkluz serer u binjiet għat-trobbija tal-annimali li ġew ikkunsidrati mill-bordijiet tal-Awtorità ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar bejn Jannar u Frar, 2011?
Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati u kemm ġew rifjutati?
F'liema lokalitajiet jinsabu l-applikazzjoniiet li ġew approvati/rifjutati rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, bejn Jannar 2011 u Frar 2011, il-Bordijiet ta’ l-awtorità kkunsidraw 89 applikazzjoni għall-faċilitajiet agrikoli, inkluż serer u binjiet għat-trobbija tal-annimali. Minn dawn kien hemm 24 applikazzjoni li ġew approvati u 58 applikazzjoni li ġew rifjutati maqsuma rispettivament f’lokalitajiet kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk kien hemm 7 applikazzjonijiet li ġew diferiti u għadhom m’humiex deċiżi.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24212, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar il-klassijiet (kategoriji) li għandhom ir-restaurants li huma indikati fir-risposta tad-domanda msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24212 l-istabbilimenti msemmija għandhom kategoriji skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
kwestjoni dwar fejn tintbagħat liċenzja tal-karozza bil-posta
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarja biex dawk is-sidien tal-garaxxijiet tal-karozzi tal-kiri u li għandhom l-uffiċċju tax-xogħol tagħhom (head office) li hu differenti mill-post, jew postijiet li fihom iżommu l-karozzi tagħhom, isiru magħhom arranġamenti biex il-liċenzji tal-vetturi li jiġu mġedda bil-posta, fil-fatt jirċievu l-liċenzji fil-head office tagħhom u mhux fil-garaxxijiet li fihom iżommu l-karozzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li meta persuna ġġedded il-liċenzja tal-vettura tagħha online, is-sistema turi l-indirizz attwali u tistaqsi jekk wieħed iridx ibiddel l-indirizz ta' fejn irid li tiġi mpustata l-liċenzja tal-vettura tiegħu.
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jara flimkien mal-Korporazzjoni Enemalta li diversi dawl pubbliku fit-toroq arterjali fl-inħawi tal-Mellieħa, Imġarr, Mosta, San Pawl il-Baħar u Naxxar jiġu rranġati għaliex fejn hemm dan id-dawl maqtugħ qed ikunu hemm problema ta' dlam u viżibilità baxxa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il resident parking scheme approvata minn Transport Malta għandna f'pajjiżna? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn ir-resident parking schemes u x'inhuma l-kriterji li jintużaw biex tali parking schemes jiġu approvati? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-iskemi għandhomx limitu ta' ħin?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari Nru.10589 u 24083.