Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' studenti li preżentament qed jattendu l-kindergarten fl-iskejjel tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali raħal b'raħal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Minsitru tagħti tagħrif dwar kemm kien hemm subien/bniet iżgħar minn 16-il sena li din is-sena talbu li jitilqu mill-iskola u li ġejjin mis-7, 11 u 12-il distrett elettorali raħal b'raħal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kien hemm studenta waħda mis-7 distrett u student wieħed mill-11-il distrett li kienu taħt is-16-il sena li ngħataw permess biex jitilqu mill-iskola minħabba raġunijiet umanitarji. Ma kien hemm ebda student/a mit-12-il distrett.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jseħħ reklutaġġ ieħor ta' Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi peress li l-proċess ta’ għazla għad-dħul f’kors ta’ taħriġ għall-kuntistabbli rġiel u nisa, skont sejħa għall-applikazzjonijiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-8 ta’ April 2011, għadu għaddej. Infurmat ukoll illi għalissa m’hemmx il-ħsieb illi jerġa' jkun hemm sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex jiġu ingaġġati Pulizija ġodda.
Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm tnaqqis f'dawk li huma l-kwoti għall-ħalib matul l-2009 u l-2010? Jekk iva, b'kemm tnaqqsu l-kwoti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda tnaqqis fil-kwoti tal-ħalib.
Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar jekk hemmx grounds fl-iskejjel tal-gvern li f'xi ħin, waqt jew wara l-ħin tal-iskola jintużaw għal skop ta' parking? Tista' tagħti tagħrif dwar liema huma dawn l-iskejjel? Kemm ilhom jintużaw għal dan l-iskop dawn il-grounds?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' twelid li ġie reġistrat minn ġenituri li joqogħdu fil-konfini tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar matul l-2008, 2009 u 2010 rispettivament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ir-Reġistru Pubbliku ma' huwiex obbligat iżomm data dwar fejn joqgħodu l-ġenituri ta’trabi li jiġu reġistrati.
Madanakollu, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika n-numru ta’ trabi mwielda u reġistrati fir-Reġistru Pubbliku li għandhom il-ġenituri, jew għallinqas ġenitur wieħed li, skont il-Karta tal-Identita` tagħhom joqogħdu jew kienu joqgħodu fil-konfini tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar meta ġie reġistrat l-Att ta’ twelid.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema hi d-distanza li mistennija jkun hemm bejn bozza u oħra fit-toroq residenzjali, għal dak li hu dawl pubbliku? Billi spiss jiġri li persuni li jitolbu biex titwaħħal bozza, ikunu huma stess li joġġezzjonaw li dik il-bozza titwaħħal ma' proprjetà tagħhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'miżuri jittieħdu biex tali problemi ma jitħallewx jikbru?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-prattika li biha timxi l-Korporazzjoni Enemalta u li fuqha tibbaża l-pariri li tagħti lill-Kunsilli Lokali, hi li d-distanza ta’ bejn il-bozoz f’żoni residenzjali tkun bejn wieħed u ieħor 30 metru. Din tista’ tvarja skont in-natura tal-bini minħabba dellijiet u skont in-natura tal-lanterni użat. F’każ ta’ konflitt mar-residenti fejn tkun sejra teħel il-bozza huwa l-Kunsill Lokali li jintervjeni biex isib xi forma ta’ kompromess.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu t-toroq li hu mistenni li jiġu asfaltati għall-ewwel darba, jew wara li jiġu rikostruwiti, fil-lokalità tan-Naxxar, matul din is-sena? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk jifdalx toroq oħra li jkunu jridu jiġu asfaltati wara li jitlestew dawn it-toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru.24717 u nżid li wara dawn ix-xogħlijiet ma' jkun għad baqa' ebda triq li tikkwalifika għall-kostruzzjoni skond is-survey li sar f’Marzu 2011.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol marbut mal-bypass tal-Mellieħa, bħala parti mill-bidliet fl-istess triq hux diġà kopert b'tenders? Jekk iva, meta mistenni li jinbeda x-xogħol fuq is-sit?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm tender għax-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni tat-triq fil-bypass tal-Mellieħa preċiżament fl-inħawi hekk magħrufa bħala Ta' Pennellu u l-istess tender qed jiġi evalwat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ħarġu ordnijiet ta' żgumbrament mil-Lands Department matul l-2010 u l-2011 fl-inħawi tal-Mellieħa, Mġarr, Naxxar u San Pawl il-Baħar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet ta' oil spills fil-baħar rappurtati lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul l-2007, l-2008, 2009, 2010 u l-2011 sal-aħħar sa Marzu? X'passi ttieħdu min-naħa tal-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili jew xi entità oħra li taqa' taħt l-istess Ministeru f'dawn il-każijiet (b'mod ġenerali, mhux każ b'każ)?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili investiga il-każijiet ta' tniġġis ta' żjut fil-baħar kif indikat hawn taħt:-
Sena Numru ta' Każijiet
2007 1
2008 5
2009 1
2010 6
2011 1
Infurmat ukoll illi f'każijiet bħal dawn, tijm mis-sezzjoni marittima fi ħdan dan id-dipartiment imur jinvestiga u jekk jikkonferma li hemm żejt tittieħed deċiżjoni dwar x'għandu jsir skont il-karetteristika taż-żejt.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18461, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-sezzjoni relattiva fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li hi konċernata mal-protezzjoni tal-ambjent tipparteċipa b'xi mod biex jiġu identifikati oil spills u l-effetti ta' tali oil spills?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Awtorita’ għat-Trasport f'Malta (Transport Malta – ex-MMA) hija l-Awtorità Nazzjonali Kompetenti fi kwistjonijiet li jikkonċernaw tħejjija għat-tniġġis fil-baħar, filwaqt li l-MEPA għandha rwol ewlieni fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali. Fil-każ ta ‘oil spills’ fil-baħar, MEPA tikkoopera ma’ Transport Malta rigward għoti ta' informazzjoni u rakkomandazzjonijiet waqt ir-rispons ghall-inċident, skond kif meħtieg. (Il-livell ta 'involviment tal-MEPA tiddependi wkoll fuq il-post fejn jiġri l-incident u t-tip ta' inċident, e.z. jekk l-inċident jaffettwa żona protetta jew jinvolvi stallazzjoni suġġett għall-kontroll regolatorju tal-MEPA.) Jista jkun illi l-MEPA tirrikjedi monitoraġġ ta' l-effetti tal-‘oil spill’.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 24103, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-garanziji li tpoġġew fil-banek taħt ir-regolamenti msemmija u kemm minnhom ġew rilaxxati matul l-2008, 2009 u l-2010 f'kull lokalità tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Billi riċentament waqt xogħol ta' tisbiħ li qed isir fl-inħawi ta' bejn il-Menqa u l-iskola primarja fl-inħawi tal-pitch tas-Sirens Waterpolo Club inkixfet machine gun/gunpost li kienet mirduma, jista' l-Prim Ministru jagħti indikazzjoni jekk ix-xogħol ta' restawr fuq dan il-post jistax jiġi ffinanzjat taħt l-inizjattiva msemmija fil-mistoqsija parlamentari 23671?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li bħalissa qed isiru l-istudji u proċeduri neċessarji mill-Awtorita’ tat-Turiżmu, sabiex ikun determinat kif inhu l-aħjar mod li tinkixef parti sostanzjali minn din il-gunpost sabiex din tibqa tidher. Dawn il-proċeduri jinvolvu wkoll talba għall-awtorizzazzjoni ta’ fondi extra mill-istess proġett ERDF 033, sabiex isir dan ix-xogħol u xi xogħol ta’ restawr fuq is-sejba. Jekk dan ma jkunx possibbli wieħed jista’ jara sorsi oħra ta’ finanzjament, inkluż dak imsemmi fil-mistoqsija parlamentari 23671.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 25979, billi min għandu garaxx ta' karozzi tal-kiri, ħafna drabi jkollu numru kbir ta' liċenzji li jridu jitħallsu fl-istess żmien, jista' l-Ministru permezz ta' Transport Malta jagħmel arranġamenti partikolari biex il-ħlas tal-liċenzji jsir b'mod iktar ko-ordinat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sidien jistgħu jġeddu il-liċenzja tal-vettura tagħhom sa ħamsa u erbgħin ġurnata qabel ma l-istess liċenzja tiskadi. Dan jista’ jsir kemm mill-uffiċċju tal-kumpanija ta’ l-assigurazzjoni jew permezz tas-sistema online. Il-liċenzji jistgħu jiġu mġedda jew kollha f’daqqa jew waħda waħda skont hekk kif jippreferi s-sid tal-vetturi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jiżdied matul ix-xhur tas-sajf in-numru tal-pulizija li jkunu xogħol fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk f'dan il-perjodu jkunx hemm ukoll żieda f'dawk li huma patrols?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ilha għal diversi snin impenjata sabiex issaħħaħ l-infurzar tal-Liġijiet u regolamenti konnessi max-xtajtiet u l-baħar, billi torganizza ronda regolari matul ix-xhur tas-sajf, f’postijiet u bajjiet turistiċi kemm fuq ix-xtajtiet kif ukoll fuq il-baħar. Fost il-postijiet fejn qed isiru dawn ir-rondi hemm ukoll il-lokalitajiet ta' Buġibba / Qawra u San Pawl il-Baħar. Dawn ir-rondi jsiru kemm permezz ta’ muturi tat-traffiku, kif ukoll permezz ta’ Pulizija fuq il-bicycle flimkien ma' dawk tal-klieb u kavallerija.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25939, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-każ tal-Imtarfa fejn qed jirriżulta li m'hemm l-ebda leakage, din is-sitwazzjoni hi riżultat tal-fatt li bosta mill-mains tal-ilma huma ġodda u għaddejjin minn ġo culverts li kienu nbnew apposta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi huwa minnu li fl-Imtarfa bosta mains tal-Ilma huma ġodda u hemm ukoll diversi mains għaddejjin ġo culverts. Huwa fatt li meta jkun hemm din is-sitwazzjoni, ħsarat fuq il-pajpijiet jonqsu. Madanakollu, xorta waħda hu meħtieġ li t-tekniċi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jagħmlu moniteraġġ bħal lokalitajiet oħra biex il-ħsarat li ġieli nqalgħu, jissewwew u l-leakage jibqa’ baxx.
Djar tal-anzjani li għad iridu jinfetħu — waiting list
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24662, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm faċilitajiet għar-residenzi tal-anzjani li ġew approvati mill-Ministeru tas-Saħħa li iżda għadhom ma nfetħux biex jagħtu s-servizz tagħhom lill-anzjani? Fejn jinsabu l-faċilitajiet li ġew approvati li iżda għadhom ma bdewx joperaw?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Direttorat għal Standards dwar is-Servizzi tas-Saħħa approva żewġ applikazzjonijiet biex jinfetħu Djar għall-Anzjani. Din l-approvazzjoni hija suġġetta għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mid-Direttorat lill-applikanti. Dawn id-Djar jinsabu f’San Lawrenz Għawdex u Buġibba.
Bħalissa d-Dipartiment għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità għaddej bil-proġett ta’ ristrutturar tal-binja ta’ Zammit Clapp. Meta dan jitlesta ser ikun addattat biex jilqa’ fih anzjani li jeħtieġu kura fit-tul.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25939 fejn ingħatat informazzjoni dwar x'inhu l-ammont f'metri kubi ta' ilma li qed jinħela kull siegħa f'diversi lokalitajiet, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar dawn l-ammonti indikati u x'perċentwali tal-produzzjoni (jew konsum) f'dawn il-lokalitajiet tirrappreżenta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.