Legislature:
Category:
Reset
Active:

informazzjoni dwar konsli

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar kemm huma u ta' liema pajjiżi huma l-konsli, persuni Maltin li jservu ta' konsli ta' dawn il-pajjiżi filwaqt li joqgħodu f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

F'Malta hawn 58 konslu ta' pajjiżi barranin. Minn dawn 18 huma Konsli Ġenerali Onorarji, 36 Konslu Onorarju u 4 Viċi Konsli Onorarji. Qed nehmeż il- lista kompluta ta' dwan il-konsli. Il-lista, li tiġi aġġornata kull meta jkun hemm xi tibdil, tidher fil-website tal-Ministeru tiegħi www.foreign.gov.mt.

San Pawl il-Baħar — Triq San Luqa - kwestjoni dwar bozza fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' konsultazzjoni saret mill-Korporazzjoni Enemalta qabel ma ddeċidiet li tapprova bozza ġdida ( ftit xhur ilu) fi Triq San Luqa f'San Pawl il-Baħar? Kif jista' jiġi assigurat li f'każijiet bħal dawn fejn jista' jagħti l-każ li pika bejn xi uħud twassal għal problemi mhux meħtieġa, jinqalgħu problemi bħal bejn dawk li jridu l-bozza iżda fuq proprjetà ta' ħaddieħor, filwaqt li l-oħrajn ma jkunux iridu tali bozza/dawl fuq il-proprjetà tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi meta intalbet il-bozza fi Triq San Luqa saret investigazzjoni (vetting) fuq is-sit biex jiġi stabbilit l-aħjar post fejn tista' teħel il-bozza biex din tipprovdi dawl adkwat. L-Enemalta għaddiet din l-informazzjoni lill-kunsill lokali biex ikun jista' jistalla l-bozza.

Talba ta' għajnuna minn persuni Maltin lill-Ambaxxati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni Maltin li wara li għal xi raġuni sabu ruħhom fi problemi mal-pulizija ta' pajjiżi barranin, talbu l-għajnuna tal-Ambaxxati tagħna barra minn Malta matul l-2010? F'liema pajjiżi kienu dawn il-każijiet għall-istess sena?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninfurma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' Maltin li wara li għal xi raġuni sabu ruħhom fi problemi mal-pulizija ta' pajjiżi barranin u talbu l-għajnuna tal-Ambaxxati / Konsulati tagħna barra minn Malta matul l-2010 kienu 36. Il-pajjiżi li fihom ġraw dawn il-każijiet huma kif ġej: L-Istati Uniti Il-Belġju L-Eġittu Franza Il-Greċja L-Italja Il Portugall It-Tuneżija Ir-Renju Unit Id-Dubaj Brażil

San Pawl il-Baħar — Kennedy Grove - spazju pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'xogħol se jsir fiż-żmien li ġej għal dak li jikkonċerna l-estensjoni tal-ispazju pubbliku li nbeda (parti minnu diġà tlesta) ħdejn Kennedy Grove limiti ta' San Pawl il-Baħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li fiz-zona ndikata fil-Mistoqsija Parlamentari bħalissa għaddejjin bi pjanijiet għal estensjoni tal Park tas-Salina. Dawn il-pjanijiet jaħsbu biex ikun hemm iktar zoni miftuħa għall-pubbliku, b’ apparat tal-logħob għat-tfal u żoni dedikati għar-rikreazzjoni. Il-pjanti qed ikunu finalizzati u ser jiġu sottomessi għall-approvazzjoni tal-MEPA.

Bus stops ġodda

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27141, biex inneħħu kull dubju dwar id-domanda kif tqiegħdet, jista' l-Ministru jagħti tagħrif, bus stop, bus stop miżjud jew imneħħi li se jiġu affettwati mir-rotot il-ġodda u dan fejn jikkonċerna l-11 u 12-il distrett elettorali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

WSC — xogħlijiet fil-mains

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 25821, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn, matul l-2010 u l-2011 sa Marzu, tqiegħdu mains tal-ilma fuq iż-żewġ naħat tat-triq? Kemm kien it-tul ta' mains li tqiegħdu f'dan l-istess perjodu, u kemm minn dawn tqiegħdu fuq iż-żewġ naħat tat-toroq ikkonċernati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2010 tqiegħdu 45.9Km ta’ mains tal-ilma, 11.44Km minnhom huma fuq iż-żewġ naħat tat-triq. Filwaqt li minn Jannar sa Marzu 2011 tqiegħdu 11Km li 1.4Km minnhom huma fuq iż-żewġ naħat tat-triq. It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-lokalitajiet fejn tqiegħdu mains fuq iż-żewġ naħat tat-triq.
Leg 11 PQ #27086 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni mħarkin minħabba rimi ta' skart

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26830, magħmula mill-Onor. Farrugia, jista' l-Ministru jara li l-pulizija tkun infurmata dwar l-obbligu (jew dritt) tagħhom li fil-fatt iħarrku lil dawk il-persuni li jkunu ħallew skart f'partijiet li mhux suppost, kif ukoll f'ħinijiet mhux awtorizzati għal dan il-għan?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Il-Mistoqsija Parlamentari numru 26830 tindika li diġà tressqu numru ta' persuni mill-Korp tal-Pulizija ai termini tad-domanda tal-Onorevoli Interpellant.

San Pawl il-Baħar — KSI - mains tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26939 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jaċċerta li x-xogħol bil-mains tad-drenaġġ li jrid jitqiegħed fi Triq it-Tamar, Triq il-Port Ruman u Triq Alof Wignacourt, ilkoll f'San Pawl il-Baħar, isir qabel ma l-bdiewa li mill-art tagħhom iridu jgħaddu dawn il-mains fil-fatt jaħdmu l-istess art, għaliex inkella probabbilment jintilef aktar żmien biex il-mains jitqabbad mas-sistema sħiħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-dokumenti neċessarji sabiex tinħareġ l-offerta ntbagħtu fl-aħħar ġranet u għaldaqstant skont l-arranġamenti li daħlu fis-seħħ fil-bidu ta’ din is-sena l-offerta se toħroġ minn Transport Malta fil-ġimgħat li ġejjin. Hu ppjanat li ladarba jintagħżel il-kuntrattur x-xogħlijiet jitlestew sal-aħħar tas-sajf. Ninforma lill-Onor Interpellant li r-responsabbiltà tax-xogħlijiet xorta baqgħet fir-responsabbiltà tal-WSC u huwa biss il-ħruġ tal-offerti, l-għażla tal-kuntrattur u l-ħruġ tal-permessi neċessarji fir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta.

Kapijiet ta' Skejjel

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-kapijiet tal-iskejjel li se jinbidlu mill-bidu tas-sena skolastika li jmiss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-eżerċizzju ta’ deployment tal-kapijiet beda imma għadu ma ġiex konkluż. L-eżerċizzju għandu jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.

Bus stops

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm, u fejn se jitneħħew bus-stops mir-rotot il-ġodda li se jkunu qed jintużaw għat-trasport pubbliku? Fl-istess ħin jista' jagħti tagħrif dwar kemm u fejn żdiedu bus stops matul ir-rotta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jindika jekk hux qed isaqsi d-domanda referibilment għal Malta u Għawdex kollha u jekk hux jitlob in-numru kumulattiv ta’ tibdiliet jew informazzjoni dwar kull bidla li qed issir.

San Pawl il-Baħar — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitkomplew ix-xogħlijiet marbutin mas-Salini fil-limiti ta' San Pawl il-Baħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ħafna mis-sejħiet għall-offerti marbuta ma’ dan il-progett diġa ġew ppublikati u jinsabu fil-istadju ta’ evalwazzjoni. Jekk kollox imur kif inhu pjanat, hu mistenni li x-xogħol fuq dan il-proġett jinbeda aktar tard din is-sena u hu mistenni li jitlesta lejn l-aħħar tal-2013.

KSI — sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li skont il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għad m'għandhomx sistema tad-drenaġġ f'kull waħda mill-lokalitajiet tas 7, 11 u 12-il distrett elettorali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — xogħlijiet fuq main

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuna li jkollha l-main tal-ilma mhux imwaħħal mal-arloġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, u li ma jkunx twaħħal wara li jkun sar xogħol fuq il-main, fit-triq jew fil-bankina, fil-fatt għandux iħallas tal-arloġġ ukoll, minkejja li ma jkollux servizz ta' ilma fil-vit?

Response (FENECH, TONIO)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant, qed jirreferi għal każ partikolari u għaldaqstant risposta speċifika ma tistax tingħata jekk ma jkollniex aktar dettalji. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi dawn id-dettalji sabiex il-każ ikun jista’ jiġi investigat aħjar.
Leg 11 PQ #26940 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għajn Tuffieħa — Triq li twassal mix-Xemxija - restawr tal-akwadott

Question

Wara r-restaw li sar f'parti (l-ewwel parti) tal-akwadott li hemm fit-Triq li twassal mix-Xemxija lejn Għajn Tuffieħa, liema restawr ta dehra ferm iktar dinjituża lill-istess akwadott, jista' l-Prim Ministru permezz ta' Heritage Malta jinvestiga l-possibilità li l-kumplament tal-istess akwadott jiġi ukoll restawrat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nippreċiża li x-xogħol ta’ restawr sar minn ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Qed ngħaddi s-suġġeriment tal-Onor. Interpellant lill-istess Ministeru sabiex jaraw jekk hux possibbli li dan ix-xogħol issir.
Leg 11 PQ #26941 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

San Pawl il-Baħar — bypass - inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' inċidenti tat-traffiku li kienu rappurtati li seħħew fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar matul l-aħħar 12-il xahar? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu muturi, karozzi u vetturi kbar rispettivament? F'kemm-il każ kien hemm persuni li korrew/mietu f'dawn l-inċidenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, ċioe bejn Ġunju tas-sena l-oħra u Mejju ta’ din is-sena, il-Pulizija investigat 8 inċident tat-traffiku fil-bypass ta’ San Pawl. Minn dawn l-inċidenti, 6 kienu mingħajr persuni feruti, filwaqt li 2 kienu jinvolvu persuni feruti. F’każ minnhom sewwieq ta’ mutur sofra feriti gravi filwaqt li f’incident ieħor ħames persuni sofrew feriti ħfief f’ħabta bejn passenger car u light goods vehicle. Ta’ min iffakkar li inċidenti mingħajr persuni feruti jew ħsarat fi proprjetà pubblika ma jiġux investigati mill-Pulizija.

Vapur t'Għawdex — Shuttle Services

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba (jiem) kien hemm il-ħtieġa li l-vapur t'Għawdex jaħdem shuttle minflok bi skeda, matul l-aħħar 12-il xahar? X'kienu l-okkażjonijiet li kienu qed jiġi organizzati f'Għawdex f'dawn il-jiem partikolari?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #26943 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li korrew f'inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet matul it-12-il xahar li għaddew li fihom kien hemm persuni li korrew f'inċidenti tat-traffiku? Kif jinqasmu dawn il-każijiet skont il-lokalità li fihom seħħew l-inċidenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, ċioe’ bejn Ġunju tal-2010 u Mejju tal-2011, il-Pulizija investigat 960 inċident tat-traffiku li fihom kienu weġgħu jew tilfu ħajjithom xi persuni. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni fejn seħħew dawn l-inċidenti.

Bugibba — Swimming zone

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-swimming zone taħt il-pjazza ta' Buġibba hijiex ser tinbidel milli kienet fis-snin imgħoddija? Meta hu mistenni li jitqiegħdu l-ħbula li jimmarkaw din iż-żona tal-għawm?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-Swimmers' Zone taħt il-Pjazza ta' Buġibba tqiegħdet fil-15 ta' Ġunju 2011 u saret bħalma kienet is-sena l-oħra.

Bidnija Shooting Range

Question

Billi fix-shooting range tal-Bidnija, fis-17 u l-24 ta' Lulju ser jinżammu żewġ events internazzjonali, tista' l-Ministru tikkordina ma' min hu konċernat biex isir tindif, u possibilment il-patching tat-triq li twassal għal dawn ir-ranges?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-KMS qiegħed jitkellem mal-awtoritajiet konċernati dwar il-ħtiġijiet li hemm bżonn.

Offerti biex jitħaddmu trackless trains

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ħarġet l-aħħar offerta biex jitħaddmu trackless trains f'Malta? Fuq liema rotta, lokalità lokalità ħarġu dawn l-offerti? Kemm kien hemm persuni/kumpaniji li applikaw għal dawn il-liċenzji? Min ingħata l-offerta? Meta hu mistenni li jibda jopera s-servizz li kien rikjest fit-tender?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta kienet ippubblikat sejħa għall-Interess għall-Provista u Tħaddim ta’ Ferroviji mingħajr Binarji fuq żewġ rotot stabbiliti minnha stess, waħda f’San Pawl il-Baħar (Rotta B) u oħra f’Marsaxlokk (Rotta Ċ). Din is-sejħa kienet ġiet ippubblikata fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tat-30 ta’ Novembru 2010. Żewġ applikanti ssottomettew l-interess tagħhom sad-data tal-għeluq indikat fis-sejħa; iżda wieħed biss minn dawn l-applikanti kkonkluda l-proċess tal-applikazzjoni tiegħu, liema applikant eventwalment inħarġitlu awtorizzazzjoni minn Transport Malta biex jopera fuq iż-żewġ rotot wara li ssodisfa r-rekwiżiti kollha mitluba. L-applikazzjoni tal-applikant l-ieħor ma komplietx tiġi proċessata wara li dan tilef l-interess fl-applikazzjoni tiegħu. Il-persuna li ngħata l-awtorizzazzjoni minn Transport Malta biex jopera ferroviji mingħajr binarji fuq dawn iż-żewġ rotot hija s-Sur Salvu Abela. Is-servizz fuq dawn iż-żewġ rotot huwa mistenni li jibda f’Lulju li ġej.