Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-ispazju pubbliku li hemm taħt is-siġar taż-żebbuġ, fit-triq li mix-Xemxija tieħu lejn Għajn Tuffieħa jiġi rranġat, u possibilment jitħawlu xi fjuri?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27331
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet hu mistenni li jiġu organizzati iktar attivitajiet tat-tip li saru f'diversi rħula, biex jippromwovu l-prodotti Maltin, matul din is-sena? F'liema lokalitajiet hu mistenni li jinżammu dawn l-attivitajiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-pjan tentattiv ta’ attivitajiet biex jippromovu l-prodotti Maltin għax-xhur li ġejjin huwa:
- Awissu Festa tal-Inbid - (Siggiewi)
- September Festa tal-Ħut - (San Pawl il-Baħhar)
- Ottubru World Food Day
- Diċembru Festa tal-Majjal – (Siggiewi)
Ninfurmah li dettalji oħra għad iridu jiġu finalizzati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' raħħala tal-majjal preżentement? Kemm kien in-numru ta' produtturi sal-aħħar tal-2009? Kif naqset jew żdiedet il-kwota totali tat-trobbija tal-majjal matul dan il-perjodu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru tal-produtturi tal-majjal liċenzjati fil-preżent huwa ta’ 163. Fis-sena 2009 in-numru ta’ produtturi tal-majjal liċenzjati kien ta’ 173. Il-kwota tal-produzzjoni hija ta 9,896 irjus fix xahar. Din ma n bidlitx għall-numru twil ta’ snin. F’dan il-perjodu kien hemm trasferimenti ta’ kwota tal-qatla bejn produtturi u għalhekk, għalkemm inbidlu kwoti individwali, t-total baqa` l-istess.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitneħħew minn fejn qegħdin il-bus stops li kienu jintużaw fis-sistema l-qadima tat-trasport peress li dawn qegħdin jikkonfondu lil dawk li mhumiex midħla sew tas-sistema f'Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddej eżerċizzju sabiex jitneħħew madwar mitejn bus stop li m’humiex ser ikunu fuq in-network il-ġdid. Dan l-eżerċizzju għandu jispiċċa sa l-aħħar tax-xahar.
Passiġġieri li jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' passiġġieri li kienu jużaw it-trasport pubbliku (tal-linja) fl-1991 u kemm kien fl-2010?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ passiġġieri li wżaw it-trasport pubbliku (tal-linja) fis-sena 1991 kien ta’ 38,672,301, filwaqt li fl-2010 kien ta’ 31,277,114.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' mini buses li kien hemm fuq is-sistema tat-trasport f'Malta fl-1991 u kemm kien in-numru ta' mini buses fl-aħħar tal-2010?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi in-numru ta’ mini buses reġistrati fis-sistema ta’ Transport Malta fl-1992 kien jammonta għal 255 u n-numru ta’ mini buses reġistrati fl-aħħar tal-2010 kien jammonta għal 702.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm xi forma ta' shelter fl-interchange ta' Buġibba/Qawra fejn preżentement hemm il-bus terminus? Jekk iva, meta hu mistenni li dan ix-shelter jitqiegħed f'postu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ser isir canopy li għalih ħareġ tender, u liema tender ġie aġġudikat. Dan il-canopy mistenni li jitlesta fi żmien sitt ġimgħat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li fis-sistema ġdida tat-trasport pubbliku jibda jkun hemm xi forma ta' tluq regolari ta' karozzi tal-linja minn ħdejn il-Knisja tal-Kapuċċini fix-Xemxija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fis-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku mhux se jkun hemm tluq ta’ karozzi tal-linja aktar mix-Xemxija.
Madankollu, ir-residenti tax-Xemxija xorta se jkunu moqdija b’servizzi fuq bażi regolari hekk kif ġej:
· Rotot 41 jew 11 miċ-Ċirkewwa via Xemxija / San Pawl lejn tas-Sliema u l-Belt Valletta
· Rotta X1 miċ-Ċirkewwa via Xemxija / San Pawl u Mater Dei fid-direzzjoni lejn l-Ajruport
· Rotta 129 minn San Pawl u li tmur Buġibba. Minn Buġibba jistgħu jieħdu rotta 12 jew 31 lejn il-Belt Valletta
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess ta' tendering biex jitqiegħed il-main tad-drenaġġ fit-toroq Port Ruman, Tamar, Alofju Wignacourt, fl-partijiet tagħhom li għad m'għandhomx servizz tad-drenaġġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-sejħa għal dan ix-xogħol se tiġi ppublikata fil-ġranet li ġejjin minn Transport Malta.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-masġar taż-żebbuġ li hemm ix-Xemxija (matul il-kosta) jitnaddaf mill-ħaxix ħażin li fih qabel ma jingħata n-nar (jew jaqbad waħdu) b'dannu kbir għas-siġar kif ukoll għal dawk li joqogħdu fl-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tindif ta’ soft areas fil-konfini tal-Kunsill Lokali jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istess kunsill.
Billi numru ta' bozoz f'toroq arterjali ilhom maqtugħin ġimgħat sħaħ (bħala eżempju nsemmi ħdejn l-Università, it-triq li minn Burmarrad tieħu għall-Mosta, u l-Bajja tax-Xemxija) jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-ħsarat jissewwew mingħajr iktar dewmien?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-manutenzjoni meħtieġa sejra ssir flimkien ma’ xogħlijiet oħra simili fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitkompla x-xogħol meħtieġ biex kull bozza pubblika li għandna f'Malta jkollha numru uniku li permezz tiegħu dak li jkun ikun jista' jirrapporta xi ħsarat li jkun hemm fis-sistema, kif ukoll jiġi assigurat li meta ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jmorru biex jirranġaw tali ħsarat ma jkollhomx problema biex jiddenetifikaw liema huma l-bozoz bil-ħsara?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi huwa maħsub li dawk il-bozoz li għadhom mingħajr numru jiġu nnumerati waqt l-eżerċizzju tad-devuluzzjoni tal-lampi lill-kunsilli lokali.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26566, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm kien in-numru ta' każijiet fejn iġġedded iċ-ċens tar-raba' matul l-2010? F'kemm mill-każijiet fejn seħħ it-tiġdid taċ-ċens, fil-fatt kien hemm bidla bejn dak li ċ-ċens kienu fuqu qabel u dawk li llum ingħataw iċ-ċens il-ġdid minħabba li kienu qed jaħdmu r-raba' konċernat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li qegħdin isiru preżentement b'kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijet Rurali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-Direttorat tar-Restawr għadu kif lesta x-xogħol ta’restawr tal-Akwadott u li preżentement ma hemmx progetti oħra bejn il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijet Rurali u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari għal dak li jirrigwarda l-lampi li suppost għandhom jitwaħħlu wara l-Knisja ta' San Pawl tal-Ħġejjeġ, (ta' ħdejn il-Gillieru), fuq il-bollards li hemm matul it-triq ta' fuq, liema bollards jaslu sa ħdejn il-breakwater ta' Buġibba?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif kont spjegajt fit-tweġiba moghtija għall-Mistoqsija Parlamentari 23546, kienet saret l-investigazzjoni mwiegħda u peress li l-ispiża prevista ma tistax tkun koperta mill-estimi għal din is-sena finanzjarja, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ix-xogħol se jkun konsidrat għal proġetti futuri.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-bus stop li hemm ħdejn il-Knisja tal-Karmnu, fi Triq San Pawl, (it-triq prinċipali), fid-direzzjoni tal-Mellieħa, u l-bus stop l-ieħor faċċata tiegħu (fid-direzzjoni tal-Belt), hux ser jitneħħew? Jekk iva, jista' jassigura li dan ma jiġrix, billi jekk dan iseħħ ir-residenti li joqogħdu fl-inħawi jkollhom problemi biex jużaw il-karozza tal-linja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li jinħarġu iktar tenders għall-bejgh ta' liċenzji tat-taxis? Jekk iva, meta hu mistenni li jiġri dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li skont il-provedimenti tar-Regolamenti dwar Servizzi tat-Taxi (Avviż Legali 369 tal-2010, kif emendat), jonqos tinħareġ sejħa għall-offerti għal għaxar liċenzji ta' taxis ġodda fl-2012, wara li digà nħarġu s-sejħiet li kienu ppjanati għas-snin 2010 u 2011. Dawn iż-żewġ sejħiet kienu għal għoxrin liċenzja kull waħda.
Is-sejħa li jonqos hi ppjanata li tinħareġ fl-ewwel xhur tas-sena 2012.
San Pawl il-Baħar — tappieri tad-drenaġġ - cushions
Question
Billi numru ta' tappieri tad-drenaġġ f'diversi toroq madwar San Pawl il-Baħar jinsabu mingħajr cushion, bil-konsegwenza li kull meta tgħaddi vettura dawn l-istess tappieri jagħmlu ħsejjes li jdejqu lir-residenti, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex issir spezzjoni ta' kull tappiera li hemm u fejn hu l-każ jiġu rranġati, biex ma jibqgħux jagħmlu ħsejjes?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha ‘l fuq minn 50,000 tappiera tad-drenaġġ fit-toroq ta’ Malta u Għawdex. Il-korporazzjoni għandha programm sħiħ biex tibdel xi tappieri b’dawk ta’ kwalità tajba li ma jċekċkux. Dan il-programm jiswa l-flus u b’hekk mifrux fuq medda ta’ snin dipendenti mill-finanzi tal-korporazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' konsli li għandha Malta barra minn Malta? Ta' liema pajjiżi/bliet huma dawn il-konsli?
Response (BORG, TONIO)
Bħalissa il-Ministeru għandu 174 konslu mifruza fuq 82 pajjiz. Il-politika tal-Ministeru hi li ssaħħaħ in-network tal-konslijiet u hemm numru ta' persuni oħrajn li qed nikkunsidrawhom għall-ħatra ta' konslu.
Isem il-Konsli, il-pajjizi u l-bliet fejn iservu, l-indirizzi, u l-ġurisdizzjoni tagħhom hi mehmuża ma' din it-tweġiba. Il-lista, li tiġi aġġornata kull meta jkun hemm xi tibdil, tidher fil-website tal-Ministeru, www.foreign.gov.mt.