Jista' l-Ministru jassigura li fl-iqsar żmien possibbli jsir ix-xogħol neċessarju ta' titjib fuq il-wiċċ tat-triq prinċipali li minn ħdejn il-Knisja ta' Burmarrad twassal sad-daħla ta' San Pawl il-Baħar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li f'din it-triq, sal-aħħar ta' din is-sena, hu ppjanat li jsiru xogħlijiet ta’ patching.
San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl - main tad-drenaġġ
Question
Billi jidher li f'xi partijiet tiegħu l-main tad-drenaġġ jista' jkun qed iċedi, jew li xi xaftijiet li saru fil-passat qed tiġrilhom il-ħsara, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex issir spezzjoni fuq il-main prinċipali ta' Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar? Tista' din l-ispezzjoni tikkonċentra dwar dak li qed jiġri fid-daħla tal-isqaq li hemm fi Triq San Pawl, liema sqaq jinsab fl-ewwel daħla wara li taqbeż Triq id-Duluri fid-direzzjoni tal-Mellieħa, qabel ma wieħed jasal ħdejn il-Knisja tal-Karmnu, fl-istess triq?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li diġà saret spezzjoni fuq il-main prinċipali fi Triq San Pawl u x-xogħol li hemm bżonn ġie inkluż fil-programm ta’ xogħlijiet rigward id-daħla ta’ l-isqaq. Nifhem li qed jirreferi għal Sqaq tax-Xama.
Tneħħija ta' bus shelters u sinjali fl-art li m'għadhomx jintużaw
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex f'dawk l-inħawi fejn qabel kien hemm rotta tal-linja li issa tneħħiet, b'mod partikolari f'dawk il-postijiet fejn kien hemm bus shelters li issa mhux se jintużaw iktar, dawn jitneħħew u s-sinjali fl-art b'xi mod jitgħattew?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta neħħiet tabelli li jindikaw l-użu ta’ bus stops fejn dawn m’għadhomx jintużaw. Transport Malta waħlet ukoll tabelli ma’ bus shelters sabiex tindika li dawn ukoll m’għadhomx jintużaw.
Preżentament Transport Malta għaddejja b’eżerċizzju ta’ reviżjoni tan-
network
, u b’hekk l-ebda sinjali tat-toroq m’huma se jitneħħew sal-aħħar t’Ottubru 2011. Wara Ottubru, Transport Malta se tneħħi dawk is-sinjali tat-toroq li jkun għad baqa’ fejn jindikaw
bus stops
f’lokalitajiet fejn dawn il-
bus stops
ikunu tneħħew.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jiġi assigurat li dak li qabel kien iservi ta' bus lane matul il-front ta' Buġibba, u li issa m'għadux użat għal dan il-għan, jitneħħa għaliex hemm xi coaches li għadhom qed jużaw dan il-lane b'mod abbużiv?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-bus lane imsemmi m’għadux jeżisti u t-tabelli kollha tneħħew, għaldaqstant, dan il-lane m’għadux jintuża tali. Transport Malta se tinforma lill-aġenziji kollha ta’ infurzar sabiex tassigura li dan il-lane ma jintużax b’mod abbużiv. Sadanittant, bħala parti mir-riforma tan-network li bħalissa qiegħda ssir, is-sinjali tat-triq tal-imsemmi lane se jitneħħew minn Transport Malta.
Jista' Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Triq Desguanez f' San Pawl il-Bahar tingħata t-tarmak, issa li l-blokka tal-bini li kienet qed tittella hi lesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għal din it-triq, Transport Malta ħarġet sejħa għall-offerti. Ix-xogħlijiet huma maħsuba li jibdew iktar tard din is-sena.
San Pawl il-Baħar — Triq Desguanez - Xogħlijiet ta' ilma u drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jekk fadal xogħol ta' ilma u drenagg li jrid isir fi Triq Desguanez f'San Pawl il-Baħar dan jitlesta biex tkun tista' ssir t-triq bit-tarmak?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol tal-ilma u d-drenaġġ fi Triq Desguanez, San Pawl il-Baħar se ssir mill-istess kuntrattur li se jagħmel it-tarmak, waqt ix-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-water park li hemm ippjanat fl-inħawi ta' Buġibba, San Pawl il-Baħar? Fiex hu mistenni li jkun jikkonsisti dan il-park?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari bil-miktub numru 398, ngħarrfu li l-progett huwa maħsub li jkunjikkonsisti f’żona ta’ rikreazzjoni b’logħob interattiv bl-ilma għat-tfal. Hekk kif jaghti x’jifhem l-isem tal-proġett, il-logħob jikkonsisti f’apparat speċjalizzat ikkulurit li minnu joħroġ l-ilma f’diversi modi u b’effetti differenti.
MEPA — tneħħija ta' formola għar-rikonsiderazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-formola li tintbagħat, fil-każ ta' rifjut, lill-applikanti għall-permessi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, tinbidel biex ma tibqax tagħmel referenza għar-rikonsiderazzjoni meta issa r-rikonsiderazzjoni m'għadhiex permessa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li n-nota lill-Perit u lill-applikant, li qed tinħareg bħalissa ma' kull deċizjoni, turi d-drittijiet u ż-żmien stipulat sabiex tiġi sottomessa r-rikonsiderazzjoni jew l-appell skond in-Notifika Legali 514 ta' 2010 u skond l-Att tal-Ligi ta' l-Ambjent u l-Ippjanar 2010. In-notifika li tinħareg turi ċar li r-rikonsiderazzjoni hija applikabbli biss skond Regolament numru 10 tan-Notifika Legali 514, jiġifieri rikonsiderazzjoni tista tiġi sottomessa fuq kundizzjonijiet ta' deċizjoni approvata.
Billi l-pjanti li jinxtraw mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar huma validi għal sena għal skop ta' użu mal-istess awtorità, iżda d-data li toħroġ fuq il-pjanta hi differenti mid-data li fiha tinxtara (milli jidher għaliex tintuża s-sistema tad-data Amerikana), jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-problema tiġi indirizzata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat, li s-sistema tad-data li tintuża fuq il-Map Server qed tiġi mibdula u fi żmien qasir din il-problema ser tiġi solvuta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' reserved parking spaces li ġew approvati matul l-aħħar 12-il xahar, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Fejn jinsabu dawn l-ispazji li ġew riservati (triq triq), u b'mod ġenerali (mhux individwali)? X'kienu r-raġunijiet li għalihom ġew approvati dawn l-ispazji riservati? Kemm minnhom huma approvati għas-sena kollha u kemm huma riservati għat-tliet xhur tas-sajf?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fl-aħħar tnax-il xahar ġew approvati tmintax-il parkeġġ riservat, fil-lokalita' ta' San Pawl il-Baħar, li sbatax minnhom huma għal persuni b’diżabbilita’. Dawn il-parkeġġi ġew riservati fi ħmistax-il triq. Minn dawn it-tmintax-il parkeġġ riservat, nofshom huma riservati għall-erba’ xhur tas-sajf biss. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex numru ta' bozoz li ilhom maqtugħa ġimgħat sħaħ, fit-toroq prinċipali li mill-Mellieħa jwasslu sal-Mosta, jiġu msewwija għaliex qed ikunu ta' inkonvenjent kbir għal dawk li jużaw dawn l-istess toroq?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-manutenzjoni meħtieġa fit-toroq li jwasslu mill-Mosta sal-Mellieħa qiegħda ssir.
San Pawl il-Baħar — xogħlijiet marbut mas-sistema tad-drenaġġ fit-toroq
Question
Billi iktar kmieni din is-sena kelli risposta għall-mistoqsija parlametnari li kienu jindikaw li fit-toroq Port Ruman, Tamar u Andrew Cunningham, kollha f'San Pawl il-Baħar se jitkompla x-xogħol marbut mas-sistema tad-drenaġġ f'dawn l-inħawi, u dan qabel ix-xhur tax-xitwa, jista' l-Ministru jassigura li dan ix-xogħol flimkien max-xogħol marbut mas-sistema tal-ilma jitwettaq fl-iqsar żmien possibbli biex ikun jista' jsir ix-xogħol neċessarju minn Transport Malta fuq dawn l-istess toroq?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol ġie assenjat, wara li ħarġet sejħa għall-offerti.
San Pawl il-Baħar — xogħlijiet fit-toroq - tabelli
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ix-xogħol fuq it-toroq Ċensu Tanti, u x-Xagħra tal-Bandieri, f'San Pawl il-Baħar fejn ilhom imwaħħla tabelli ta' Transport Malta għal diversi xhur, fil-fatt jitkomplew għall-Benefiċċju ta' dawk li jużaw dawn l-istess toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ Triq Censu Tanti kienu ħarġu aktar kmieni din is-sena u wara li kien hemm xi problemi mal-kuntrattur dan it-tender kellu jerġa’ jinħareġ. Fil-fatt it-tender tax-xogħlijiet reġa’ nħareġ u ġie aġġudikat u x-xogħlijiet issa mistennija jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin.
It-tender tax-xogħlijiet tax-Xagħra tal-Bandieri
nħareġ u ġie aġġudikat. Ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jinbdew wara li jissolvew problemi legali mas-sidien.
Transport Malta — rapporti ta qtuħ ta' bozoz f'toroq arterjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar rapporti minn Transport Malta għal dak li jirrigwarda bozoz maqtugħa fit-toroq arterjali u distributorji li jikkonċernaw il-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, liema rapporti għaddew għand il-Korporazzjoni Enemalta? Kemm mill-bozoz irrapurtati bħala maqtugħa fil-fatt ġew irranġati matul dan iż-żmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-aħħar rapporti minn Transport Malta għal dak li jirrigwarda bozoz maqtugħa fit-toroq arterjali u distributorji għall-lokalitajiet kollha sar fit-22 ta’ Ġunju 2011. Ħsarat fil-bozoz jew arbli f’toroq arterjali li huma resposabbilta’ tal-Korporazzjoni Enemalta ġew riferuti lilhom filwaqt li ħsarat fit-toroq li huma responsabbilta’ ta’ Transport Malta ġew mogħtija lill-kuntrattur privat biex jitranġaw.
Transport Malta m’għandha l-ebda rapport li ħsarat mhux ser jissewwew.
Minkejja li napprezza li l-Ministeru tal-Ġustizzja mhux responsabbli mill-qbid u ġbir tal-klieb li jkunu qed jiġġerrew fit-toroq, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija taċċettax rapporti ta' klieb jiġġerrew fit-toroq tagħna, fl-għases tal-pulizija? Jekk tali rapporti jiġu aċċettati fl-għases, jista' jagħti tagħrif dwar xi jsir minn tali rapporti, wara li jiġu aċċettati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi rapporti ta’ klieb jiġġerrew fit-toroq jistgħu ukoll isiru fl-Għasses tal-Pulizija. Infurmat ukoll illi dawn ir-rapporti jkunu investigati. F’każ li s-sid isir magħruf jittieħdu dawk il-passi kollha skont il-Liġi. F’każ li s-sid ma jkunx magħruf, il-Pulizija tinforma lill-Animal Welfare Directorate.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27331 u 27334, billi l-area indikata fiż-żewġ domandi huma differenti minn xulxin, l-area indikata fil-mistoqsija parlamentari 27334 tikkonsisti f'ġenb ta' triq distributorja, filwaqt li l-area indikata fil-mistoqsija parlamentari 27331, hi l-area li jidher li qiegħdha għand il-Birdlife, jista' l-Ministru jagħti risposta għal dawn iż-żewġ domandi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li t-triq indikata f’Mistoqsija Parlamentari numru 27334 mhix klassifikata bħala triq distributorja jew arterjali u għaldaqstant nikkonferma li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali.
Rigward l-art indikata f’Mistoqsija Parlamentari numru 27331, kif qal sew l-Onorevoli Interpellant din l-art hija responsabbiltà tal-Birdlife u għaldaqstant qed nirreferi din it-talba lid-Dipartiment tal-Artijiet
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27290, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet ta' ċnus tar-raba' li għalaq matul l-2010? F'liema lokalitajiet kien ir-raba' li fil-fatt għalaqlu ċ-ċnus? Kemm area jikkomprendi dan iċ-ċens li għalaq? X'sar minn dan ir-raba', issa li għalaq iċ-ċens in kwestjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 18 il-każ ta’ ċens ta’ raba’ li għalaq fl-2010. Dawn kienu maqsumin hekk:
Mtarfa: 5 biċċiet raba’
Qrendi: 3 biċċiet raba’
Rabat: 2 biċċiet raba’
Mdina: 2 biċċiet raba’
Għargħur: Biċċa raba’
Gudja: Biċċa raba’
Munxar: Biċċa raba’
Naxxar: Biċċa raba’
Qrendi: Biċċa raba’
San Ġiljan:Biċċa raba’
Peress li dawn iċ-ċnus huma minn proprjetajiet li għaddew għand il-Gvern mingħand l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi u għadhom mhux kollha ġew verifikati, f’ dan l-istadju m’aħniex f’ pożizzjoni li nagħtu x’ area jikkomprendu dawn iċ-ċnus.
Issa li għalqu dawn iċ-ċnus, id-Dipartiment qiegħed fil-proċess li jħejji l-pjanti ta’ dawn il-biċċiet tar-raba’ u biex jindividwa min huma dawk il-bdiewa li kienu qegħdin jaħdmu dan ir-raba’, biex skont il-policy attwali, dawn jiġu rikonoxxuti fil-qbiela tal-istess raba’.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27143, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx pjan biex l-areas indikati fir-risposta b'mod partikolari l-inħawi residenzjali li qegħdin f'din il-lista bħala li m'għandhomx drenaġġ, fil-fatt jitwasslilhom dan is-servizz, biex kemm jista' jkun dan is-servizz jaqdi l-bżonnijiet ta' dawk li joqogħdu f'dawn l-inħawi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-areas indikati fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 27143, huma fil-pjan tal-Korporazzjoni biex jitwasslilhom id-drenaġġ meta l-finanzi jippermettu.
Sadanittant il-Korporazzjoni toffri servizz ta’ tbattil ta’ fosos f’dawn l-inħawi, bla ħlas.
Mellieħa u San Pawl il-Baħar — spezzjonijiet fuq persuni barranin
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet fl-inħawi tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, mill-pulizija biex jiġi verifikat jekk persuni barranin li joqogħdu f'dawn l-inħawi, fil-fatt għandhomx dritt joqogħdu f'pajjiżna? X'kienu r-riżultati ta' dawn l-ispezzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet għall-persuni li jistgħu ikunu Malta illegalment f’diversi lokalitajiet, inkluż dawk imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi matul dawn l-aħħar tnax-il xahar saru 126 spezzjoni li fihom instabu 61 persuna li kienu Malta illegalment.
Billi jidher li se jkun hemm xi bidliet f'dawk li huma r-rotot tat-trasport pubbliku, jista' l-Ministru permezz ta' Transport Malta jara li r-rotot li jidħlu fl-interchange ta' Buġibba mingħajr il-bżonn li jagħmlu dan, partikolarment dawk li jitilqu miċ-Ċirkewwa u li jgħaddu mill-Mellieħa, jinbidlu biex jinqata' l-ħela ta' ħin tal-passiġġieri?
Jista' ukoll jiġi kkunsidrat li r-rotta li twassal sa l-Isptar Mater Dei, minflok tgħaddi mill-bypass għalxejn, fil-fatt tgħaddi minn San Pawl il-Baħar u tgħabbi ukoll passiġġieri matul din ir-rotta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi Transport Malta rċeviet numru ta’ proposti rigward tibdil f’ċerti rotot fosthom dwar ir-rotot msemmija.
Infurmat ukoll li dawn il-proposti qegħdin jiġu kkunsidrati u fl-istess ħin l-Awtorita’ qegħdha tara li jkun hemm bilanċ fis-servizzi offruti lill-passiġieri sabiex l-istess vjaġġi jkunu l-iqsar possibli u fl-istess ħin joffru skop għal vjaġġi alternattivi għall-passiġġieri mill-
interchange
ta’ Buġibba.
Is-suġġeriment li minflok jintuża l-bypass, ir-rotta tgħadddi minn San Pawl il-Baħar, ovvjament iżid il-ħin tat-traġit.