Legislature:
Category:
Reset
Active:

xogħol fuq triq li tieħu minn Burmarrad saż-Żebbiegħ

Question

Billi numru ta' toroq li għandhom funzjoni li jgħaqqdu rħula flimkien, matul l-aħħar xhur ingħataw wiċċ ta' tarmak u dan biex jiġi faċilitat l-aċċess f'dawn it-toroq waqt li jkun qed isir xogħol ieħor f'toroq arterjali, jista' l-Ministru jara li Transport Malta tagħti wiċċ lit-triq li twassal minn Burmarrad saż-Żebbiegħ (fil-partijiet li għadhom mhux mogħtija t-tarmak), għaliex din it-triq qed tintuża minn numru kbir ta' persuni li jkunu qed jivvjaġġaw bejn l-Imġarr u San Pawl il-Baħar u viċi versa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq mhix waħda mit-toroq li sejrin isiru din is-sena. Infurmat ukoll li din it-triq se tiġi kkunsidrata, flimkien ma’ toroq oħra, għal programm ta’ toroq li jmiss.

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl - main tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27897, jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni oħra fl-isqaq imsemmi, għaliex jidher li l-periklu qed ikompli jikber kuljum?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret fl-isqaq imsemmi, nstab li hemm tappiera li trid tiġi mibdula biex jitneħħa kull periklu.
Leg 11 PQ #29044 Sitting 395 2011-10-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — policies dwar shooting ranges

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-policies tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar shooting ranges hux se jiġu mibdula? Jista' fl-istess ħin jagħti informazzjoni dwar in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal shooting ranges li hemm pendenti għand l-awtorità, jekk hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt f'mistoqsijiet parlamentari numri 5742, 15660, 15711, 17690, 20396, 20398. Fir-rigward ta' applikazzjonijiet pendenti, l-Awtorita' għandha quddiemha żewġ applikazzjonijiet (2) għall-bini ta' " shooting ranges " minn applikanti privati fil-lokalitajiet ta' Kerċem u n-Nadur, Għawdex. Din l-informazzjoni ġiet miġbura minn applikazzjonijiet li għandhom il-kliem 'shoot' jew 'sparar' fil-proposta tagħhom.
Leg 11 PQ #28985 Sitting 394 2011-10-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti — talbiet ta' sekwestru

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28736, filwaqt li napprezza li x-xogħol tal-Qorti hu amministrat mill-istess Qorti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif kif jiġi assigurat li ma jiġux milqugħa talbiet ta' sekwestru fuq persuni li lanqas biss ikollhom x'jaqsmu mal-każ, għaliex dan iġib miegħu problemi u spejjeż żejda għall-persuni li jistgħu jkunu innoċenti mill-pretensjonijiet imressqa kontrihom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

B’referenza għad-domanda tal-Onorevoli Membru huwa dover u responsabbiltà tal-persuna li titlob il-ħruġ ta’ tali mandat li tassigura li l-informazzjoni li tagħti tkun konformi ma' dak previst fl-Art. 376 tal-Kap 12. Inoltre, jekk jintalab il-ħruġ ta’ mandat fil-konfront ta’ persuna żbaljata, din tal-aħħar dejjem tista’ tirrikori għall-Qorti għar-rimedji skont il-Liġi.

Qawra — Ċentru tal-Appoġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu s-servizzi li jingħataw miċ-Ċentru tal-Appoġġ, flimkien ma' servizzi oħra li diġà qed jingħataw mill-Ministeru fl-uffiċċju/faċilità li hemm fil-Qawra? Jekk iva, x'servizzi hu mistenni li jiżdiedu u meta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fiż-żmien qrib iċ-Ċentru Access tal-Qawra se jkollu iktar facilitajiet fejn ikun jista’ jorganizza iktar attivitajiet u servizzi għall-komunità. Dan peress li l-istess Ċentru se jkun estiż biex jilqa’ fih żewġ swali li fihom jistgħu jibdew jsiru diversi inizjattivi għall-benefiċċju tal-komunità tal-lokalita’. F’din l-estenzjoni hemm il-ħsieb li jibdew isiru diversi proġetti u inizjattivi mill-entitajiet li joperaw minn ħdan iċ-Ċentru, bl-għajnuna t’ entitajiet oħra, li jifformaw parti min-network tal-Aċċess, bħal ma huma, per eżempju, l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi. Ħafna xogħol isir bil-kollaborazzjoni ta’ entitajiet lokali wkoll. Fost proġetti oħrajn, dawn jistgħu jinkludu dan li ġej: Proġetti indirizzat għall-adolloxxenti u żgħażagħ bil-għan li jkunu offruti spazji fejn huma jkunu jistgħu jieħdu sehem fi proċess edukattiv li huwa taħt forma non-formali u informali. Dawn il-proġetti ser ikunu qed isiru bis-sapport tal-Aġenzija Zgħażagħ u Sedqa. · Taħriġ għar-reġistranti tal-area bil-għan li jkunu offruti aktar opportunitajiet biex isaħħu l-abiltajiet tagħhom u b’hekk ikun aktar faċli għalihom biex isibu mpjieg. · Laqgħat għall membri tal-Komunità fejn il-management tal-Qawra Aċċess Centre bil-għajnuna tal-‘Community Workers’ ikun jista’ jiltaqa’ ma’ sezzjonijiet tar-residenti bil-għan li tissaħħaħ il-komunikazzjoni bejn il-membri tal-komunità u l-impjegati li jaħdmu fil-Qawra Aċċess Centre. · Taħriġ għall-ġenituri bil-għan li jkollhom sapport fuq diversi temi dwar it-trobbija ta’ uliedhom bis-sehem tal- Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi u Sedqa. · Proġetti edukattivi oħra li fost l-oħrajn jinvolvu esperjenza hands on għall parteċipanti li jkunu qed jibbenefikaw minnhom. Ix-xogħol imwettaq fiċ- Ċentru Aċċess tal- Qawra ser ikun qed jiġi msaħħaħ permezz ta’ tkabbir fis-servizzi li ser ikunu qed jiġu mogħtija mill-istess Ċentru. Il-Fondazzjoni għas Servizzi Edukattivi ser tkompli żżid is- servizzi tagħha fiċ- Ċentru Smart Kids għal trabi ta’ bejn 3 xhur u sena u nofs. Minn naħa l-oħra l- Korporazzjoni ghax- Xogħol u t-Taħriġ se tkompli tkabbar is- servizzi tagħha permezz ta’ ftuħ ta’ uffiċċju tar- reġistrar (flok wiehed joqgħod imur il- Belt Valletta sabiex jirreġistra l-ewwel darba) fost diversi servizzi oħrajn. L-Awtorita’ tad- Djar ukoll ser ikollha rapreżentant tagħha li ser ikun qed jagħti servizz lill-komunita’ tal- inħawi minn dan l-istess Ċentru. L-Aġenzija APPOGG timmira li tkompli ssaħħaħ u tespandi s-servizzi ta’ Ħidma Socjali u Ħidma fil-Kommunita’ permezz ta’ aktar professjonisti bħal social workers u community workers, filwaqt li jiġi offrut ukoll servizzi ta’ terapija permezz ta’ psikologi u terapisti ghall-familja. L-APPOGG qegħda tesplora wkoll il-possibilita li jiġi mwaqqaf ukoll servizz ta Homestart għan naħa ta’ fuq ta’ Malta, u dan isseħħ jekk l-Agenzija tiddentifika xi entitajiet kummercjali li lesti li jikkontribwixxu finanzjarjament għal dan is-servizz.
Leg 11 PQ #28987 Sitting 394 2011-10-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Shelters imħaffra taħt proprjetà privata

Question

Billi uħud mix-shelters li għandna f'pajjiżna huma mħaffra taħt proprjetà privata, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif tali shelters jistgħu jiġu devoluti lil kunsilli lokali differenti u kif jista' dan il-proċess jiġi kordinat mad-Dipartiment tal-Artijiet fi ħdan il-Ministru tal-Finanzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi sabiex jiġu devoluti xelters li ġew imħaffra taħt propjeta privata lil diversi kunsilli lokali, ikun meħtieġ li ssir esproprazzjoni tax-xelters in kwistjoni, qabel issir id-devoluzzjoni. Ġaladarba x-xelters jiġu espropjati, imbgħad tkun tista’ tittieħed l-azzjoni min-naħa tad-dipartiment u jibda l-proċess sabiex dawn jiġu devoluti lill-kunsilli lokali.

San Pawl il-Baħar — cruiseliners fil-port

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19701 mogħtija mill-Prim Ministru, jista' l-Ministru jikkonsidra li Transport Malta tagħti inċentivi biex kultant żmien xi cruiseliners li jidħlu f'Malta, minflok fil-Port il-Kbir jidħlu fil-Port ta' San Pawl il-Baħar, għalkemm ninsab konxju tal-fatt li l-aġenti jsibu diffikultà biex jorganizzaw dħul ta' tali vapuri f'dan il-port?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f’San Pawl il-Baħar m’hemmx moll adekwat fejn cruise liners jistgħu jsorġu u għalhekk jekk cruise liners iżuru San Pawl il-Baħar ikollhom jibqgħu ankrati f’nofs il-bajja. Transport Malta m’hiex f’pożizzjoni li tagħti inċentivi sabiex cruise liners jankraw f’San Pawl il-Baħar, iżda lesta li tagħti kull għajnuna teknika jekk xi operatur tal-cruise liners ikun jixtieq iżur San Pawl il-Baħar.

Mosta — Triq San Pawl il-Baħar - pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28834 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jieħu l-passi neċessarji biex il-pelican lights li hemm fid-daħla ta' San Pawl il-Baħar (Triq il-Mosta), ħdejn l-pompi tal-petrol, u li ġew imkissra b'xi vettura li laqtithom, jiġu msewwija għaliex ilhom 15-il ġurnata li ntlaqtu u dawn qed iservu ta' periklu għas-sewwieqa u dawk li jkunu iridu jaqsmu? Jista' jitlob li ssir ukoll spezzjoni fuq il-pelican lights l-oħra (ta' warajhom iktar 'il ġewwa fl-istess triq) għaliex dawn donnhom li tilfu l-bilanċ tagħhom u qed jaħdmu b'mod żbaljat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta tat struzzjonijiet lid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi biex isiru t-tiswijiet meħtieġa.

San Pawl il-Baħar — Baħar iċ-Ċagħaq - resurfacing tat-triq tal-kosta

Question

Jista' l-Ministru, permezz ta' Trasport Malta, jikkonsidra l-possibiltà li l-partijiet tat-triq tal-kosta bejn Baħar iċ-Ċagħaq u San Pawl il-Baħar li ma kienux ġew resurfaced numru ta' snin ilu, fil-fatt jiġu resurfaced billi partijiet minnhom issa ġratilhom ħafna ħsara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan ix-xogħol jagħmel parti mill-pjan ta' manutenzjoni ta’ Transport Malta u dan ix-xogħol se jsir sal-aħħar ta' din is-sena.

San Pawl il-Baħar — kostruzzjoni ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol marbut mal-kostruzzjoni ta' dawn it-toroq: Triq Porzjunkola, Triq Konventwali u Triq il-Ġdida fi Triq Konventwali, ilkoll f'San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Triq Porzjunkola tagħmel parti mill-lista ta' toroq imsemmija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24717. Ix-xogħol inħareġ u ġie aġġudikat. Triq Konventwali u Triq il- Ġdida fi Triq Konventwali m'humiex imsemmija fl-istess tweġiba.

studenti li daħlu għal kors fl-Università

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar minn liema lokalitajiet huma l-istudenti, raħal/ belt individwalment li applikaw biex jattendu korsijiet fl-Università din is-sena, għal dawk li huma l-ewwel degree?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

studenti li daħlu għal kors tal-Masters/Dottorat

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar minn liema lokalitajiet huma l-istudenti, raħal raħal u belt belt li applikaw biex jibdew korsijiet ta' Masters jew Dottorat fl-Università ta' Malta f'din is-sena skolastika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Uinversità ta' Malta — numru ta' studenti li applikaw biex jagħmlu kors

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' studenti li applikaw u ġew aċċettati għal kull kors fl-Università ta' Malta li beda fis-sena akkademika preċedenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — korsijiet li ma setgħux jibdew

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm korsijiet li għalkemm infetħu l-applikazzjonijiet għalihom, fl-Università ta' Malta, fil-fatt ma setgħux jibdew għax ma kienx hemm applikazzjonijiet biżżejjed? Liema kienu dawn il-korsijiet li ma setgħux jinfetħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #28984 Sitting 393 2011-10-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Talbiet ta' sekwestru

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ladarba sal-lum ma tinżammx statistika ta' kemm-il talba għal sekwestru tiġi aċċettata u ta' kemm-il waħda tiġi rifjutata, fil-fatt tali statistika tibda tiġi miġbura? Waqt li jkun qed isir tali tibdil biex din l-informazzjoni tinġabar, jista' jiġi mdaħħal item li permezz tiegħu t-talbiet ta' sekwestru jiġu klassifikati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Is-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant se jiġi kkunsidrat.
Leg 11 PQ #5742 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — policies għas-shooting ranges

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, f'dak li hu tfassil ta' policies dwar shooting ranges kemm minn għaqdiet kif ukoll minn individwi u jekk hux ser ikun hemm policies differenti? Meta hu mistenni li dawn jiġi approvat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija kienet ingħatat permezz ta’ risposta f’mistoqsija palamentari numru 15711
Leg 11 PQ #9776 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Selmun Palace Hotel — bejgħ ta' lukanda

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi pjan speċifiku dwar l-użu ta' Selmun Palace Hotel? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li din il-lukanda tinbiegħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba lit a l-Ministeru tal-Finanzi l-Ekonomija u l-Investiment f’mistoqsija parlamentari numru 24539.
Leg 11 PQ #11357 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lukandi — għajnuna mill-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm lukandi li applikaw biex jibbenefikaw mill-iskemi li offra l-Gvern għal għajnuna tal-lukandi? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn il-lukandi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-taqsima għall-Iżvilupp ta’ Turiżmu Sostenibbli (TSDU) fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu rċieva wieħed u disgħin (91) applikazzjoni taħt l-iskema intiża biex tgħin proġetti sostenibbli fit-turiżmu, li minnhom disgħa u għoxrin (29) kienu lukandi. Inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-lokalitajiet ta’ dawn kif mitluba mill-Onor Interpellant. Lukanda waħda li tinsab fil-Gżira applikat għal skema ta’ sussidju fuq interessi ta’ self mill-banek. Is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu flimkien mal-MTA qed joffri skema oħra, fejn l-awtorità toħroġ ammont ekwivalenti ta’ flus daqs il-privat jekk dan imur biex jiffinanzja reklamar addizzjonali. Kien hemm għaxar lukandi li ssieħbu ma din l-iskema u li dawn jinsabu f’dawn il-lokalitajiet: ħamsa (5) f’Tas-Sliema, waħda (1) f’Għawdex, tnejn (2) il-Qawra u tnejn (2) San Ġiljan.
Leg 11 PQ #18335 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar — karozzi pparkjati mingħajr liċenzja mħallsa

Question

Jista' l-Prim Minstru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' vetturi li ġew rappurtati mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar bħala li qegħdin ipparkjati mingħajr m'għandhom il-liċenzja mħallsa għal perjodu ta' żmien, iżda li baqgħu pparkjati fit-toroq tal-lokalità, matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #18710 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

shelters tal-gwerra — protezzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-shelters tal-gwerra li huma magħrufa li jeżistu fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u l-Għargħur? X'passi jittieħdu minn Heritage Malta biex dawn ix-shelters jiġu protetti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li l-kunsilli lokali konċernati għandhom dwar ix-xelters li huma konxji tagħhom fil-lokalitajiet rispettivi.