Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li qed jirċievu s-servizz ta' home help f'kull waħda mil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali? Kemm hemm talbiet pendenti għal dan is-servizz f'dawn l-istess lokalitajiet? Meta hu mistenni li jiżdiedu l-persuni li jagħtu servizz, kemm f'dawn il-lokalitajiet, kif ukoll f'partijiet oħra ta' Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Twelid ta' trabi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' trabi li twieldu fl-isptarijiet tal-gvern matul l-aħħar 12-il xahar, xahar b'xahar? F'liema lokalitajiet kienu residenti l-ommijiet ta' dawn it-trabi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #29604 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — applikazzjonijiet - proġetti jew faċilitajiet agrikoli

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet validati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul l-ewwel disa' xhur tal-2011 li huma marbuta ma' proġetti jew faċilitajiet agrikoli? Jista' jagħti l-istess tagħrif għall-2010? Minn liema lokalitajiet ġejjin, separatament dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li skond is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011, l-istess Awtorita' ivvalidat mija u tnejn (102) applikazzjonijiet għall-żviluppi li huma marbuta ma' proġetti jew faċilitajiet agrikoli. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif dawn jitqassmu skond f'liema Kunsill Lokali jaqgħu (Tabella 1). Ta' min jinnota li applikazzjoni minnhom taqa taħt żewġ Kunsilli, dawk tal-Mosta u San Pawl il-Baħar. Fl-ewwel disa' xhur tas-sena 2010, l-awtorità ivvalidat mitejn u disa' u tletin (239) applikazzjoni għall-żviluppi ta' l-istess natura. Qed inpoġġi ukoll tabella ta' kif dawn jitqassmu skond f'liema kunsill lokali jaqgħu (Tabella 2). Ta' min jinnota li applikazzjoni minnhom taqa taħt żewġ Kunsilli, dawk ta' San Ġwann u s-Swieqi.

San Pawl il-Baħar — Kosta minn ħdejn is-Salina sa ħdejn torri tal-Qawra

Question

Jista' l-Ministru jistudja l-possibilità li l-parti tal-kosta li tgħaqqad is-Salini, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, sa ħdejn it-torri tal-Qawra, San Pawl il-Baħar, fil-partijiet tagħha li għad mhumiex irranġati sew, jiġu hekk irranġati, u dan forsi wkoll bl-involviment tal-Transport Malta, (sezzjoni marittima)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol msemmi fis-siti indikati minnu mhux inkluż fil-pjanijiet immedjati ta’ dan il-Ministeru.

Żrieragħ importati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jiġborx dettalji ta' liema tip ta' żrieragħ jiġu importati f'Malta, għat-tip differenti ta' prodotti agrikoli li jitkabbru hawn Malta? Kif jiġi assigurat li ż-żrieragħ li jiġu importati jkunu dejjem tal-għola kwalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont Avviż Legali 97 tal-2004 u l-emendi tiegħu, kull min jagħmel attività ta’ moviment ta’pjanti li jinkludu wkoll żrieragħ, hu obligat bil-liġi sabiex javza lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti billi jagħti tagħrif dwar liema tip ta' żrieragħ u pjanti se jiġu importati f'Malta. Dan l-avviż irid jingħata sa mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel. Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jagħmel monitoraġġ tas-suq lokali taż-żrieragħ billi jagħmel spezzjonijiet regolari għand il-kummerċjanti. Id-dokumenti u t-tikkettar taż-żrieragħ huma fost l-affarijiet ewlenin li jiġu ċċekkjati.

Hatcheries liċenzjati f'Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm għandna hatcheries liċenzjati hawn Malta (inkluż Għawdex) għal dak li jirrigwardja tifqis ta' flieles, kemm għat-trobbija għas-simna, kif ukoll għat-tkabbir tal-laħam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi f'Malta (u Għawdex) hemm żewġ 'hatcheries' li joperaw u li jfornu flieles kemm għat-trobbija għas-simna kif ukoll għal-produzzjoni tal-laħam..

San Pawl il-Baħar — Triq Piscopo Macedonia - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jibda x-xogħol marbut ma' Triq Piscopo Macedonia, u xi toroq oħra fl-istess inħawi, f'San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti mill-lista ta' toroq residenzjali li Transport Malta għandha tagħmel sas-sena 2012. Fil-preżent qed jitħejjew l-istejjem neċessarji biex tkun tista’ toħroġ is-sejha għall-offerti aktar tard din is-sena.

Transport Malta — Resident Parking Schemes

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29249, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema policies qed tapplika Transport Malta għar-rigward ta' resident parking schemes? Liema kienet l-aħħar skema ta' parkeġġ riservat għar-residenti li kienet approvata minn Transport Malta? F'liema lokalità?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy li tintuża sabiex jiġu evalwati talbiet għall-implimentazzjoni ta’ skemi kkontrollati għall-parkeġġ tar-residenti. L-aħħar skema ta’ parkeġġ ikkontrollat għar-residenti li ġiet evalwata u approvata minn Transport Malta għall-perjodu ta’ prova kienet ġol-lokalita’ tal-Pietà.

ETC — persuni b'diżabilità impjegati mal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm huma, skont l-informazzjoni miġbura mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, il-persuni li għandhom xi diżabilità li huma impjegati mal-gvern, mal-privat, inkella f'xi kumpanija parastatali jew Awtorità rispettivament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ dwar persuni li għandhom xi diżabilità (RDP Register) u li kienu jaħdmu sa l-aħħar ta` Mejju 2011 fuq bażi full jew part-time, kien hemm 1,246; 720 jaħdmu mal-privat, 389 jaħdmu mal-gvern u 137 jaħdmu f’xi kumpanija parastatali jew awtorità.

Mwiet fl-isptarijiet tal-gvern u djar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li mietu fl-isptarijiet tal-gvern u fid-djar tal-anzjani tal-gvern, separatament kull xahar matul l-aħħar 12-il xahar? Minn liema lokalitajiet kienu ġejjin u dawn il-persuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — persuni li daħlu fl-emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li ġew reġistrati bħala li daħlu fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei f'kull xahar matul din is-sena? Jekk tali informazzjoni tinġabar u tinżamm, jista' jagħti breakdown ta' dawn iċ-ċifri skont il-lokalitajiet li minnhom kienu ġejjin dawk li daħlu fl-Isptar Mater Dei? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għas-sena 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — dawl maqtugħ fil-bypass

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-parti tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar li ilha bid-dawl maqtugħ għal numru ta' jiem, tiġi rranġata biex jiġu evitati problemi ta' sewqan f'dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-ħsara ssewwiet il-ġimgħa l-oħra.

Tfal tal-iskejjel primarji — Learning Support Assistants

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal fl-iskejjel primarji tal-gvern fis-7, 11 u 12-il distrett elettorali li għandhom l-għajnuna tal-Learning Support Assistants fil-klassi? Tista' tagħti ukoll l-istess informazzjoni għal dawk li huma skejjel mhux governattivi, jekk tali informazzjoni tinġabar mill-Ministeru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Naxxar bypass — crash barriers u dawl fit-triq

Question

Billi l-bypass tan-Naxxar, bejn ir-roundabout qabel in-niżla tal-Iklin, u r-roundabout ta' qabel tibda nieżel in-niżla t'Alla u Ommu, hi waħda użata ħafna, kemm binhar kif ukoll billejl, u billi din l-istess triq għandha wkoll żewġ toroq li bihom jinqdew ir-residenti tal-area, matul it-tul kollu, jista' l-Ministru permezz ta' Transport Malta jieħu l-passi neċessarji biex din it-triq isirulha crash barriers, u jiġi assigurat li dawn il-barriers ikollhom id-dawl bil-lejl?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.

Naxxar bypass — dawl fit-triq

Question

Billi l-bypass tan-Naxxar, bejn l-Iklin u n-niżla t'Alla u Ommu, hi waħda użata ħafna, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din it-triq tiġi mdawla aħjar milli hi bħalissa, billi jidher li m'għandhiex dawl adegwat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-provvista ta’ street lighting ġdid taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali.

San Pawl il-Baħar — Veccia - żbroff ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex ikun hemm żbroff tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Veccia, San Pawl il-Baħar, bejn it-23 u l-24 ta' Ottubru, 2011? X'passi kellhom jittieħdu biex dan l-iżbroff jiġi kkontrollat fl-iqsar ħin possibbli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi din il-problema inqalgħet minħabba kollass ta’ main kbir tad-drenaġġ, bir-riżultat li d-drenaġġ li kien għaddej ma kellux minn fejn igħaddi u żbroffa fit-triq. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet ħsieb mal-ewwel li tikxef il-post tal-kollass u tibdel tul ta’ madwar 20 metru ta’ main biex tissolva l-problema. Id-drenaġġ twaqqaf li jfur fit-triq fi ftit siegħat. Għalkemm din it-tiswija issa tlestiet, il-Korporazzjoni għadha għaddejja b’investigazzjonijiet fuq l-istess main fil-viċinanzi, biex jiġu identifikati problemi potenzjali oħra bl-għan li kemm jista’ jkun ma tirrepetix ruħha din is-sitwazzjoni.

informazzjoni dwar persuni li qed isofru minn kanċer

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li matul l-2010, u fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena rispettivament, instabu li qed isofru minn xi forma ta' mard tal-kanċer? Kif inhuma maqsuma dawn il-persuni għal dak li jirrigwarda lokalitajiet? Jista' l-Ministru, jagħti tagħrif dwar jekk jirriżultax li hemm xi rabta partikolari bejn il-frekwenzi tal-mard, u dak li hu ambjent naturali, f'dawn l-istess inħawi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

informazzjoni dwar talbiet ta' servizzi li jingħataw fil-kliniċi governattivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru għandux xi forma ta' reġistru ċentrali għal dak li jirrigwarda t-talbiet ta' servizzi li jingħataw fil-kliniċi governattivi madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li talbu dawn is-servizzi mill-polikliniċi fid-diversi rħula li għandna madwar Malta u Għawdex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

informazzjoni dwar is-servizz tal-emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li għamlu użu mis-servizz tal-emerġenza, matul l-2010, xahar b'xahar, lokal, lokal? Kif jitqabbel dan in-numru man-numru ta' persuni li marru l-emerġenza tal-isptar komparat man-numru ta' persuni li marru l-emerġenza tal-polikliniċi, sena qabel?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti li se jigradwaw

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm huma l-istudenti minn kull waħda mil-lokaliajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, li hu mistenni li jiggradwaw din is-sena? F'liema oqsma ta' studju hu mistenni li jiggradwaw dawn l-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.