Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' ilmenti li rċeviet l-ARMS Ltd għal dawk li huma kontijiet, matul il-perjodu Lulju - Settembru 2011? Jista' jagħti tagħrif dwar minn liema lokalitajiet kienu ġejjin dawn l-ilmenti, lokal lokal?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' meters tad-dawl li nbidlu għall-ismart meters sal-aħħar ta' Ottubru 2011? Kemm minn dawn l-arloġġi nbidlu lokal lokal fil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Mellieħa — inħawi tat-Tomna - żviluppi partikulari
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikulari għal dawk li huma l-pjanijiet marbuta maż-żona industrijali li kienet ippjanata li tinbena fl-inħawi tat-Tomna, il-Mellieħa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Expression of Interest li kienet imsemmija f’mistoqsija parlamentari 25476, ġiet ippublikata u għalqet nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Ottubru u bħalissa qed jiġu evalwati l-proposti milqugħa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xi bidliet għal dawk li huma għoti ta' tilqim b'xejn kontra l-influwenza, liema tilqim jiġu pprovdut mill-Ministeru, b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali? Liema huma l-kunsilli lokali li jipparteċipaw f'din il-kooperazzjoni? Kemm kien in-numru ta' persuni li irċevew dawn it-tilqimiet, permezz ta' din il-kooperazzjoni fil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokalità lokalità, matul l-aħħar sentejn? Kemm kienu t-talbiet li saru għal din is-sena? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex minbarra l-informazzjoni li tgħaddi mingħand il-kunsilli lokali, l-istess ministeru jinforma lil dawk li għandhom il-possibilità li jieħdu dawn it-tilqimiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' nisa li s’issa marru biex jagħmlu t-testijiet minħabba il-kanċer tas-sider? Jista', b'mod partikulari, jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li ġejjin mis-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokalità lokalità? F'dawn il-lokalitajiet kemm minn dawk li ntalbu biex jattendu għat-test, fil-fatt m'attendewx għal dawn it-testijiet? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xi mail shot ieħor b'informazzjoni oħra dwar il-ħtieġa li kull mara tagħmel dawn it-testijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Programm Nazzjonali għall-Breast Screening ġie mniedi f’Ottubru tas-sena 2009. Sallum ġew mistiedna 24,279 mara li minnhom attendew 13,667 (56.3%) biex jagħmlu t-testijiet meħtieġa. Minn dawn, instabu 96 każ ta’ kanċer tas-sider. Rigward il-mailshot, bħalissa qiegħed jiġi ffinaliżżat materjal ġdid bħala parti minn kampanja ta’ edukazzjoni kontinwa.
L-analiżi tal-istatistika tinżamm fuq bażi ġeografika. Din tista’ tiġi aġġornata biex tirrifletti bażi distrettwali kif mitlub imma tirrikjedi xogħol manwali u allura tista’ tingħata fi żmien ġimgħa.
B'referenza għat-tweġiba parlamentari 29628 mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (Taqsima Marittima) għandhiex xi pjanijiet għal xogħol f'din il-parti tal-Qawra, billi l-moll fl-inħawi qed jiġrilu ħafna ħsara, b'mod partikolari bil-maltemp?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi l-moll imsemmi ma jaqax taħt ir-responsabiltà ta' Transport Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' uffiċjali tal-ħabs li ġejjin minn xi raħal tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokalità lokalità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 17-il uffiċjal fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin mid-distretti msemmija mill-Onorevoli Intepellant.
Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma — xogħlijiet fil-bitħa tal-iskola ta' San Pawl il-Baħar
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk id-Dipartiment responsabbli fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni talabx lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex il-bini li din il-korporazzjoni tuża parti mill-bitħa tal-iskola ta' San Pawl il-Baħar, ikunx jista' jibda jintuża (naturalment wara li jsiru fihom il-bidliet neċessarji) bħala klassijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li s’issa t-talba ma saritx għax il-possibilitajiet ta’ estensjoni qed jiġu studjati.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Pijunier - timing ta' traffic lights
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar tibdiliet fuq it-timing li għandhom diversi traffic lights li għandna madwar Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar tibdil fit-timing tat-traffic lights li hemm ħdejn Triq il-Pijunieri, San Pawl il-Baħar? Tista' Transport Malta tara wkoll jekk hemmx ħtieġa ta' bidliet partikolari kemm f'dawn il-lights, kif ukoll f'lights oħra madwar Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-aħħar verifiki li saru fuq sistemi ta' junctions regolati bid-dwal kien meta nbidlet is-siegħa u fuq il-junction ta' Vjal Santa Luċija minħabba x-xogħlijiet li qed isiru f'Ħal Luqa. Is-sistema tad-dwal ħdejn Triq il-Pijunieri f'San Pawl il-Baħar kienet bil-ħsara iżda ġiet irranġata s-Sibt, 5 ta' Novembru 2011. Uffiċċjali ta' Transport Malta kontinwament jagħmlu moniteraġġ fuq junctions tat-toroq regolati b'sistema tad-dwal tat-traffiku u jsiru l-aġġustamenti meta dawn ikunu neċessarji.
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jassigura li dawk il-pelican lights li għandna mwaħħla, f'diversi inħawi ta' Malta, li iżda għad m'għandhomx stallazzjoni tad-dawl, fil-fatt jiġu mgħammra b'dan id-dawl? Fejn jinsabu, skont Transport Malta dawn il-lights, li ġew approvati, imwaħħla fuq il-post, iżda għad m'għandhomx servizz tad-dawl? Kemm ilu approvat dan id-dawl?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-pelican crossings li ġew approvati minn Transport Malta u d-data rispettivi ta’ tali approvazzjonijiet huma: fi Triq Mdina-Mrieħel parti minn installazzjoni ta’ inkroċju ma’ Triq Mrieħel fid-9 ta’ Awwissu 2011, Triq Kostituzzjoni-Mosta fit-28 ta’ April 2011, Triq Fleur de Lys-Birkirkara fit-28 ta’ April 2011, Triq Mdina-Mrieħel fit-28 ta’ April 2011, Triq Imdina-Attard/Ta’Qali fit-28 ta’April 2011, Għaxaq By-Pass fit 28 ta’ April 2011, Għajn Tuffieħa Road-Mġarr fis-6 ta’ Ġunju 2009, Triq Il-Kbira San Ġużepp-Ħamrun fit-28 ta’ April 2011 u Triq il-Wileġ-San Pawl il-Baħar fis-17 ta’ Gunju 2008. F’dawn il-pelican crossings tlestew ix-xogħlijiet infrastrutturali u twaħħlu l-arbli u x’uħud mil-lanterni u tali installazzjonijiet se jinxtegħlu fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm toroq li kellhom jiġu mgħotija t-tarmak, minħabba xogħol fit-toroq arterjali li huma parti mill-proġett tat-Ten-Ts, biex dawn l-istess toroq iservu ta' toroq alternattivi ta' aċċess għal dawk li qed jiġu mibnija mill-ġdid? Fejn jinsabu dawn it-toroq li kellhom isiru minħabba dawn l-istess proġetti?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' toroq kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hemm għalliema Għawdxin li qed jaħdmu fl-iskejjel primarji f'Malta? F'liema skejjel qed jaħdmu dawn l-istess għalliema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Persuni kkundanati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentement in-numru ta' persuni li ġejjin mill-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Minbarra dawn il-persuni, kemm hu n-numru ta' persuni li għalkemm huma kkundannati, mhux qed iservu s-sentenza tagħhom f'din il-faċilità, iżda f'xi post ieħor? Jista' jagħti dan it-tagħrif lokalità lokalità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sat-3 ta' Novembru 2011, in-numru ta' persuni li ġejjin mill-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett kien ta' 16, 10 u 10 rispettivament. Infurmat ukoll illi sa l-istess perijodu, n-numru ta' persuni li qed iservu s-sentenza tagħhom barra l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien ta' 60. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni aktar dettaljata.
Ġurisdizzjoni tal-Ispettur — inħawi li jaqgħu taħtu
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-inħawi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ispettur li jkollu d-doveri tiegħu/tagħha assenjati fl-għassa tal-Mellieħa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-ġurisdizzjoni tal-Ispettur assenjat fl-Għassa tal-Mellieħa tkopri l-inħawi tal-Mellieħa u l-madwar, ċioe Mellieħa, Manikata, Selmun, Għadira, Armier, Marfa u Ċirkewwa.
informazzjoni dwar talbiet ta' servizzi li jingħataw fil-kliniċi governattivi
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru għandux xi forma ta' reġistru ċentrali għal dak li jirrigwarda t-talbiet ta' servizzi li jingħataw fil-kliniċi governattivi madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li talbu dawn is-servizzi mill-polikliniċi fid-diversi rħula li għandna madwar Malta u Għawdex?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hiex qed tikkunsidra li jiġu żviluppati areas ġodda għal yacht marinas? Billi l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-1993/1994 kienet identifika numru ta' siti li possibilment setgħu jiġu żviluppati f'yacht marinas, jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn is-siti ġew fil-fatt żviluppati matul dawn is-snin? Kemm minn dawn ġew żviluppati mill-gvern, u kemm mill-privat? Liema minn dawn is-siti għadhom qed jiġu kkunsidrati għal tali żvilupp?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-bidliet li mistennija jidħlu fis-seħħ, f'dak li jikkonċerna policies dwar l-speed cameras? Meta mistennija li jibdew jiġu implimentati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta qed tipproponi emendi fir-Regolamenti tal-Vetturi bil-Mutur, kif ukoll se tistabilixxi qafas li fih ikunu jistgħu jsiru investigazzjonijiet dwar talbiet jew ħtieġa biex isir tibdil fil-limitu tas-sewqan u l-implimentazzjoni tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Korporazzjoni Enemalta għandhiex xi sistema ċentrali li permezz tagħha jkun mgħarrfa lilha awtomatikament li xi toroq għandhom dwal maqtugħ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li Enemalta m’ghandix sistema ċentrali li permezz tagħha jkun mgħarrfa lilha awtomatikament meta xi toroq ikollhom id-dawl maqtugħ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li fejn mhemmx dwal pubbliku diġà stallati, dan id-dwal jiġi hekk istallat biex jiġi evitat li jibqagħlna toroq, kemm fl-irħula, kif ukoll f'dawk it-toroq arterjali, jibqgħu bla dawl bil-lejl?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proviżjoni ta’ dawl ġdid fit-toroq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali għal toroq ġol-irħula u tat-Transport Malta għal toroq arterjali.
Mellieħa — Triq Dun Franġisk Sciberras - arblu tad-dawl
Question
Jista' l-Ministru, permezz tal-Korporazzjoni Enemalta, jieħu l-passi neċessarji biex arblu tad-dawl, fuq bankina fi Triq Dun Franġisk Sciberras, il-Mellieħa, jitneħħa minn fejn qiegħed, għaliex issa ma fadalx użu għalih?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l- arblu li saret referenza għaliħ diġà tneħħa.