Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar kif inhu mistenni li l-Maltin li jgħixu barra jiġu infurmati aħjar b'dak li jkun qed isseħħ f'Malta u li jkun ta' benefiċċju għalihom, issa li għaddiet mill-Parlament il-liġi dwar Maltin residenti barra?
Response (BORG, TONIO)
It-twaqqif tal-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra se jkun pass kbir fid-direzzjoni li qed isaqsi dwarha l-Onorevoli Interpellant. Dan il-Kunsill irid jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena f'Malta, u jista' jwaqqaf ukoll gruppi Reġjonali.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kif l-uffiċċju tal-Appoġġ fil-Qawra/San Pawl il-Baħar qed ikun appoġġjat mill-Ministeru biex il-familji li joqogħdu fl-inħawi jkunu jistgħu jagħmlu użu mis-servizz tal-istess uffiċċju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru qed jappoġġa lill-uffiċċju tal-Appoġġ ġewwa l-Qawra billi:
· jiffinanzja lit-tim ta’ social workers u community worker;
· jiffinanzja l-impjieg tal-
manager
taċ-Ċentru tal-Aċċess biex jikkordina l-ammistrazzjoni,
· jiffinanzja l-operat ta’ kuljum, kif ukoll numru ta’ proġetti mmirati biex itejbu l-kwalita’ ta’ ħajja tar-residenti, b’mod partikolari dawk li jużaw is-servizzi tal-Aċċess;
· waqqaf u jappoġġa bord tad-diretturi, biex imexxu l-inizjattivi fil-komunita’;
· jipprovdi xogħol ta’ manutenzjoni skond il-bżonnijiet tal-post.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-ammont ta' skart riċiklabbli li nġabar xahar xahar bejn Jannar u Settembru 2011 f'kull waħda mill-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Paralamentari numru 30572 rigward skart riċiklabbli li nġabar mill-Bring-In-Sites, ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba rigward l-ammont ta' skart riċiklabbli miġbur fil-boroż il-ġriżi.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea, li qed jistennew li jinħarġilhom il-permess mingħand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar , fis-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali? Jekk iva, liema huma dawn il-proġetti?
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali fis-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali li għandhom talbiet pendenti li jridu jiġu kkunsidrati fl-iskemi 313 u 323? Jekk iva, liema huma dawn il-kunsill lokali, u liema proġetti huma mitluba li jiġu ffinanzjati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx talbiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jiġu approvati applikazzjonijiet għall-bini ta' farms, għat-trobbija tal-annimali fl-inħawi tas-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali? Jekk iva, x'inhuma dawn l-applikazzjonijiet, u f'liema lokalitajiet jinsabu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont is-sistema tal-Informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, bħalissa quddiem l-Awtorità hemm ħamsa u tletin (35) applikazzjoni pendenti għall-bini ta' farms għat-trobbija tal-annimali fl-inħawi tas-7, 11 u 12-il distrett. Annessa hawn tabella li tati it-tagħrif mitlub.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dawk li jikkonċernaw kmamar tan-nar, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-awtorità ffinalizzatx policy dwar bini ta' tali kmamar, billi hu ferm diffiċli li jinstabu siti għal tali binjiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiema erba' (4) applikazzjonijiet għal żvilupp relatat ma' kmamar tan-nar, tlieta (3) f'Malta u waħda (1) f'Għawdex. (Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "fire" jew "nar")
Fir-rigward tal-
policies
dwar kmamar tan-nar nirreferi lill-Onorevoli Membru għar-risposti li ngħataw f'PQ15711, PQ19250 u PQ5597.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jkun hemm żgħażagħ li se jiggradwaw din is-sena mill-MCAST? F'liema suġġetti? Kemm minn dawn iż-żgħażagħ ġejjin mill-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Pawl il-Baħar — tkabbir ta' skola primarja - ħtieġa ta' tkabbir
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kif inhu mistenni li tiġi solvuta l-ħtieġa ta' tkabbir tal-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, fid-dawl tal-fatt li din il-lokalità qiegħda tikber b'rata mgħaġġla ħafna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-problema tista’ tiġi solvuta b’estensjoni tal-iskola. Kif ġie spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30095 il-possibilitajiet kollha qed jiġu studjati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar inspections fuq il-pompi tad-drenaġġ fil-Pwales? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk irriżultax li kien hemm xi sadd partikolari fl-inħawi ta' dawn l-istess pompi? Jekk iva, x'passi ttieħdu dwar dawn il-ħsarat?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-inspections fuq il-pompi tad-drenaġġ fil-Pwales isiru regolari u kull meta titnaddaf is-sentina. M'hemm l-ebda sadd partikolari fl-inħawi ta’ dawn l-istess pompi.
San Pawl il-Baħar — sistema tad-drenaġġ fl-inħawi ta' Veccia
Question
Wara l-ħsara li rriżultat riċentement fl-inħawi tal-Veccia f'San Pawl il-Baħar, għal dak li jikkonċerna s-sistema tad-drenaġġ, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlitx xi testijiet oħra fl-inħawi ta' dawn il-ħsarat? X'kienu r-riżultati ta' dawn l-inspections?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li ma saru l-ebda testijiet oħra fl-inħawi tal-ħsara. Il-main tad-drenaġġ inkiser u ġie imsewwi fl-inqas ħin possibli.
San Pawl il-Baħar — inspections fuq is-sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar inspections bis-CCTV cameras, fuq is-sistema tad-drenaġġ ta' San Pawl il-Baħar? X'irriżulta minn dawn l-inspections? Jista' jagħti tagħrif jekk irriżultax li hemm xi ħsarat partikolari li għandhom jiġu rranġati fi żmien qasir?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti partikolari għal dawk li huma inċidenti bejn Maltin u barranin, fl-inħawi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-għassa ta' San Pawl il-Baħar/ Qawra? Jekk iva, qed jittieħdu xi passi biex tali sitwazzjonijiet jiġu evitati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li fl-għassa tal-Qawra jiġi assigurat li fl-ebda ħin ma jkun hemm għassa uffiċjal wieħed tal-pulizija, u jiġi assigurat ukoll li qatt ma jkun hemm preżenti kuntistabbli biss xogħol?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ġewwa l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra dejjem ikun hemm xogħol mill-anqas tlett membri tal-Korp u ċioe’, is-Surġent ta’ l-Għassa, l-orderly u xufier/patrol. Però jista jkun hemm mumenti fejn il-preżenza tas-Surġent u/jew tax-xufier tkun temporanjament meħtieġa x’imkien ieħor barra mill-għassa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li matul il-lejl jitqiegħdu pulizija għassa kemm fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, kif ukoll fl-inħawi tal-front ta' Buġibba/Qawra, minħabba persuni li qed jabbużaw mis-sewqan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kemm l-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll dawk tal-mobile squad, jagħmlu ronda regolarment kemm fit-toroq fil-lokalità msemmija mill-Onorevoli Interpellant, kif ukoll fit-toroq l-oħra sabiex kemm jista' jkun jitrażżan kull abbuż li jista’ jkun qed isir, inkluż dak imsemmi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' nisa li s’issa marru biex jagħmlu t-testijiet minħabba il-kanċer tas-sider? Jista', b'mod partikulari, jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li ġejjin mis-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokalità lokalità? F'dawn il-lokalitajiet kemm minn dawk li ntalbu biex jattendu għat-test, fil-fatt m'attendewx għal dawn it-testijiet? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xi mail shot ieħor b'informazzjoni oħra dwar il-ħtieġa li kull mara tagħmel dawn it-testijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Programm Nazzjonali għall-Breast Screening ġie mniedi f’Ottubru tas-sena 2009. Sallum ġew mistiedna 24,279 mara li minnhom attendew 13,667 (56.3%) biex jagħmlu t-testijiet meħtieġa. Minn dawn, instabu 96 każ ta’ kanċer tas-sider. Rigward il-mailshot, bħalissa qiegħed jiġi ffinaliżżat materjal ġdid bħala parti minn kampanja ta’ edukazzjoni kontinwa.
L-analiżi tal-istatistika tinżamm fuq bażi ġeografika. Din tista’ tiġi aġġornata biex tirrifletti bażi distrettwali kif mitlub imma tirrikjedi xogħol manwali u allura tista’ tingħata fi żmien ġimgħa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' talbiet għas-sussidju li daħlu għand l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi għal dawk li huma pannelli fotovoltajiċi matul l-2010 u l-2011 (sa Ottubru) rispettivament? Kemm minn dawn it-talbiet ġew aċċettati u kemm fil-fatt diġà tħallsu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30372, jista' l-Ministru jagħti tagħrif mitlub dwar iż-żewġ kategoriji ta' pitkala li huma msemmija fid-domanda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onoreveli Interpellant li n-numru ta’ persuni li joperaw bħala pitkala ġewwa l-Pitkalija ta' Malta huwa ta’ 17, filwaqt li f’Għawdex hemm pitkal wieħed. In-numru ta’ persuni li joperaw bħala pitakla ġewwa l-Pixkerija f’ Malta, huwa ta’ ħmistax. L-ebda pitkal tal-ħut ma jopera minn ġo Għawdex, peress li ma hemmx Pixkerija f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-meters tal-ilma li hu mistenni li jitwaħħlu fuq l-ispieri tal-bdiewa f'Malta u f'Għawdex rispettivament? Meta hu mistenni li jkun lest il-proċess tat-twaħħil tal-meters?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ meters li se jitwaħħlu fuq boreholes u spieri tal-bdiewa jleħħaq 3,500. Min dan l-ammont, se jitwaħħlu 3110 ġewwa Malta filwaqt li 390 ser jitwaħħlu ġewwa Ghawdex. Minn dawn 2345 huma boreholes li minnhom 2050 huma ġewwa Malta filwaqt li 295 huma ġewwa Ghawdex Il-proċess tat-twaħħil diġà imbeda u huwa maħsub li jitlesta fl-ewwel parti tas-sena 2013.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti fis-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali, raħal b'raħal li qed iseħħu jew huma fil-proċess li jitwettqu, permezz ta' kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari se tingħata f’xi seduta oħra.