San Pawl il-Baħar — spezzjonijiet fuq is-sistema kollha tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlitx spezzjonijiet fuq is-sistema kollha tad-drenaġġ fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar permezz tas-CCTV? Jekk le, jista' jitlob li ssir tali spezzjoni biex jiġu identifikati l-ħsarat kollha li jista' jkun hemm fis-sistema ta' dawn l-inħawi biex b'hekk ikun jista' jitfassal programm ta' manutenzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' karozzini li huma liċenzjati biex joperaw f'Malta u f'Għawdex rispettivament? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-karozzini humiex liċenzjati biex joperaw f'lokalità partikolari jew jistgħu joperaw kullimkien? Jekk huma liċenzjati biex joperaw f'lokalitajiet partikolari, kif inhuma maqsumin dawn il-liċenzji?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm total ta' 111-il liċenzja ta' karozzin maħruġa minn Transport Malta. Min għandu liċenzja ta' karozzin jista' jopera kullimkien f'Għawdex u f'Malta (ħlief fiċ-ċentru tal-Belt Valletta).
informazzjoni dwar studenti li qed jippreparaw għall-eżamijiet tal-MATSEC
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti fl-iskejjel tal-gvern li bħalissa qed jippreparaw għall-eżamijiet tal-MATSEC (livell avvanzat u intermedjarju) fil-kimika, fiżika u bijoloġija rispettivament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-operazzjonijiet li qed isiru fil-privat, minflok fl-Isptar Mater Dei, sal-lum? Kemm saru sal-aħħar ta' Novembru operazzjonijiet fl-isptarijiet privati b'riżultat tal-ftehim mal-privat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx operazzjonijeit oħra li hu mistenni li jibdew isiru fil-privat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-operazzjonijiet li qed isiru fil-privat, minflok fl-isptar Mater Dei huma dawk tal-Katarretti. Sa l-aħħar ta’ Novembru ġew invoiced 310 operazzjoni. Filwaqt li bħalissa m'hemm ebda sejħa għall-offerta miftuħa biex isiru operazzjonijiet oħra fil-privat, il-Gvern ser jiffoka fuq operazzjonijiet tal-hip replacements u dan skont kif ġie mħabbar fl-aħħar budget.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tkunx f'qagħda li tikkontrolla l-materjal li jidħol fil-barrieri li hemm msemmija fil-mistoqsija parlamentari 30576?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jistax iżejjen is-siġar li hemm matul id-daħla ta' Buġibba\Qawra ħdejn Kennedy Drive biex dawn iservu wkoll ta' attrazzjoni għal żmien il-Milied u l-ewwel tas-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 30580, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex issir esportazzjoni ta' materjal ta' kostruzzjoni kif indikat fir-risposta? Jekk iva, kemm kien hemm talbiet u kemm minnhom ġew aċċettati/approvati?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30576, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk jirriżultax li għad hemm barrieri oħra li għad jistgħu jibdew jintużaw għall-iskop imsemmi fil-mistoqsija parlamentari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li kull barriera li s’issa għadha ma ntlietx tista’ tapplika mal-MEPA biex tiġi wżata għall-iskopijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari. Il –MEPA mbagħad tgħaddi din it-talba mill-proċess ta’ evalwazzjoni tal-permessi ta’ Żvilupp u permess tal-Ambjent, li huma l-permessi rekwiżiti f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' tobba li qed jaħdmu fl-isptarijiet tal-Gvern? Kemm hu n-numru ta' speċjalisti li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei, skont l-ispeċjalizazzjoni tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MTA — San Pawl il-Baħar u Mellieħa - lukandi li jagħlqu għal xi perjodi
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx lukandi, fl-inħawi tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar li din is-sena nfurmaw lill-Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu, li se jkunu qed jagħlqu għal xi perjodu matul ix-xhur 2011/2012? Jekk iva, kemm se jkun hemm tnaqqis fl-availability tas-sodod f'dawn l-inħawi? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm lukandi li għalqu matul ix-xitwa li għaddiet iżda mhux se jagħlqu din is-sena? X'numru ta' sodod jirrappreżentaw dawn il-lukandi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li fl-inħawi tal-Mellieħa u San Pawl, lukanda waħda uffiċjalment infurmat lill-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu li se tagħlaq għal perjodu ta’ tliet xhur. L-awtorità hija nfurmata li jista’ jkun hemm lukandi oħrajn li jgħalqu għal xi perjodu li jvarja minn sitt ġimgħat għal xi xhur. Dan normalment isir biex il-lukandi jagħmlu xogħol ta’ refurbishment.
Fl-istess inħawi ħames lukandi, li flimkien jirrapreżentaw 1240 sodda u li kienu għalqu matul ix-xitwa li għaddiet, mhumiex ser jagħlqu din ix-xitwa.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa n-numru ta' studenti li qed jattendu korsijiet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi preżentement u li ġejjin lokal b'lokal mis-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi f'dak li jikkonċerna l-bejgħ jew it-tħaddim tas-Selmun Palace Hotel? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji tal-iżvilupp li seħħ? Jekk le, jista' jassigura li din il-lukanda ma tispiċċax vandalizzata u żarmata? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istess post għadx għandu security għassa mal-bini?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-gvern s'issa kellux l-opportunità li jinvestiga l-possibbilità li jgħin lil dawk il-bdiewa li sfaw vittma tal-maltemp li kellna f'Malta nhar it-Tlieta, 29 ta' Novembru 2011?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mmedjatament kif kien innutata li kienet saret ħsara lill-bdiewa ħtija tal-maltemp, twaqqaf kumitat ta’ azzjoni u nħarġet lill-għaqdiet u koperattivi tal-bdiewa biex il-ħsarat ikunu rappurtati. Numru ta’ uffiċjali tad-Dipartiment tal-Agrikoltura diġà qed jagħmlu spezzjonijiet fuq siti li kienu rappurtati li sofrew xi ħsara. Dan qed isir biex tkun investigata sew din il-ħsara sabiex tiġi fformata stampa ċara ta’ x’tipi u kwantità ta’ ħsarat iġġarbu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex rapporti formali ta' ħsarat li ġraw fir-raba u fl-uċuħ tar-raba, nhar it-Tlieta 29 ta' Novembru 2011, b'riżultati tal-maltemp li laqat diversi nħawi ta' Malta? Jista' jagħti indikazzjoni jekk fil-fatt kienx hemm spezzjonijiet li saru fil-partijiet fejn saru r-rapporti jew f'partijiet oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30799.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk preżetement hemmx il-ħsieb li l-Korporazzjoni Enemalta tibni substation fil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali? F'liema lokalitajiet hu mistenni li jinbnew dawn is-substations?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar San Luqa — tfal li attendew iċ-Child Guidance Clinic
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni (tfal) li attendew għal xi sessjoni fiċ-Child Guidance Clinic tal-Isptar San Luqa, matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Kif jitqabbel dan in-numru man-numri tat-tliet snin preċedenti, għall-istess xhur? Jekk il-Ministeru jżomm records tal-lokalitajiet li minnhom ġejjin dawn it-tfal, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni lokalità lokalità, għal dawn l-aħħar tliet snin?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-marinas li kienu identifikati li jistgħu jsiru mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (Planning Authority) fis-snin disgħin u li sal-lum għadhom ma sarux? Liema minn dawn is-siti hekk identifikati kienu studjati mill-Awtorità Marittima ta' Malta (qabel) jew minn Transport Malta aktar riċenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li kien sar mill-Planning Authority, dwar il-Yacht Marinas madwar Malta u Għawdex fis-snin disgħin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rapport Yachting Development Subject Plan jista’ jiġi aċċessat minn fuq il-website tal-MEPA:
http://www.mepa.org.mt/LPLegislationPolicyDocs?topic=none&doctype=Subject%20Plans%20&doctypeid=4&docname=none
Transport Malta — belisha lights ta' ħdejn roundabout tax-Xemxija
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30524 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar meta kienet l-aħħar darba li ġew rapportati bil-ħsara l-belisha lights ta' ħdejn ir-roundabaout tax-Xemxija mill-Uffiċċju ta' Transport Malta peress li dawn il-lights huma importanti minħabba l-ammont ta' vetturi li jgħaddu minn dan il-post, minn fejn iridu jaqsmu ukoll numru ta' persuni?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-belisha light imsemmija ma taqax taħt ir-responsabiltà tal-Enemalta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28254, fejn jidher li fejn twaħħlu l-ispeed cameras kullimkien kien hemm tnaqqis fi-ispeed tal-vetturi li jgħaddu mill-inħawi indikati, jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibbilità li f'Malta ukoll jitwaħħlu cameras li mhux bilfors ikunu qed jaħdmu dejjem, iżda li jkunu mwaħħla bħala detriment għal dawk li jabbużaw mis-sewqan? Jista' jagħti tagħrif dwar fiex waslet il-policy dwar l-ispeed cameras f'Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-policy dwar l-ispeed cameras se tiġi ppubblikata s-sena d-dieħla. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt dan is-suġġeriment għal kunsiderazzjoni ta' Transport Malta.