Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qorti — proċessi ta' sekwestri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li l-proċedura użata fil-Qrati tagħna f'dak li jikkonċerna l-proċessi ta' sekwestru tiġi rranġata biex qabel ma talbiet ta' sekwestru jiġu aċċettati, jiġi verifikat li min ikun se jsir mandat ta' sekwestru kontra tiegħu, ikun il-persuna li verament għandha tagħti lil dak, li jitlob li jsir is-sekwestru?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

B’referenza ghad-domanda tal-Onor. Membru jigi rilevat li hija l-Qorti li tiddecidi dwar t-talbiet ghal hrug ta’ sekwestru u xi kriterji jintuzaw biex jigu milqugha jew le. F’dan ir-rigward issir referenza ghal risposta li nghatat wara l-mistoqsija parlamentari numru 28985 li kopja taghha qed tigi hawn taht riprodotta. B’referenza ghad-domanda tal-Onor. Membru jigi ritenut li l-amministrazzjoni tal-Qorti ma tidholx fil-mertu ta’ kif jigi assigurat li ma jiġux milqugħa talbiet ta' sekwestru fuq persuni li lanqas biss ikollhom x'jaqsmu mal-każ, din hija preoragittva tal-Qorti. Huwa dover u responsabilta’ tal-persuna li titlob il-hrug ta’ tali mandat li tassigura li l-informazzjoni li taghti tkun konformi ma dak prevista fl-art 376 tal-Kap 12. Inoltre, jekk jintalab il-hrug ta’ mandat fil-konfront ta’ persuna zbaljata, din tal-ahhar dejjem tista’ tirrikori ghal Qorti ghar-remdji skont il-ligi. Rigward il-verifika ta’ mandati ta’ sekwestru, jekk tali mandat ikun wiehed ezekuttiv, id-dettalji jigu kollazzjonati u verifikati mas-sentenza. Jekk il-mandat ta’ sekwestru jkun wiehed kawtelatorju, sta ghall-avukat li jipprezenta l-att li jipprovdi id-dettalji ezatti mal-prezentata.

Zebra crossings — Pelican lights u Belisha lights

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31395, jista' l-Ministru jgħid minbarra zebra crossings bil-pelican lights, kemm hemm zebra crossings li għandhom belisha lights? Fejn jinsabu dawn il-crossings li m'għandhomx pelican lights, iżda li għandhom belisha lights? Kemm hemm zebra crossings li la għandhom pelican lights u lanqas belisha lights?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba imma limitata għal dawk it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta. (Ara PL 9220 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 447 nhar it-Tnejn 20 ta’ Frar 2012)

Xemxija — spezzjoni fuq siġar li jistgħu jieħdu n-nar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31456 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi dipartiment li hu responsabbli mill-ħarsien tas-siġar? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawk responsabbli qattx għamlu spezzjonijiet fil-masġar taż-żebbuġ fix-Xemxija, peress dan il-post (li hu fil-parti l-kbira tiegħu mogħti lill-Bird life) jinsab f'riskju li jieħu n-nar (naturalment fix-xhur tas-sajf)?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-ħarsien ta' siġar protetti huwa r-responsabilità tad-Direttorat tal-Ambjent fil-MEPA. Normalment, is-siġar jieħdu n-nar minħabba xi att vandalu, bħal per eżempju meta xi persuna tqabbad jew tipprova tqabbad xi nar qrib xi siġra. Il-MEPA ssegwi l-ilmenti jew rapporti oħra li jaslulha relatati mas-siġar u jsiru l-ispezzjonijiet li jkunu neċessarji. Barra minn hekk, hemm arranġament għall-immaniġġjar (Management Agreement) tas-sit fix-Xemxija, bejn BirdLife Malta, il-Ministeru u l-MEPA, bil-għan li ma ssirx ħsara fis-sit inġenerali.

Xemxija — protezzjoni lill-bajja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31457 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx mitlub mill-Awtorità ta' Malta dwat l-Ambjent u l-Ippjanar jagħmel xi kummenti dwar x'tip ta' protezzjoni għandha tingħata l-bajja tax-Xemxija, u b'mod partikolari l-parti fejn is-sajjieda jorbtu d-dgħajjes tagħhom (ħdejn il-Veccia)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba mill-MEPA kif indikat mill-Onor. Interpellant.

Talbiet għad-Divorzju

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm iddaħħlu talbiet għad-divorzju fil-Qrati tagħna minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tad-divorzju? Kemm minn dawn it-talbiet diġà ntlaqgħu? Minn liema lokalitajiet huma dawk li daħħlu tali talbiet?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Qorti Ċivili ta’ Għawdex Fil-Qorti ta’ Għawdex, minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tad-divorzju, iddaħħlu għaxar (10) talbiet għad-divorzju. Minn dawn it-talbiet diġà ntlaqgħu erbgħa (4). Il-partijiet li daħħlu taali talbiet kienu minn dawn il-lokalitajiet:- Lokalita’ Numru ta’ partijiet li daħħlu talba għal divorzju Fontana 1 Għasri 1 Marsalforn (limiti taż-Żebbuġ, Għawdex) 2 Nadur 2 Qala 1 Rabat, Għawdex 1 Sannat 1 Żebbuġ, Għawdex 1 Qorti Ċivili ta’ Malta B’referenza ghad-domanda tal-Onor. Membru in-numru ta’ kawzi ta’ divorzju sas-26 ta’ Jannar, 2012 huwa ta’ 284 li minnhom diġà ntlaqgħu 69. L-applikazzjoni kienu maqsum kif muri fit-tabella t’hawn taħt. Rikorsi għal Divorzju wara kuntratt ta’ separazzjoni 202 Rikorsi kongunti ghal Divorzju wara kuntratt ta’ Separazzjoni 52 Rikors ghal Divorzju f’kawża ta’ Separazzjoni 23 Rikors ghal Divorzju – partijiet mhux separati 7 Ma tinżamm l-ebda statistika għar-rigward tal-lokalità tal-applikanti fil-Qorti Civili ta’ Malta.

MEPA — Applikazzjonijiet għall-bini ta' farms

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet għall-bini ta' farms tal-annimali li huma pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar preżentament? Għal liema tip ta' annimali huma l-applikazzjonijiet pendenti bħalissa? F'liema lokalità jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

KSI — clearance biex jinbidlu mains tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm qiegħda ddum il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tagħti l-clearances tagħha ħalli jiġi deċiż jekk għandhomx jinbidlu l-mains tal-ilma meta xi kunsill lokali jkun se jagħmel xogħol ta' rikostruzzjoni fit-toroq tal-lokalità tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni tinforma lill-kunsilli lokali dwar jekk hemmx bżonn bdil ta’ mains tal-ilma meta jkun se jsir xogħol ta’ rikostruzzjoni fi żmien ġimgħa.

Kawżi ta' libell

Question

B'referenza għad-domandi parlametnari preċedenti dwar kawżi ta' libell pendenti fil-qorti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' kawżi ta' libell li nqatgħu matul l-aħħar sena? Kemm kien hemm kawżi ta' libell li fil-fatt twaqqfu matul is-sena li għaddiet, mingħajr ma nqatgħu, minn dawk li kienu bdew dawn l-istess kawżi ta' libell?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) Matul is-sena 2011 kien hemm żewġ kawżi ta’ libell maqtugħa mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fil-ġurisdizzjoni ċivili tagħha. Ma kien hemm ebda kawża ta’ dan it-tip li twaqqfet bla ma nqatgħet fl-istess żmien. Fil-Qorti Civili ta’ Malta: In-numru ta’ kawżi ta’ Libelli deċizi matul is-sena 2011 huwa s-segwenti mill-Qorti tal-Appell Superjuri kien ta’ żewġ kawżi (2); mill-Qorti tal-Appell Inferjuri kien ta’ kawża waħda (1) mill-Prim’ Awla tal-Qorti Civili kien ta’ sitta (6); mill-Qorti tal-Maġistrati kien ta’ disgħa (9). In-numru ta’ kawżi ta’ Libelli li twaqqfu matul is-sena li għaddiet jiġifieri matul 2011, mingħajr ma nqatgħu; quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili kien ta’ kawża waħda (1); u quddiem il-Qorti tal-Maġistrati kien ta’ ħamsa u tletin (35). Fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bhala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali: Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, matul is-sena 2011 ġew deċizi tliet (3) kawżi ta’ libelli kriminali. L-ebda kawza ta’ libell ma twaqqfet quddiem l-istess Qorti matul l-istess sena.

San Pawl il-Baħar — estensjoni tal-masġar ta' Kennedy Grove

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pjanti għall-estensjoni tal-masġar fl-iħawi ta' Kennedy Grove, San Pawl il-Baħar ġewx konklużi u jekk s'issa ġewx approvati? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess meħtieġ biex jinbeda x-xogħol għadu ma nħarigx mill-MEPA.

Buġibba/Qawra — xogħol fuq il-water park

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-water park li se jinbena fl-inħawi ta' Buġibba/Qawra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li xogħol fuq il-water park li se jinbena fl-inħawi ta' Buġibba/Qawra se jinbeda fil-ġranet li ġejjin

Xemxija — spezzjoni fuq siġar li jistgħu jieħdu n-nar

Question

Jista' l-Mnistru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi dipartiment li hu responsabbli mill-ħarsien tas-siġar? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawk responsabbli qattx għamlu spezzjonijiet fil-masġar taż-żebbuġ fix-Xemxija, peress dan il-post (li hu fil-parti l-kbira tiegħu mogħti lill-Bird life) jinsab f'riskju li jieħu n-nar (naturalment fix-xhur tas-sajf)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-MPQ tiegħu lill-Onorevoli Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura li huwa responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar li hija responsabli għall-ħarsien tas-siġar.

Xemxija — protezzjoni lill-bajja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx mitlub mill-Awtorità ta' Malta dwat l-Ambjent u l-Ippjanar jagħmel xi kummenti dwar x'tip ta' protezzjoni għandha tingħata l-bajja tax-Xemxija, u b'mod partikolari l-parti fejn is-sajjieda jorbtu d-dgħajjes tagħhom (ħdejn il-Veccia)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dan il-Ministeru ma rċieva l-ebda talba mill-MEPA kif indikat mill-Onorevoli Interpellant. Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija lill- Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni responsabbli minn Transport Malta.

rikonoxximent ta' bdiewa fl-għelieqi tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet fejn talbiet għar-rikonoxximent ta' bdiewa fl-għelieqi tal-gvern li kienu saru snin ilu, għadhom ma ġewx milqugħa? Kemm kienu l-każi li ġew uffiċjalment aċċettati u kemm kienu uffiċjalment rifjutati?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-Iskema għal Art Agrikola tal-Gvern li kienet ħarġet fis-sena 2000 kien hemm 9773 applikazzjoni madwar Malta u Għawdex. Minn dan l-ammont ġew proċessati 4456 applikazzjoni madwar Malta u Għawdex filwaqt li dawk l-applikazzjonijiet li għadhom iridu jiġu proċessati jammontaw għal 5317. Mill-ammont ta’ 4456 applikazzjoni li diġà ġew proċessati, kien hemm 477 applikazzjonijiet li ġew uffiċjalment rifjutati filwaqt li l-kazijiet li ġew uffiċjalment aċċettati jammontaw għal-3979.

Xemxija — qbil dwar rotta tal-karozza tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi qbil biex matul ix-xhur tas-sajf ikun hemm karozza tal-linja li titlaq minn ħdejn il-Knisja tax-Xemxija, biex b'hekk ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar il-ħteġijiet tar-residenti ta' San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-Transport Malta.

tibdil fir-rotta li tmur minn San Pawl il-Baħar għal Tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċesarji biex il-karozza tal-linja li tmur tas-Sliema tibda tgħaddi minn San Pawl il-Baħar minflok ma tgħaddi mill-bypass, bil-konsegwenza li n-nies li joqogħdu San Pawl il-Baħar u li jridu jmorru tas-Sliema mhux qed jinqdew b'dan is-servizz minkejja li jgħaddi mill-inħawi ta' San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

tibdil fir-rotta 232

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċesarji biex il-karozza tal-linja li tgħaddi minn San Pawl il-Baħar, wara li tkun telqet mill-Mellieħa (rotta 232), biex tmur l-Isptar Mater Dei, tibda tieqaf quddiem il-bieb priniċpali tal-isptar, nhux tieqaf ħdejn l-Università?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta

San Pawl il-Baħar — tibdil fir-rotot li jgħaddu minn Triq Ġulju

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma r-rotot tal-karozzi tal-linja li qed jgħaddu minn Triq Ġulju, San Pawl il-Baħar, billi dawn il-karozzi qed jikkawżaw danni lit-triq tant li partijiet sostanzjali minnha tkissru matul l-aħħar xhur? Jista' l-Ministeru jassigura li din it-triq ma tibqax titkisser b'dan il-mod konsegwenza ta' dan is-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Xemxija — limiti tal-Fekruna - tiswija fuq it-triq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fit-telgħa tax-Xemxija, qabel id-daħla lejn l-inħawi magħrufa bħala tal-Fekruna, issir it-tiswija neċessarja tal-istess triq li ġralha ħafna ħsara matul dawn l-aħħar jiem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — bozoz pubbliċi mwaħħla fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni Enemalta żżommx informazzjoni dwar l-inħawi li fihom għad m'hemmx bozoz pubbliċi mwaħħla fit-toroq residenzjali, jew f'dawk mhux residenzjali? Jista' jagħti tagħrif jekk l-istess Enemalta tieħux inizjattivi biex fejn hemm tali nuqqasijiet dawn il-bozoz nieqsa jitwaħħlu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Enemalta ma żżommx informazzjoni dwar inħawi li fihom għad m'hemmx bozoz. Ir-responsabbiltà tat-twaħħil ta’ bozoz ġodda m’għadux f’idejn l-Enemalta iżda f’idejn il-kunsilli lokali, fil-każ tat-toroq residenzjali u t-Transport Malta fil-każ ta’ dawk arterjali.

Skallijiet li għandhom bżonn tiswija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandu xi pjan biex flimkien ma' Transport Malta jiġu msewwija d-diversi skallijiet li hawn madwar il-kosta Maltija? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk uffiċjali tal-Ministeru ddentifikawx u rrappurtawx każijiet ta' skallijiet li għandhom bżonn tiswija? Liema kienu dawn l-iskallijiet li kienu hekk rrappurtati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li min spezzjonijiet magħmula minn uffiċjali ta’ dan il-Ministeru wara rapporti mill-pubbliku rigward l-iskallijiet li għandhom bżonn xogħol ta’ manutenzjoni, dawn il-ħsarat ġew ikkunsidrati fit-tfassil tal-programm tax-xogħlijiet u jitwettaq skont il-prijorità..