Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - ħtieġa ta' servizz

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 32070, billi skont risposti parlamentari preċedenti Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar għandha tingħata t-tarmac matul l-2012, jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet dwar it-tqegħid ta' mains kemm tad-drenaġġ u kif ukoll tal-ilma f'din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet f'din it-triq se jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin. Id-diskussjonijiet mal-Water Service Corporation qegħdin fi stadju avvanzat ħafna.

Qawra/Buġibba — Triq it-Turisti - tneħħija ta' arblu tad-dawl

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28732, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-iżviluppi minn meta ngħatat ir-risposta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi x–xogħol biex jitneħħa l-arblu msemmi diġà beda u s’issa tneħħa l-cable. Il-linji u l-arblu nnifsu għandhom jitneħħew dalwaqt.

Informazzjoni dwar niċeċ u statwi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandhiex informazzjoni kollha dwar niċeċ u statwi li għandna f'kull belt u raħal f'Malta

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra

San Pawl il-Baħar — inspections fuq is-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar inspections bis-CCTV cameras, fuq is-sistema tad-drenaġġ ta' San Pawl il-Baħar? X'irriżulta minn dawn l-inspections? Jista' jagħti tagħrif jekk irriżultax li hemm xi ħsarat partikolari li għandhom jiġu rranġati fi żmien qasir?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inspections fuq is-sistema tad-drenaġġ ta’ San Pawl il-Baħar huma kontinwi. Ġew spezzjonati 7378 metru ta’ mains tad-drenaġġ matul l-aħħar sentejn. Il-ħsarat jiġu klassifikati skond it-tip u jiġu msewwija skont l-urġenza ta’ dawn il-ħsarat speċjalment meta jkun qed isir xogħol fuq l-asphalt mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jew Transport Malta.

Selmun Palace Hotel — żviluppi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi f'dak li jikkonċerna l-bejgħ jew it-tħaddim tas-Selmun Palace Hotel? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji tal-iżvilupp li seħħ? Jekk le, jista' jassigura li din il-lukanda ma tispiċċax vandalizzata u żarmata? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istess post għadx għandu security għassa mal-bini?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari numru 31680.

San Pawl il-Baħar — spezzjonijiet fuq is-sistema kollha tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlitx spezzjonijiet fuq is-sistema kollha tad-drenaġġ fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar permezz tas-CCTV? Jekk le, jista' jitlob li ssir tali spezzjoni biex jiġu identifikati l-ħsarat kollha li jista' jkun hemm fis-sistema ta' dawn l-inħawi biex b'hekk ikun jista' jitfassal programm ta' manutenzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30557.

informazzjoni dwar kontijiet tad-dawl/ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' kontijiet tad-dawl/ilma li jintbagħtu kull sena? Kemm minn dawn huma kontijiet li jintbagħtu fir-residenzi u kemm jintbagħtu lil konsumaturi oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ kontijiet tad-dawl u ilma li jintbgħatu kull sena, skont il-kategorija ta’ dawk residenzjali u oħrajn, huwa kif ġej: · Fl-2010 intbagħtu 534,761 kont residenzjali u 426,670 kont taħt kategoriji oħra; u · Fl-2011 intbagħtu 672,643 kont residenzjali u 609,644 kont taħt kategorija oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — applikazzjonijiet għall-istallazzjoni tas-servizzi tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex applikazzjonijiet għall-istallazzjoni ta' servizzi tal-ilma li ilhom pendenti għal iktar minn sitt xhur? Jekk iva, f'liema lokalitajiet u x'inhuma r-raġunijiet għal dan id-dewmien?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 46 applikazzjoni għal servizzi tal-ilma ġodda li ilhom pendenti għal aktar minn 6 xhur. Dawn huma mniżżla fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

art agrikola amministrata mill-Gvern — bejgħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux pjan biex l-art agrikola li hi amministrata mill-Gvern tkun tista', naturalment b'kollaborazzjoni mal-Ministeru responsabbli mill-artijiet, tgħaddi għand il-bdiewa anke b'bejgħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif kien imwiegħed fil-programm elettorali, il-gvern kien għaddej b’xogħol f’dan l-aħħar snin biex titfassal skema ta’ ċnus u qbiela. Dan ix-xogħol li qed isir mal-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur huwa avvanzat u jinsab fl-aħħar stadji tiegħu. Hekk kif dan ix-xogħol ikun konkluż, it-tagħrif dettaljat ikun ippublikat.

soqfa tal-Qorti — tiswija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi partijiet mis-soqfa tal-Qorti li għandhom bżonn tiswija minħabba xi ħsarat li għandhom?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma hemm ebda parti mis-soqfa tal-Qorti li għandhom bżonn tiswija minħabba xi ħsarat li għandhom.

xogħol fuq toroq arterjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq it-toroq arterjali li fuqhom qed isir ix-xoghol fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent għaddej xogħol fuq sitt proġetti. Dawn huma: · Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi, Luqa · Moll iċ-Ċangatura u Xatt l-Għassara tal-Għeneb, Marsa/Floriana · Triq il-Marfa, Ċirkewwa/Mellieħa · Triq l-Imġarr, Triq Fortunata Mizzi, Triq ir-Repubblika, Rabat/Xewkija, Għawdex Skont l-aħħar estimi li għandha Transport Malta, huwa previst li dawn ix-xogħolijiet mistennija jibdew jitlestew minn April sa Lulju 2012. It-tnejn l-oħra: · Ta’ Penellu – Mellieħa · Bini ta’ underpass tal-Marsa mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena. Dawn id-dati dejjem huma suġġetti għal xi dewmien li jista’ jirriżulta minn telf ta’ xogħol minħabba maltemp, xi skoperti arkeoloġiċi u/jew ċirkostanzi li wieħed ma' jkollux kontroll fuqhom.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - ħtieġa ta' servizz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tiddiskuti mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dawk li huma l-ħteġijiet ta' servizzi fi Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar, billi din it-triq trid issir kollha kemm hi u m'hemmx dubju wkoll li ħafna mis-servizzi fiha se jkollhom bżonn jinbidlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li iva, kif dejjem isir fuq xogħol simili.

toroq iffinanzjati lill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq li ġew aċċettati bħala li jistgħu jiġu finanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Meta ġew aċċettati l-ewwel darba biex fil-fatt il-finanzjament tagħhom isir permezz ta' dawn il-fondi? Liema mit-toroq li kienu aċċettati oriġinarjament, fil-fatt inbidlu ma' toroq oħra? F'dan il-każ, liema kienu t-toroq li ġew hekk aċċettati biex isiru bil-fondi tal-Unjoni Ewropea? Liema minn dawn it-toroq għadu għaddej ix-xogħol fuqhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-toroq li ġew sottomessi lill-UE għal ko-finanzjament mill-fondi tal-UE huma: 1. Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi 2. Il-Kostruzzjoni u t-titjib tat-triq li tagħti aċċess għat-Terminal tal-Passiġieri bil-Baħar, il-Furjana/Marsa. Fasi A u B. 3. Triq il-Marfa, Marfa 4. Il-Bypass Ta’ Pennellu Mellieħa 5. Triq l-Imġarr, Xewkija, Triq Fortunata Mizzi u Triq ir-Repubblika, Victoria Għawdex 6. Rikostruzzjoni u titjib tal-Bypass ta’ M’Scala 7. Rikostruzzjoni u titijib ta’ Triq il-Belt Valletta, Żurrieq. L-ewwel ħames toroq ġew aċċettati għal ko-finanzjament minn fondi tal-UE fit-3 ta’ Frar 2010 permezz tad-deċiżjoni tal-kummissjoni Ewropeja K(2010)729 u bħalissa hemm ix-xogħol għaddej fuqhom. Iż-żewġ toroq l-oħra kienu ġew aċċettati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fis-26 ta' Marzu 2008 u x-xogħol fuqhom tlesta fl-2010.

informazzjoni dwar stennija ta' ċittadinanza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet għal ċittadinanza doppja, li iżda għadhom mhux aċċettati? Minn liema pajjiżi ġejjin dawk li qed jitolbu li jkollhom ċittadinanza doppja, b'numri għal kull pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li lill-Gvern Malti ma ssirlu l-ebda talba għaċ-ċittadinanza doppja. Il-Gvern Malti jista' jagħti jew jikkonferma biss iċ-ċittadinanza Maltija u l-ebda ċittadinanza oħra. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li mis-sena 2000 'l hawn kull ċittadin Malti li għandu fil-pussess tiegħu ċittadinanza barranija jista' jżomm din iċ-ċittadinanza ma' dik Maltija.
Leg 11 PQ #32055 Sitting 448 2012-02-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

nies li ma jistgħux jivvutaw

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni li għalkemm għandhom karta tal-identità u ċittadinanza Maltija, fil-fatt m'għandhomx dritt li jivvutaw, għaliex ma jidhrux fir-reġistru elettorali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-Informazzjoni li għandi mingħand l-Uffiċċju Elettorali, ninsab infurmat li s-sistema użata fl-Uffiċċju Elettorali ma tagħtix il-faċilità li tinġabar din l-informazzjoni
Leg 11 PQ #32056 Sitting 448 2012-02-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

nies li m'għandhomx dritt li jivvutaw

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' ċittadini mill-Unjoni Ewropea li għalkemm għandhom karta tal-identità Maltija valida, dawn m'għandhomx dritt għall-vot (fil-kunsill lokali)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni li għandi mingħand l-Uffiċċju Elettorali, ninsab infurmat li s-sistema użata fl-Uffiċċju Elettorali ma tagħtix il-faċilità li tinġabar din l-informazzjoni.

dawl f'postiijiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess biex għal dak li jikkonċerna dawl f'postiijiet pubbliċi sseħħ id-devoluzzjoni totali lill-kunsill lokali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

devoluzzjoni mogħtija lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi proċess ta' diskussjoni bejn il-gvern ċentrali, u l-Korporazzjoni Enemalta, biex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jingħataw id-devoluzzjoni totali għal dak li jikkonċerna d-dwal f'inħawi pubbliċi madwar Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Gvern Lokali qiegħed fil-preżent għaddej b'diskussjonijiet kemm fuq livell amministrattiv kif ukoll fuq dak finanzjarju biex id-dwal tat-toroq jiġu divoluti lill-Kumitati Reġjonali.

San Pawl il-Baħar — rotot tal-karozzi tal-linja mill-Belt għall-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma r-rotot tal-karozzi tal-linja li jgħaddu mill-bypass ta' San Pawl il-Baħar fid-direzzjoni tal-Belt u tal-Mellieħa, rispettivament? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhu l-iskop li dawn ir-rotot partikolari jgħaddu mill-bypass, iżda ma jgħaddux mir-raħal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-rotot li jgħaddu mill-By Pass ta’ San Pawl il-Baħar huma hekk kif ġej:- · Rotta X1, li hija express service u li titlaq miċ-Ċirkewwa lejn l-ajruport ta’ Malta bi frekwenza ta’ kull siegħa · Rotta X6, li hija express service u li tmur miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt bi frekwenza ta’ kull siegħa · Rotta 222 li tmur miċ-Ċirkewwa lejn tas-Sliema bi frekwenza ta’ kull nofs siegħa Ir-rotot X1 u X6 huma rotot express u għaldaqstant dawn għandhom numru limitat ta’ stops li jieqfu fuqhom u għalhekk qegħdin jgħaddu mill-By Pass ta’ San Pawl il-Bahar. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rotta 222 ser tibda tgħaddi minn ġoċ-ċentru tal-lokal fil-ġimgħat li ġejjin.

Xemxija u Erba' Mwieġeb — Transport Malta - rotot

Question

Billi qed jirriżulta li dawk li joqogħdu bejn ix-Xemxija u Erba' Mwieġeb qed isib diffikultà kbira biex jużaw it-trasport pubbliku u dan għaliex għal ċertu destinazzjonijiet jistgħu jinqdew biss bir-rotta 41, jista' l-Ministru jitlob lil Transport Malta biex tinvestiga din il-problema u tieħu l-passi rimedjali neċessarji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.