Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill lokali — Public Private Partnership - skema għall-kostruzzjoni ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li pparteċipaw fl-iskema tal-Public Private Partnership għall-kostruzzjoni tat-toroq? Fil-kaz tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, liema kienu t-toroq li ġew identifikati li jridu jsiru permezz ta' din l-iskema? Liema huma t-toroq li diġà saru permezz ta' dan il-ftehim, liema huma t-toroq li qed isir ix-xogħol fihom bħalissa, u liema għad iridu jinbdew? F'kull każ meta saru l-ftehim bejn il-kunsill lokali u l-kuntratturi li ġew magħżula?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Rigward l-ewwel domanda nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33735. Ninsab infurmat illi r-riposta għall-kumplament tad-domanda għadha qed tinġabar u għalhekk se tingħata f'xi seduta oħra.

Attivitajiet mill-kumitati amministrattivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-attivitajiet li jistgħu jiġu organizzati mill-kumitati amministrattivi, fejn dawn jeżistu? Liema attivitajiet għandhom il-ħtieġa ta' clearance mid-dipartiment għall-Kunsilli lokali biex dawn ikunu jistgħu jsiru?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Kumitati Amministrattivi jistgħu jorganizzaw attivitajiet bħal ma jistgħu jagħmlu l-Kunsilli Lokali nfushom, dejjem sakemm jimxu mal-proċeduri u r-regolamenti stabbiliti. Kull deċiżjoni ta' Kumitat Amministrattiv madankollu, teħtieġ ir-ratifika tal-Kunsill Lokali li jagħmel parti minnu qabel jesegwixxi xi deċiżjoni, inkluż li jorganizza xi attivita', kif stipulat f'Artiklu 47 A (9) tal-Liġi dwar Kunsilli Lokali (Kap 363).

Xemxija u Erba' Mwieġeb — Transport Malta - rotot

Question

Billi qed jirriżulta li dawk li joqogħdu bejn ix-Xemxija u Erba' Mwieġeb qed isib diffikultà kbira biex jużaw it-trasport pubbliku u dan għaliex għal ċertu destinazzjonijiet jistgħu jinqdew biss bir-rotta 41, jista' l-Ministru jitlob lil Transport Malta biex tinvestiga din il-problema u tieħu l-passi rimedjali neċessarji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li se jittieħed kont tal-osservazzjonijiet tiegħu fit-tibdil li jmiss isir.

San Pawl il-Baħar — ftehim dwar rotot li jgħaddu minn Triq Toni Bajjada

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31366 u 31787, billi l-ebda waħda mir-risposti mhi qed issolvi l-problema tal-persuni li joqogħdu fl-inħawi, u li tilfu s-servizz tat-trasport pubbliku li kellhom, jista' l-Ministru jara li jiġi assigurat li t-trasport pubbliku jerġa' jibda jaqdi lil dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li se jittieħed kont tal-osservazzjonijiet tiegħu fit-tibdil li jmiss isir.

San Pawl il-Baħar — toroq li għandhom bżonn it-tarmac

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol preparatorju biex Triq il-Konventwali u Triq Ġdida fi Triq Konventwali, San Pawl il-Baħar ikunu jistgħu jingħataw it-tarmac?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Triq il-Konventwali tagħmel parti mill-pjan ta’ xogħlijiet ta’ Transport Malta għal wara Ġunju 2012. Bħalissa qed isiru l-istejjem u l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet biex ikun jista’ jinħareġ it-tender. Triq Ġdida fi Triq Konventwali ma taqbiżx is-70% bini u għalhekk għalissa ma tagħmilx parti mill-programm ta’ din is-sena.

Ilma tad-drenaġġ msoffi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jiġi msoffi ilma tad-drenaġġ li jkun ta' kwalità tajba biżżejjed biex ikun jista' jintuża għal skopijiet agrikoli? Kif inhu mistenni li dan l-ilma jitwassal għand il-bdiewa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi-pjan tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma huwa li jipprovdi madwar 19,200 metru kubu kuljum għall-użu sekondarju fostu għall-skopijiet agrikoli. Dan l-ilma se jitwassal permezz ta’ pompi u pajpijiet mgħoddija apposta minn postijiet pubbliċi minn fejn il-bdiewa u/jew min irid juża dan it-tip ta’ ilma ta’ kwalitá superjuri jistgħu jieħdu permezz ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni awtomatika b’cards pre-paid.

Żviluppi fuq tkabbir tal-ħut tal-fish farms

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi li seħħew għal dak li jikkonċerna t-tkabbir tal-ħut tal-fish farms? X'tip ta' studju qed isir bħalissa mill-uffiċjal tad-dipartiment ikkonċernat, dwar ħut differenti li jista' jitkabbar fil-magħluq? Meta nbdew l-istudji differenti u x'riżultati inkisbu s'issa, naturalment, fil-limitu ta' informazzjoni li tista' tiġi ppubblikata minħabba l-istess studji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern reċentement ħareg abbozz ta’ strategijja għall konsultazzjoni pubblika li għandha sal-bidu ta’ Mejju. Din l-istrategijja tniedi f’liema direzzjoni għandha timxi Malta fil-qasam tal-akwakultura. Ġew ikkunsidrati diversi fatturi li jinfluwenzaw jew jiġu influwenzati mill-akwakultura. L-impatt socjo-ekonomiku jiġi kkunsidrat ukoll. Bħalissa ser tibda l-iStrategic Environment Assessment (SEA) biex tiġi ffinalizzata din l-istrateġija. Preżentement iċ-Ċentru Malti għar-Riċerka tal-Akwakultura qed jagħmel riċerka fuq diversi speċji bħall-aċċjol u t-tonn, fejn qegħdin fuq quddiem fl-Ewropa. Fil-każ tal-aċċjol, din ir-riċerka imxiet hafna ‘l-quddiem u qiegħdin jitrabbew il-hut kull sena. Wieħed jispera li fi dan il-process jilħaq il-livell meħtieġ billi jipproduċi numri ikbar ta’ ħut biex jkun jista’ jiġi kummercjalizzat. Fil każ tat-tonn, sar faqqis b’suċċess imma imma jirid jikomplew l-istudji biex prodotti iz-zgħar għat-tkabbir. Qed jsiru studji oħra ukoll fuq is-sargi, iċ-ċeren u l-gurbell.

San Pawl il-Baħar — Transport Malta - lista ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq, bħalissa jinsabu fuq il-lista ta' toroq li se jsiru minn Transport Malta matul din is-sena, f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi (A+B) ta' toroq li huma pprogrammati li jsiru din is-sena, dejjem jekk ma jinqala' xejn imprevvist. It-toroq f'lista B għandhom problema biex jinbeda x-xogħol, dan rigward esproprjazzjoni u ffurmar ta' triq.

Toroq arterjali u distributorji — program tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti ta' toroq arterjali u distributorji li s'issa mhux qegħdin fil-programm tax-xogħol li qed isir, li mistennija jinbdew minn Transport Malta matul din is-sena? Liema toroq oħra hu maħsub li jkunu jistgħu jinbdew iktar 'il quddiem, fl-istess programm ta' toroq arterjali/distributorji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li parti minn Triq il-Kosta, Pembroke mistennija li jibda x-xogħol fuqha minn Transport Malta matul is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' toroq arterjali u distributorji li qegħdin fil-programm ta' toroq li jridu jsiru minn Transport Malta. Data jew żmien meta dan ix-xogħol isir għad trid tiġi stabbilita.
Leg 11 PQ #33466 Sitting 463 2012-04-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

San Pawl il-Baħar — skola primarja - xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar meta mistenni li x-xogħol li għalih ħarġu l-permessi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar ikun jista' jinbeda, u jitlesta biex fih jibda jilqa' l-istudenti tal-lokalità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħlijiet fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar huma pjanati li jibdew fis-sajf li ġej. Dawn ix-xogħlijiet huma maħsuba li jitlestew sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss.
Leg 11 PQ #33467 Sitting 463 2012-04-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Tfal li jattendu skejjel speċjali għall-persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal, li qed jattendu l-iskejjel speċjali għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? Kemm minn dawn it-tfal huma minn lokalitajiet (separatament) tas-7, l-11 u t-12-il distrett elettorali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa — anzjani li tefgħu applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet minn anzjani (u mhux anzjani) li talbu biex imorru fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa, matul l-aħħar 12-il xahar li wara li ġiet evalwata t-talba tagħhom kienu infurmati li t-talba tagħhom ma setgħetx tintlaqa'? Minn liema lokalitajiet kienu dawk li t-talba tagħhom ma ġietx aċċettata? Fl-istess perjodu kemm kien hemm talbiet li ġew aċċettati u minn fejn kienu ġejjin dawk involuti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’dawn l-aħħar tnax il-xahar applikaw 104 persuni għad-Dar tal-Mellieħa. 21 minnhom irrifjutaw l-applikazzjoni meta marret is-Social Worker tagħmel l-assessment u jgħidulha li ma jixtiequx jidħlu ġo dar tal-Anzjani għalissa; 14-il applikazzjoni huma pendenti u applikant wieħed ġie nieqes. 10 applikazzjonijiet ma ġewx approvati mill-Bord tal-Ammissjoni li huma minn dawn il-lokalitajiet: 1 mill-Mosta 1 mill-Mellieħa 1 minn Ħad-Dingli 2 mill-Għargħur 1 minn Ħ’Attard 1 mill-Imsida 2 minn-Naxxar 1 mill-Kalkara 27 applikazzjoni ġew approvati għal Nursing Care Setting (Mtarfa, Mellieħa, Residenza San Vincenz de Paule (SVPR)) 18-il applikazzjoni ġew approvati għal dar fil-komunita’; 13-il applikazzjoni ġew approvati għal SVPR Dawn huma minn dawn il-lokalitajiet: 3 San Pawl il-Baħar 2 Ibraġġ 1 St. Venera 16 Mellieħa 1 Balzan 1 Fgura 1 Birżebbuġa 1 Rabat 1 Valletta 2 Qawra 1 Baħrija 6 Birkirkara 1 Floriana 2 Mġarr 1 Żabbar 4 Ħamrun 1 Paola 1 Iklin 4 Mosta 1 Victoria, Għawdex 1 Naxxar 1 Tarxien 1 San Ġwann 1 Swieqi 1 Attard 2 San Ġiljan

Residenza San Vinċenz de Paul — pazjenti li marru jivvotaw

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33160, fejn issemma li kien hemm 33 persuna li ħarġu biex jivvutaw, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet inġarru biex jivvutaw dawn il-persuna aktar u aktar meta t-trasport kien ipprovdut minn servizz ta' trasport tar-Residenza San Vinċenz de Paul? X'inhi l-proċedura li trid/għandha tintuża biex persuni intitolati għall-voti iżda għalkemm residenti f'dan l-istess sptar ikollhom jivvutaw fil-lokalità oħra, jiġu pprovduti bit-trasport mir-Residenza għall-post tal-votazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li disa’ u għoxrin (29) persuna ġew meħuda sal-post tal-votazzjoni fil-lokalita’ tagħhom bit-trasport pprovdut minn San Vinċenz, filwaqt li erba’ (4) persuni kienu meħuda sabiex jivvotaw mill-qraba tagħhom bi trasport privat. Il-lokalitajiet u n-numru ta’ residenti li ttieħdu sabiex jivvutaw huwa indikat fit-tabella hawn taħt: Residenti ta’ San Vincenz de Paule li vvutaw fil-Lokalita’ Lokalita’ Votanti ATTARD 2 B'BUGIA 2 BIRGU 3 FLORIANA 1 GZIRA 2 HAMRUN 3 ISLA 1 KIRKOP 1 PAOLA 5 QORMI 2 SAN GILJAN 2 SIGGIEWI 1 ST PAUL'S BAY 1 ZEBBUG 2 ZURRIEQ 1 29 Assistiti mill-Qraba Lokalita’ Votanti HAMRUN 1 LUQA 1 ZEBBUG 1 ZURRIEQ 1 4 TOTAL TA’ VOTANTI 33 Il-proċedura użata hija li meta persuna jinħarġilha l-vot mill-Kummissjoni Elettorali, fejn ikun indikat kemm il-lokalita’ kif ukoll il-post tal-votazzjoni, dawn il-persuni jiġu mistoqsija jekk jixtiequx jivvutaw. Jekk it-tweġiba tkun fl-affermattiv, allura l-persuna tiġi meħuda sal-lokalita’ tagħha akkumpanjata minn rappreżentant ta’ kull partit.

Żerriegħa tal-patata

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien matul l-istaġun taż-żriegħ tal-patata li bħalissa waslet biex bdiet/se tibda tinqala', il-kwantità differenti ta' żerriegħa li ġiet impurtata? Ta' liema varjetajiet kienet iż-żerriegħa li ġiet hekk impurtata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jispeċifika’ jekk irridx din l-informazzjoni għaż-żerriegħa li ġejja mill-EU jew impurtata minn pajjiżi Terzi.

Xogħol fuq l-Acquarium fil-Qawra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlestew l-ewwel fażijiet tax-xogħol marbut mal-Acquarium, fl-inħawi tal-ponta tal-Qawra? Liema fażijiet oħra hu mistenni li jitlestew din is-sena li qegħdin fiha?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fil-proġett tal-Akkwarju, fil-Ponta tal-Qawra jinsab miexi ġmielu u l-intenzjoni tal-kuntrattur u l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu hija illi l-ewwel sezzjoni li għandha titlesta hija l-parti tal-parkeġġ tal-karozzi. Ix-xewqa tal-kuntrattur hija li din tkun lesta qabel is-sajf li ġej. Sezzjonijiet oħra li għandhom potenzjal li jkunu lesti huma l-faċilitajiet ta’ mal-kosta u parti mill-ġnien ta’ mal-promenade. Il-proġett kollu huwa mistenni li jkun qrib il-kompletazzjoni sal-aħħar ta’ din is-sena.
Leg 11 PQ #33376 Sitting 461 2012-03-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forma ta avviż meta dawk li jqasmu l-voti ma jsibu lill-ħadd

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawk responsabbli mit-tqassim tal-voti humiex responsabbli li jħallu xi forma ta' avviż f'dawk id-djar fejn meta jmorru bil-vot ma jsibux il-persuni hekk reġistrati f'dik id-dar, biex l-istess persuni jkunu nfurmati bil-fatt li min kien responsabbli fil-fatt kien mar bil-vot iżda ma sab lil ħadd fil-post partikulari, fil-ħin li fih kien mar fil-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-proċedura li tintuża fiċ-ċirkustanza indikata fil-Mistoqsija hi li titħalla nota mill-uffiċċjal inkarigat mit-tqassim tad-dokumenti għall-votazzjoni.

San Pawl il-Baħar — skemi ta' għajnuna

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33029, jista' l-Ministru jgħid jekk it-talbiet li ma ġewx aċċettati għadhomx qed jiġu kkunsidrati jew le? Jekk le, dawk involuti għad jistgħu japplikaw għal xi forma ta' skemi oħra li għad jistgħu joħorġu?

Response (DEMARCO, MARIO)

It-talbiet li ma ġewx aċċettati ma kellomx sucċċess fil-proċess tal-evalwazzjoni li issa hija magħluqa. Għalhekk m’għadhomx qed jiġu kkunsidrati għall-iffinanzjar. Kull sejħa hija separata u dawn l-applikanti jistgħu jerġgħu jitfgħu applikazzjoni ġdida taħt sejħa oħra. Hemm possibilta li jkun hemm ir-raba’ sejħa taħt din l-istess skema. Din isseħħ biss jekk ikun hemm ammont ta’ flus li jiġu mfaddla mis-sejħiet ta’ qabel. Applikanti li għandhom proġetti ta’ turiżmu sostenibbli li għadhom ma ġewx mibdija jistgħu japplikaw.

Talbiet ta' bdiewa ħabba ħsarat bil-maltemp

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru aċċettax talbiet minn bdiewa li marru biex jirrapurtaw ħsarat li seħħew wara l-aħħar maltempati, kemm minħabba x-xita kif ukoll minħabba l-irjieħat qawwija li kien hemm waqt l-istess maltempati? Jekk kien hemm struttura li tilqa' tali talbiet, kemm kien hemm bdiewa li rreġistraw it-talbiet tagħhom? Jekk ma kienx hemm struttra biex tilqa' dawn it-talbiet għaliex seħħ dan u jista' jirrimedja din is-sitwazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment bħal ma ġara qabel dejjem laqa’ rapporti simili minn għand il-bdiewa mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm xi struttura partikolari. Preżenetment l-informazzjoni miġbura għadha qiegħda tkun analizzata u evalwata.

Arranġamenti mal-kunsilli lokali waqt attivitajiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33025, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm, meta u għal-liema attivitajiet saru l-arranġamenti msemmija fil-lokalitajiet ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Imġarr u l-Mosta fil-perjodu msemmi cioè Ottubru 2011 sal-15 ta' Marzu 2012? F'dawn il-każijiet, kien hemm kordinazzjoni mal-kunsilli lokali rispettivi diversi f'dawn l-attivitajiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta’ statistika.