Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jista' individwu jkollu l-approvazzjoni biex ikollu reserved parking bay li mhux intiza għall-użu ta' persuna b'diżabilità? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk Transport Malta għandhiex bżonn tapprova tali reserved spaces qabel ma jkunu jistgħu jinżebgħu fil-post?
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru: 31759, ninsab infurmat li Transport Malta tikkunsidra talbiet għal parkeġġi riżervati fuq talbiet li jsiru mill-individwi rispettivi fil-każ ta' toroq arterjali u distributorji u fuq talbiet li jsiru mill-kunsill lokali rispettiv fil-każ tat-toroq l-oħrajn. Jiġu wkoll ikkunsidrati talbiet li jsiru mill-Kummissarju tal-Pulizija għal raġunijiet ta' sigurta'. Kull talba għal parkeġġ riżervat trid tiġi approvata minn Tranpsort Malta qabel ma din tiġi mplimentata.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma r-raġunijiet li għalihom it-triq ta' wara l-Knisja tal-Karmnu, f'San Pawl il-Baħar, ma saritx minkejja li kellha ssir numru ta' xhur ilu? Min ressaq oġġezzjonijet ma' Transport Malta biex dan ix-xogħol ma jsirx? X'inhi l-pożizzjoni ta' Transport Malta dwar dawn l-oġġezzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija Xagħra tal-Bandieri, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Din it-triq għandha problema biex tinbeda minħabba l-fatt li hemm talba ta’ terzi persuni li t-triq hija art privata. Għaldaqstant, din it-talba trid tiġi verifikata qabel ma jkunu jistgħu jinbdew ix-xogħlijiet.
San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar, u Trejqet Għar Berbaħ - bini tat-toroq
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'qed iżomm lil Transport Malta milli tibda l-proġett tal-bini ta' Triq is-Simar, u Trejqet Għar Berbaħ, fix-Xemxija, San Pawl il-baħar? Meta ħarġu t-tenders għal dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jkun jiswa l-istess xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fi Triq Għar Beraħ, San Pawl il-Baħar ma setgħux jinbdew minħabba l-fatt li Triq Simar ma kinitx miftuħa. Issa li din it-triq infetħet, ix-xogħlijiet se jinbdew fil-jiem li ġejjin. Dawn ix-xogħlijiet se jiswew madwar € 34,342.52. Fir-rigward ta’ Triq Simar, San Pawl il-Baħar, Transport Malta qed tagħmel ix-xogħol preparatorju rigward il-proċess tat-tender.
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jipprova jikkordina mal-operatur tal-Arriva, biex waqt li l-karozzi jkunu qed jistennew fil-vened tagħhom, ma jħallux il-magni tagħhom mixugħlin, b'mod partikulari fis-siegħat bikrin ta' filgħodu u tard filgħaxija, (per eżempju qabel is-7.00 ta' filghodu u wara l-10 ta' bil-lejl, jew xi ħin ieħor sodisfaċenti), għaliex dan qed ikun ta' inkonvenjenza kbira għal dawk li joqogħdu fl-inħawi tal-istess vened? Jista' b'mod partikulari jara li din is-sistema tiġi ntrodotta fil-venda ta' Buġibba/Qawra?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-operatur adotta proċedura li karozzi tal-linja ma jinżammux mixgħula meta tkun wieqfa għal aktar minn erba’ minuti.
Infurmat ukoll li madwar 80% tal-flotta għandhom sistema fejn il-makna tal-vettura tintefa awtomatikament meta vettura tkun wieqfa għal aktar minn erba` minuti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-standards li jridu jiġu segwiti meta jkunu se jsiru ż-zebra crossings? Jista' jagħti tagħrif dwar fejn għandhom jitpoġġew is-sinjali (zigzag signs li jkun hemm fl-inħawi tal-istess zebra crossing)? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn is-sinjali humiex obbligatorji għal kull crossing ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tabelli u sinjali ta' zebra crossing għandhom ikunu skont l-istandards Ewropej hekk kif stabbiliti fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.57. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument maħruġ minn Transport Malta li juri l-bażi ta' dawn l-istandards u li juru fejn għandhom jitpoġġew il-marki taż-zig zag. Dawn it-tabelli u sinjali huma obbligatorji għal kull zebra crossing.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq arterjali li kienu approvati biex isiru bħala parti mit-Ten T's, l-ewwel darba li dawn kienu approvati? X'bidliet saru minn dawn l-ewwel programm sal-lum? X'inhi r-raġuni għaliex dawn il-bidliet daħlu fis-seħħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li huma mistennija li jitlestew matul din is-sena fl-inħawi ta' Kennedy Grove u s-Salina, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-proġett ghar-riabilitazzjoni tas-Salini inbeda u dan għandu jitlesta sa Settembru 2013. Bħalissa ix-xogħol għaddej b'ritmu mgħaġġel u qed isir ir-restawr tax-Ximenes Redoubt, ir-restawr tal-ħitan madwar is-salini u dalwaqt jinbeda il-bini tat-tinet tal-injam simili ta dawk li kien hemm f' qagħda ħażina ħafna ftit ta żmien ilu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija b'xi mod investigatx ir-rapporti li kien hemm riċentament fil-gazzetti Maltin u cioè li l-Coast Road minn San Ġiljan sa San Pawl il-Baħar qed tiġi użata għal tlielaq tal-karozzi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tinvestiga r-rapport imsemmi mill-Onorevoli Interpellant u anke ser issaħħaħ il-preżenza tagħha fit-triq imsemmija.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija għandiex rapporti formali tas-sewqan esaġerat li allegatament qed isir fid-dawra tal-Qawra? Jekk iva, kemm saru rapporti formali dwar dan u meta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli ma jirriżultax li saru xi rapporti lill-Pulizija dwar sewqan esaġerat fid-dawra tal-Qawra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien it-tul ta' mains tal-ilma li nbidlu matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena? F'liema lokalitajiet tas-7, il-11 u t-12-il Distrett Elettorari saru bidliet minn dawn il-mains?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tul ta’ mains tal-ilma li nbidlu matul l-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena jammontaw għal total ta’ 33.8Km, li 10.5Km minnhom inbidlu fis-7, 11 u 12 –il distrett kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawk it-toroq fil-lokalitajiet tat-12 id-distrett elettorali li għad m'għandhomx mains tad-drenaġġ/ilma, b'mod permanenti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
San Pawl il-Baħar — toroq li għandhom bżonn it-tarmac
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32296 partikularment għall-fatt li din it-triq għad m'għandhiex 70% tagħha li hi mibnija, u billi l-bini li hemm f'din it-triq hu kważi kollu mibni mill-Awtorità tad-Djar, jista' l-Ministru jikkordina l-ħidma neċessarja ma' din l-istess awtorità, biex ma nħallux persuni li ngħataw fejn joqogħdu mill-gvern innifsu ma jkunux jistgħu jidħlu f'darhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Makkinarju bix jinqara speed fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar u tal-Imrieħel
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu r-riżultati miksuba mill-makkinarju li ntuża biex jaqra l-ispeed tal-vetturi li jkunu għaddejjin mit-toroq tagħna meta dan il-makkinarju ntuża fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, u f'dik tal-Imrieħel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mill-istudju li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant, Transport Malta sabet li l-ispeed cameras inaqqsu l-veloċità medja tal-vetturi u jnaqqsu wkoll in-numru ta vetturi li jsuqu b'veloċità eċċessiva. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra charts bir-riżultati dettaljati.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34093, jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' kawżi li ilhom pendenti għal iktar minn 50 sena?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Qorti Ċivili ta’ Malta:
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li quddiem il-Qrati Ċivili hemm kawza waħda biss li ilha aktar minn ħamsin sena u li kienet saret referenza għaliha fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 34093 dik li ilha mis-sena 1931.
Qorti Kriminali:
Quddiem il-Qrati ta’ Gurisdizzjoni Kriminali m’hemm, ebda kawza li ilha aktar minn 50 sena pendenti.
Qorti ta’ Għawdex:
B’referenza ghal-mistoqsija parlamentari tal-Onor. Membru jigi sottomess li quddiem il-Qrati ta’ Għawdex hemm kawza wahda biss li ilha aktar minn ħamsin sena pendenti li kienet preżentata fis-sena 1958.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentement in-numru ta' applikanti għal residenza alternattiva, madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar kif dawn l-applikazzjonijiet huma maqsuma lokalità lokalità?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, flimkien mal-Ministeru responsabbli mill-Artijiet hux qed jippjana li jkun hemm xi forma ta' deċiżjoni għal dawk li huma tined (jew umbrellel) li jistgħu jintużaw mill-istabilimenti kummerċjali fl-inħawi ta' Buġibba u l-Qawra (u f'postijiet oħra wkoll), biex dawn l-istabilimenti jkunu jistgħu jaqdu aħjar lill-klijenti tagħhom?
Response (DEMARCO, MARIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li preżentement qed jitħarrġu biex jingħaqdu mal-Forzi Armati ta' Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li preżentament hemm disa’ uffiċjali kadetti li qegħdin jitħarġu mal-Forzi Armati ta’ Malta sabiex fi tmiem it-taħriġ bażiku tagħhom jiġu kkummissjonati biex iservu bħala uffiċjali fl-istess Forza.
Mill-banda l-oħra bħalissa qed isiru l-eżamijiet mediċi ta’ dawk il-ħamsa u tmenin kandidat li għaddew mill-eżami tas-suldati u li huma mistennija jingħaqdu mal-Forzi ta’ Malta hekk kif ir-riżultati mediċi jsiru magħrufa.
Kummissjoni Elettorali — nuqqas ta' tqassim tal-voti fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kummissjoni Elettorali waslitx għal xi konkluzjoni partikulari għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' tqassim tal-voti fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali ta' Marzu li għadda? Jista' jieħu l-passi neċessarji (naturalment fil-limiti li tippermetti l-liġi) biex jiġi assigurat li fil-jiem li dawk li ma jkunx twasslilhom il-vot fir-residenza tagħhom, u jkunu jridu jiġbru l-vot mill-għassa tal-lokal ikollhom ħin adegwat biex jagħmlu dan, peress li huma bosta l-persuni li kellhom diffikultà biex jirċievu/jiġbru l-vot tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kummissjoni Elettorali, wara kull proċess elettorali, tieħu konjizzjoni tat-twettieq tal-proċessi kollha involuti, u għamlet hekk ukoll fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali f’Marzu li għadda, biex, fejn hu meħtieġ u possibli, ikun hemm titjib fil-proċess ta’ attivitajiet simili fil-futur, dejjem fl-ambitu tal-liġijiet elettorali.
Fost ħwejjeġ oħra, il-Kummissjoni Elettorali wkoll tagħmel l-almu tagħha biex votanti li ma jkunx tqassmilhom id-dokument għall-votazzjoni fir-residenza tagħhom, anke jekk ma jkun hemm ħadd fir-residenza tagħhom waqt it-tqassim, ikollhom ukoll okkażjoni u jkunu jistgħu jiġbru d-dokument għall-votazzjoni tagħhom mill-Għassa tal-Pulizija tal-lokal.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi restrizzjonijiet dwar in-numru ta' lotto offices li jistgħu jiftħu, f'Malta u f'Għawdex, bħala riżultat tal-ftehim li hemm bejn il-gvern u l-kumpanija li tmexxi l-lottu f'Malta? Jekk iva, x'tip ta' restrizzjonijiet jeżistu f'dan ir-rigward?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi taħt il-liċenza kurrenti, l-operatur jista’ jiftaħ sa massimu ta’ 230 banka tal-lottu.
Ir- Restrizzjonijiet li hemm għal ftuħ ta’ banka tal-lottu huma li s-seller irid ikun idoneu u jkollu permess biex jopera banka tal-lottu mogħtija mill-Awtorita’ dwar il-Lotteriji u Logħob. Kull banka tal-lottu ġdida trid tkun ta’ l-anqas 50 metru kwadru.
Billi hu maghruf li għal bosta snin Malta kellha tjur u annimali li wieħed jista' jqishom li huma tipiċi ta' Malta, li iżda matul is-snin jew inqerdu għal kollox, jew kważi nqerdu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi forma ta' informazzjoni fuq it-tjur/annimali li huma meqjusa bħala tipiċi Maltin? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi kuntatti ma' pajjiżi oħra, partikularment, ma' gżejjer oħra fejn jista' jkun li għad hemm jitkabbru annimali/ tjur tipikament Maltin, wara li dawn ittieħdu hemm snin twal ilu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.