Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'applikazzjonijiet u minn min (privat jew gvern) saru dawn l-istess applikazzjonijeit mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Xi żviluppi kienu proposti minn dawn l-applikazzjonijiet?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddilna iktar informazzjoni, bħal jispeċifika liema perjodu trid tkopri r-risposta, biex b'hekk l-Awtorita' tkun tista' twieġeb aħjar din il-mistoqsija.
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jinvestiga l-possibilità li l-linja kontinwa bajda li hemm fuq il-bridge tal-Mistra, tinbidel f'waħda li tkun tippermetti li jkun hemm overtaking (almenu f'partijiet minnha), għaliex huma bosta s-sewwieqa li qed jinqabdu wara trakkijiet kbar, u/jew jiksru l-liġi, jew jibqgħu għal ħin twil wara dawn l-istess trakkijiet, bi frustrazzjoni kbira għalihom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-linja tan-nofs tal-karreġġjata ta' fuq il-pont tal-Mistra hi kontinwa għal raġunijiet ta' sigurtà minħabba li l-linji ta' viżibilita' u l-wisa` tat-triq ma jippermettux li vettura taqla’ vettura oħra b'mod sikur.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet minn kunsilli lokali, bejn April 2011 u April 2012, biex jiġu stabiliti parking areas bi ħlas fil-lokalitajiet tagħhom? Liema kienu dawn il-kunsilli u kemm mit-talbiet ġew milqugħa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi hemm talba waħda mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. Din għadha pendenti wara li tressqet lit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma r-reġjuni (skont l-att dwar il-kunsilli lokali) li għandhom vaganzi għal xi impjegati li suppost hemm magħhom? F'kull każ kemm ilhom vakanti dawn il-postijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li hemm vakanza waħda fil-Kumitati Reġjonali Ċentrali għal skrivan fi Skala 15. Saret sejħa nterna biex timtela’ din il-vakanza skont ir-Regolamenti tar-Riżorsi Umani tal-Kunsilli Lokali. Il-Kumitat Reġjonali konċernat għamel is-sejħa wara li ħass il-ħtieġa li jkollu skrivan hekk kif elenkat f’Memo 7/2012 tal-25 ta’ Jannar, liema Memo qed inqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema inizjattivi qed jitħaddmu miċ-Ċivil, biex persuni li huma mpjegati mal-gvern ikunu jistgħu jaħdmu, kemm mid-dar, kif ukoll on reduced hours, biex filwaqt li jlaħħqu mal-bżonnijiet tal-familji tagħhom, ikunu jistgħu, fl-istess ħin, ikomplu jaħdmu u jaqilgħu l-flus għall-ħteġijiet differenti li jista' jkollhom? Kemm minn dawn il-persuni huma rġiel u kemm huma nisa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fost il-miżuri favur il-familja li ħa dan il-Gvern li qed jitħaddmu fis-Servizz Pubbliku, t-telework u skedi b’sigħat imnaqqsa jippermettu lill-uffiċjali pubbliċi li jkomplu jsibu bilanċ aħjar bejn id-dmirijiet u l-bżonnijiet tax-xogħol u tal-familji tagħhom. Ninsab infurmat li bħalissa hemm 555 impjegat fis-Servizz Pubbliku li qed jaħdmu bit-telework, li minnhom 497 huma nisa u 58 huma rġiel. In-numru ta’ impjegati li jaħdmu fuq skeda b’sigħat imnaqqsa jlaħħaq id-918, li minnhom 859 huma nisa u 59 huma rġiel.
Awtorità tad-Djar — Użu ta' bini residenzjali - skemi marbutin ma' restawr
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi marbutin mar-restawr, għal skop ta' użu mill-ġdid ta' bini residenzjali qed jiġu mħaddma bħalissa mill-Awtorità tad-Djar? Kemm kien hemm talbiet għal dawn l-iskemi, f'liema lokalitajiet, bin-numru ta' kull lokalità, u kemm ibbenefikaw s'issa?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-limsemmija skema ma titħaddimx mill-Awtorità tad-Djar.
Transport Malta — policy ta' resident parking scheme
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslet Transport Malta biex tistabbilixxi policy nazzjonali dwar resident parking scheme fid-diversi lokalitajiet li għandna f'Malta u Għawdex? Billi l-fatt li ma teżistix din il-policynazzjonali qed twassal għal bosta kritika mil-lokalitajiet fejn mhemmx din l-iskema, u ukoll akkużi minn inħawi oħra, jista' jara li din il-policy titfassal kemm jista' jkun malajr?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta għandha qafas regolatorju għal Residents Parking Schemes u qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Investigazzjoni fuq allegat korruzzjoni fi sports lokali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija hix qed tinvestiga xi allegazzjoni partikolari għal dak li jikkonċerna allegata korruzzjoni f'xi sports lokali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent il-Pulizija qed tinvestiga allegazzjonijiet ta' korruzzjoni relatati mal-futbol.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet ta' persuni li nqabdu jiksru r-regoli ta' kaċċa matul l-istaġun li għadu kif intemm?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ta' din is-sena kien hemm 71 persuna li nqabdet mill-Pulizija bi ksur tar-regolamenti relatati mal-kaċċa.
San Pawl il-Baħar — persuni li twaqqu mill-pulizija ħabba overspeeding
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet ta' persuni li twaqqfu mill-pulizija, minħabba overspeeding fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kien hemm 19-il sewwieq li ġie mħarrek mill-Pulizija fuq sewqan eċċessiv fil-by pass, ta' San Pawl il-Baħar.
San Pawl il-Baħar — Transport Malta - loading u unloading bays
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' loading/unloading bays li huma awtorizzati minn Transport Malta, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Għal liema skop huma awtorizzati, fejn jinsabu dawn il-bays li huma hekk awtorizzati u f'liema toroq huma awtorizzati?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-kaxxi tal-parkeġġ għall-użu ta' ħatt u tagħbija ta' merkanzija ġew awtorizzati sabiex distributuri tal-merkanzija jkollhom post sikur fejn jgħabbu u/jew iħottu l-merkanzija mill-ħwienet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' tali kaxxi li ġew approvati fit-toroq li jinstabu fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar skont kif irriżulta mill-arkivji ta' Transport Malta.
Transport Malta — numru ta' enforcements kontra kunsill lokali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' enforcement li ħarġet Transport Malta, kontra l-kunsill lokali, matul din is-sena? Kontra liema kunsill ħarġu dawn l-enforcements u x'kienu r-raġunijiet għal dawn l-istess enforcements? Kemm kunsill ħadu l-pass neċessarji biex dawn l-enforcements jiġu mneħħija?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li matul din is-sena ma ġie stabbilit l-ebda stat ta' nfurzar kontra l-ebda kunsill lokali iżda nħarġu numru ta' notifiki lil diversi kunsilli lokali li, fil-maġġoranza tagħhom, irregolaw ruħhom fiż-żmien stipulat fl-istess notifiki.
San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl - zebra crossing
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga l-possibilità li ż-zebra crossing li hemm fi Triq San Pawl, San Pawl il-Bahar fejn ir-roundabout ta' ħdejn il-latrina tax-Xemxija tiġi mċaqalqa minn fejn hi, għaliex qiegħda tkun ta' periklu kemm għal dawk li jaqsmu minn dawn l-inħawi kif ukoll għas-sewwieqa li jkunu ġejjin lejha (b'mod partikulari mid-direzzjoni tax-Xemxija)?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
San Pawl il-Baħar — toroq li għandhom bżonn it-tarmac
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32296 partikolarment għall-fatt li din it-triq għad m'għandhiex 70% tagħha li hi mibnija, u billi l-bini li hemm f'din it-triq hu kważi kollu mibni mill-Awtorità tad-Djar, jista' l-Ministru jikkordina l-ħidma neċessarja ma' din l-istess awtorità, biex ma nħallux persuni li ngħataw fejn joqogħdu mill-gvern innifsu ma jkunux jistgħu jidħlu f'darhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Awtorità tad-Djar — talbiet ta' residenza alternattiva
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tad-Djar hux se tipprova tindirizza b'mod speċifiku l-ħteġijiet li jirriżultaw mit-talbiet ta' residenza alternattiva, b'xi skemi parikulari għal iktar lokalitajiet li għadhom talbiet pendenti għal tali talbiet, u b'mod specifiku għal dawk li huma l-bżonnijiet ta' tali talbiet li qed jirriżultaw fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, u dan kif joħroġ minn domanda parlamentari riċenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar nediet Skema Kiri sabiex tissodisfa t-talbiet għal residenza alternattiva b’mod iktar immedjat madwar Malta u Għawdex. L-awtorità sallum laqgħet 121 applikazzjoni mil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Burmarrad.
MEPA — każijiet ta' applikanti li ntalbu jagħmlu garanzija fuq bankini
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet fejn applikanti għall-iżvilupp intalbu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jagħmlu garanziji minħaba li kien se jsir żvilupp li jista' jaffetwa l-bankini u dan għas-snin 2010 - 2011 f'San Pawl il-Baħar, Mellieħa, u n-Naxxar, f'kull lokalità separatament sena b'sena?
Response (DEMARCO, MARIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Billi fil-bypass tan-Naxxar (bejn t'Alla u Ommu u l-Iklin) qed ikun hemm numru ta' inċidenti tat-traffiku, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fuq iż-żewġt naħat tat-triq ikun hemm crash barriers li jifirdu l-bypass mit-toroq ta' quddiem ir-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
Buġibba u Qawra — Serq u tkissir ta' tabelli pubbliċi
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti ta' tkissir/serq ta' tabelli pubbliċi, matul l-aħħar jiem, mill-inhawi tal-front ta' Buġibba/Qawra? Jekk kien hemm, x'tip ta' tabelli kien rappurtat li kienu mkissra/misruqa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li saru xi rapporti lill-Pulizija dwar tkissir jew serq ta’ tabelli mill-inħawi ta’ Buġibba / Qawra matul dawn l-aħħar jiem, ċioe’ mill-1 sas-17 ta’ Mejju 2012.
San Pawl il-Baħar — ċitazzjonijiet ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu ċitazzjonijiet nhar il-Ħadd 13 ta' Mejju 2012, kemm mill-wardens, kif ukoll mill-pulizija, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, għal dawk li huma kontravenzjonijiet tat-traffiku?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' ċitazzjonijiet ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku li nħarrġu il-Ħadd 13 ta' Mejju 2012 kien ta' 58, 35 mill-Wardens u 23 mill-Pulizija.