Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #36774 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali tas-7 distrett elettorali — sejħiet għall-works managers

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tas-7 distrett elettorali ħarġu sejħiet għall-impjieg ta' works manager bejn l-1 ta' April 2012 u t-30 ta' Settembru 2012? Xi kwalifiki speċifiċi kienu mitluba minn dawk li setgħu jikkwalifikaw għal dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ebda Kunsill Lokal rispettiv ma ħareġ sejħa kif staqsa’ l-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #36775 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali tal-11-il distrett elettorali — sejħiet għall-works managers

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tal-11 -il distrett elettorali ħarġu sejħiet għall-impjieg ta' works manager bejn l-1 ta' April 2012 u t-30 ta' Settembru 2012? Xi kwalifiki speċifiċi kienu mitluba minn dawk li setgħu jikkwalifikaw għal dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ebda Kunsill Lokal rispettiv ma ħareġ sejħa kif staqsa l-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #36638 Sitting 504 2012-10-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsill lokali — xiri ta' servizzi u prodotti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali jistgħux jixtru servizz jew prodott mingħand persuni li għandhom kuntratti ma' xi dipartiment tal-gvern, bil-prezz tat-tender tal-gvern, sakemm tali kunsill lokali jħallas hu għas-servizz jew prodott li jixtri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skont Artiklu 39 tal-Liġi dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) Kunsill Lokali “għandu jagħti b’kuntratt u joħroġ għall-kompetizzjoni kull waħda mill-funzjonijiet mogħtija lilu kemm il-darba dawk il-funzjonijiet ma jkollhomx isiru minn xi wieħed mill-membri tiegħu stess, xi persuna mpjegata skont l-artikoli 52 u 53 jew minn xi Kunsill ieħor li jkun ħareġ jew li jkun se joħroġ il-qadi ta’ dawk il-funzjonijiet għal kompetizzjoni.” Għaldaqstant Kunsilli Lokali ma jistgħux jixtru servizz jew prodott mingħand persuni li għandhom kuntratti ma’ xi dipartimenti tal-Gvern bil-prezz tat- tender tal-Gvern.

sentenzi mhux mogħtija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx kawżi li ilhom li tħallew għas-sentenza iktar minn ħames snin, iżda s-sentenza għadha xorta waħda ma ngħatatx? Kemm hemm minn dawn il-kawżi?

Response (SAID, CHRIS)

Qrati Civili u Tribunali Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li quddiem il-Qrati Civili hemm 235 kawza li ilhom aktar minn hames snin ghas-sentenza. Qorti Kriminali Malta: Quddiem il-Qrati ta’ Gudikatrura Kriminali (Malta) hemm 14-il kawza li ilhom li thallew ghas-sentenza iktar minn hames snin. Qorti ta’ Ghawdex: Fil-Qorti ta’ Ghawdex m’hawnx kawzi li thallew ghas-sentenza ghal iktar minn hames snin.

San Pawl il-Baħar — xogħlijiet ta' natura żgħira

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm xogħlijiet ta' natura żgħira li saru matul l-aħħar tlett xhur, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, minn dipartiment li jaqgħu taħt il-Ministeru? Min ressaq it-talbiet għal dan ix-xogħol u b'liema mod? Min ħallas għall-istess xoghol jekk sar? X'fadal pendenti mit-talbiet li saru sa issa, f'dan il-perjodu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar tlett xhur, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, id-Dipartimenti fi ħdan dan il-Ministeru wettqu xogħolijiet minuri kif ġej: 1. Tiswija ta’ moll, pjattaformi u kolonni tal-konkrit li jgħattu spazju pubbliku fejn jitpoġġew dgħajjes fiż-żona magħrufa bħala Tal-Fekruna. Dan ix-xogħol intalab mill-Kunsill Lokali. L-ispiża għal dan ix-xogħol inqasam bejn il-Kunsill Lokali li pprovda l-materjal meħtieġ u dan il-Ministeru li pprovda il-ħaddiema b’nefqa għal dan ta’ l-aħħar tleħħaq elf sitt mija u tmenin Ewro (€ 1,680). 2. Demolizzjoni ta’ pjattaforma tal-konkos u bini ta’ ħitan tal-bricks fil-Club tal-Boċċi fiż-żona magħrufa bħala Tax-Xama. Dan ix-xogħol, li għadu għaddej, kien imbeda fuq inizjattiva ta’ dan l-istess Minsiteru u s’issa sew madwar tmint elef tmin mija u ħmistax-il Ewro (€8,8015). 3. Fuq talba tal-Kunsill Lokali, bejn il-15 ta’ Lulju u it-12 ta’ Settembru li għaddew, twettaq programm ta’ ħasil tal-promenade li tinstab bejn iż-żona magħrufa bħala tal-Gillieru sa ż-żona ħdejn l-Amazonia. L-ispiża għal dan ix-xogħol se titħallas minn kumpanija privata (Green MT) li wara li evalutat l-istima tax-xogħol, aċċettat li tisponsorja dan il-proġett u terfa’ r-reponsabbiltà tal-ħlas. 4. Tqegħid u tindif perjodiku ta l-fuq minn mitt kontenitur (bins) tul ix-xtutt u il-bajjiet u sistema ta’ tindif tal-bajjiet mill-alka. Dan isir bħala parti minn programm li-jkopri ix-xtut u bajjiet madwar Malta frekwentati mill-għawwiema. 5. Xogħol ta’ manutenzzjoni f’parti tat-triq fil-pjazza ta’ Buġibba li biż-żmien kienet niżlet wara talba mill-Kunsill Lokali.Dan ix-xogħol ġie mħallas mill MRRA wara li kien ħareġ tender. 6. Bħala parti mill-inizjattiva ta’ dan il-Ministeru, saret manutenzjoni u stallazzjoni għall-istaġun tas-sajf tal-funtana fil-baħar ta’ Buġibba. Barra dawn ix-xogħolijiet imsemmija, bħal ma jsir għal Lokalitajiet oħra, kien hemm ukoll kemm xogħolijiet li jagħmlu parti minn programm fuq skala nazzjonali, bħal per eżempju il-programm ta’ beach cleaning. Ukoll, saru numru ta’ interventi minuri li kienu jinkludu element ta’ saħħa u sigurtà fejn il-Kunsill Lokali ħallas għall-materjal waqt li d-Dipartiment offra il-fattura. Ninforma ukoll lill-Onor.Interpellant li ma baqax xogħol pendenti f’ talbiet li għamlet din il-Lokalita’.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhu mistenni li jitkompla x-xogħol li għad jonqos isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta, fi Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngharraf lil Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

studenti li qed jipprattikaw f'xi sptar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm preżentement studenti li qed jagħmlu korsijiet post graduate, fil-mediċina (oqsma differenti), u li qed jipprattikaw f'xi sptar tal-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qawra — karozzi fil-venda

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-karozzi tal-linja li jkunu fil-venda tal-karozzi tal-linja fil-Qawra jitfu l-magni tagħhom waqt li jkunu qed jistennew fl-istess venda, b'mod partikulari fis-siegħat bikrin ta' filgħodu għax qed ikunu ta' inkonvenjent kbir għal dawk li joqogħdu fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34384.
Leg 11 PQ #36635 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

San Pawl il-Baħar — Kunsill Lokali - theddid

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' theddid sar fuq il-ħaddiema tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, u dan skont rapport li deher fil-media lokali? Min kien involut f'dan it-theddid, u x'rapporti saru, ukoll jekk minn individwi mhux mill-kunsill lokali, dwar l-istess theddid? X'investigazzjoni għamlet il-pulizija, jekk dan it-theddid ġie rappurtat lill-istess pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-inċident li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant seħħ fit-28 ta’ Settembru 2012. Mill-informazzjoni li kiseb id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġie allegat li f’xi ħin il-kunsillier Raymond Tabone kkonfronta lill-membri tal-istaff tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. L-istaff involut kiteb lid-Direttur għall-Gvern Lokali dwar l-inċident. Infurmat li l-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment qed jistħarreġ il-każ. Intant infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-materja ser tkun ukoll diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Lokali.
Leg 11 PQ #36636 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsill Lokali — tender

Question

Billi kunsill lokali jibdel drastikament il-mod ta' kif suppost titħaddem tender għal servizz li tkun ingħatat a bażi ta' dokument partikulari, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dak il-kunsill ibiddelx il-hteġijiet tat-tender mingħajr ma jerga' joħroġ tender oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant sabiex, jekk hu infurmat b’xi każ jew każi partikolari, jgħaddi l-informazzjoni lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex dan ikun jista’ jistħarreġ.
Leg 11 PQ #36637 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli Lokali — għoti ta' direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali jagħmilx xi investigazzjoni dwar l-ammont ta' direct orders li jingħataw minn kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jistħarreġ kull ħaġa li tkun tidher fil-minuti tal-laqgħat u l-iskedi tal-pagamenti tal-kunsilli u li possibilment tista’ tkun irregolari. Dan allura jinkludi wkoll direct orders li jaqbżu l-limitu legali. Intant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex, jekk hu nfurmat b’xi każ jew każi partikolari, u allura qiegħed jalludi għalihom, jgħaddi l-informazzjoni kollha li għandu lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex dan ikun jista’ jistħarreġ.

importazzjoni ta' inbid

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta' inbid li ġie importat f'Malta matul l-ewwel għaxar xhur tal-2011? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dan l-inbid ġie Malta minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni sal-aħħar tal-2011 mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

importazzjoni ta' xorb alkoħoliku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta' xorb alkoħoliku li ġie importat f'Malta (jew inġieb għas-suq Malti) matul l-2010 u matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Buġiba u Qawra — tined u umbrelel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, flimkien mal-Ministeru responsabbli mill-Artijiet hux qed jippjana li jkun hemm xi forma ta' deċiżjoni għal dawk li huma tined (jew umbrelel) li jistgħu jintużaw mill-istabilimenti kummerċjali fl-inħawi ta' Buġibba u l-Qawra (u f'postijiet oħra wkoll), biex dawn l-istabilimenti jkunu jistgħu jaqdu aħjar lill-klijenti tagħhom?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-użu ta' tined u umbrellel li jistgħu jintużaw mill-istabliminenti kummerċjali jistgħu jiġu kkunsidrati bħala permessibli skond Klassi 14 u 15 tal-Ordni ta’ l-2007 dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp, Avviż Legali 115 ta' l-2007. Fil-każ li l-applikazzjoni tinvolvi art pubblika bħal bankina jew promenade jkun hemm bżonn il-kunsens tad-Dipartiment tal-Artijiet. F’każijiet fejn hemm talba sabiex il-bankina titwessa għal ġot-triq, ikun hemm bżonn il-kunsens tat-Trasport Malta. Fil-każ tal-Awtorita’ ta’ Malta tat-Turiżmu, din ma toħroġx permessi għall-umbrellel u canopies iżda biss għas-siġġijiet u mwejjed.

toroq mingħajr mains tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawk it-toroq fil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali li għad m'għandhomx mains tad-drenaġġ/ilma, b'mod permanenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-network tad-drenaġġ ma jestendix sat-toroq imsemmija fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li n-network ta’ l-ilma jkopri t-toroq kollha residenzjali ħlief fit-tnax il-distrett elettorali fi tlett toroq ta’ hawn taħt fejn il-main huwa temporanju. a) Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl il-Baħar b) Triq Għajn Astas, San Pawl il-Baħar c) Triq l-Insolja, Burmarrad

policies dwar garaxxijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34051, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali humiex marbuta li josservaw l-istandards indikati, kemm dawk tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll dawk tad-Direttorat tat-Toroq fi ħdan Transport Malta, meta jiġu biex jagħmlu xogħol fuq bankini? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta ħaditx xi passi fil-konfront ta' kunsilli lokali li m'osservawx dawn l-istandards?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kull min jagħmel xogħol fit-toroq, inkluż il-Kunsilli Lokali, huma marbuta li jimxu mar-rekwiżiti msemmija. L-Awtorita’ tinvestiga kull rapport li jidħol dwar ksur ta’ xi regoli jew kundizzjonijiet f’xogħlijiet ta’ toroq li ma jsirux direttament minnha. L-Awtorita’ ħadet passi kontra Kunsill Lokali.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Port Ruman - servizzi mgħoddija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Triq il-Port Ruman, f'San Pawl il-Baħar, għandhiex is-servizzi tas-drenaġġ u l-ilma mgħoddija fit-tul kollu tagħha, b'mod permanenti? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk matul l-aħħar ftit ġimgħat sarx xi xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'din it-triq?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li f’din it-triq, is-servizzi tad-drenaġġ u ilma huma mgħoddija fit-tul kollu ħlief għal biċċa żgħira fejn it-triq għadha mhix miftuħa. Il-bini f’din it-triq huwa moqdi kollu bis-sistema tad-drenaġġ kif ukoll tal-ilma. F’dawn l-aħħar ġimgħat ma sar l-ebda xogħol f’din it-triq.