Skola Primarja ta' San Pawl il-Baħar — bidliet demografiċi wara l-estensjoni
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk issa, wara li ġiet estiża l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, din l-iskola hux mistennija li tkun takkomoda l-bidliet demografiċi li seħħew, u li qed iseħħu f'San Pawl il-Baħar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Meta saret l-estensjoni din kienet ippjanata fuq il-popolazzjoni kurrenti u l-bżonnijiet li indikat l-iskola. S’issa ma waslet l-ebda talba għal aktar spazju. Id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi jibqa’ jistudja l-bidliet demografiċi f’din l-iskola u jieħu l-passi neċessarji.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru jinsistix mal-iskejjel primarji tal-gvern biex dawn l-istess skejjel jorganizzaw ħarġiet kulturali lejn il-bosta monumenti/tempji storiċi li għandna f'pajjiżna għaliex m'għandix dubju li l-parti l-kbira tal-Maltin li għandhom ċertu età qatt ma żaru dawn il-postijiet, u għalhekk it-tfal tagħna għandhom jingħataw opportunità li jagħmlu dawn iż-żjarat f'età żgħira, biex b'hekk ikunu jistgħu jibdew, minn kmieni jħobbu dawn il-postijiet, u japprezzawhom iktar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskejjel jistgħu jagħżlu biex jagħmlu żewġ zjarat għal kull klassi f’term skolastiku. L-iskejjel jagħżlu ħarġiet edukattivi marbutin mal-kurrikulu nazzjonali u dawn jinkludu postijiet storiċi.
Talbiet pendenti għad-Djar tal-Anzjani tal-Mellieħa u tal-Imtarfa
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet ta' anzjani li qed jistennew biex jidħlu fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa u f'dik tal-Mellieħa rispettivament? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-anzjani li qed jistennew biex jidħlu f'xi dar tal-anzjani jingħatawx xi preferenza jekk ikunu gejjin minn lokalità partikolari? Min liema lokalità huma dawk fil-waiting list?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Billi riċentement ħarġu dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom ġie indikat li ċertu mediċini li kienu qed jitneħħew mis-suq qatt ma ddaħħlu f'Malta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi forma ta' kontroll fuq mediċini li jiddaħħluu fis-suq Malti permezz tal-internet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li hemm qafas ta' regolamentazzjoni li jirregola il-prodotti mediċinali li jitpoġġew fuq is-suq permezz tal-katina ta’ provista awtorizzata biex b'hekk jiġu mħarsa l-konsumaturi li jixtru l-prodotti mediċinali mill-ispiżeriji. Ir-regolamentazzjoni tħares il-konsumatur mir-riskju ta' prodotti ffalsifikati u tgħin biex tiggarantixxi is-sigurta’ u l-kwalita' tal-prodotti. Hemm sistema ta' kontabilita' u b'hekk dawk il-prodotti li jkunu rrapurtati li ma humiex ta' kwalita’ tajba jinġabru minn fuq is-suq. Dan jiġri fil-katina ta’ provista kollha, sal-livell tal-ispiżeriji.
Meta konsumatur qed jixtri prodotti minn fuq l-internet qed jaqbeż dawn is-salvagwardji kollha li toffri s-sistema regolatorja u għalhekk jkun qed jieħu r-responsabbilta’ assoluta tal-prodott mediċinali li jkun qed jixtri.
Għalkemm legalment ma hemm xejn li jwaqqaf persuni milli jixtru prodotti mediċinali minn fuq l-internet, din il-prattika mhix rakommandata speċjalment jekk is-sors tax-xiri ma jkunx magħruf. Inħareġ fuljett ta' informazzjoni fuq ir-riskji tax-xiri tal-mediċini minn fuq l-internet u dan tqassam fid-djar, kien ħareġ artiklu fuq ir-revista l-Għażla kif ukoll saru diversi interventi fuq il-midja dwar dan is-suġġett.
Meta konsumatur iġib prodott medicinali bil-posta u dan il-prodott jindunaw bih id-dwana, il-konsumatur jintalab riċetta tat-tabib. Din il-prattika, għalkemm tiżgura li il-persuna konċernata ingħatat parir professjonali dwar il-medicina mixtrija u tista' tilqa' għal xi abbużi, iżda ma tindirizzax każijiet ta' problemi ta' kwalita' fil-prodotti.
Sa tiġi ppublikata liġi ġdida, konformi mad-direttivi Ewropej, li għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji ta' prodotti ffalsifikati milli jsibu ruħhom fuq is-suq permezz tal-katina ta' provvista legali, u fost l-oħrajn din il-liġi se tibda tirregola ukoll l-ispiżeriji li huma ibbazati fil-pajjizi Ewropej li jbigħu l-mediċini minn fuq l-internet.
Għaldaqstant il-parir tas-Sovintendenza tas-Saħħa Pubblika jibqa’ li ma għandomx jinxtraw medicini minn fuq l-internet.
Transport Malta — spezzjonijiet fuq street furniture
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-uffiċjali ta' Transport Malta jagħmlux xi spezzjonijiet fuq il-bosta street furniture li għandna madwar il-pajjiż biex jiġi assigurat li dawn, bħal sinjali tat-traffiku, traffic lights u bosta sinjali oħra ma jkunux ta' periklu għat-traffiku u l-persuni li jkunu għaddejjin mill-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Billi madwar il-pajjiż għandna eluf ta' arbli tad-dawl u tat-telephone, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tagħmilx xi xogħol ta' kordinazzjoni biex l-entitajiet li huma sidien ta' dawn l-arbli jassiguraw li fil-fatt l-arbli jkunu l-ħin kollu fi stat tajjeb?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tagħmilx traffic counts b'mod regolari fuq it-toroq tagħna, b'mod partikulari fuq dawk arterjali u distributorji, biex jiġi assigurat li jkollha l-aħħar informazzjoni dwar l-istess traffiku? Billi skont risposta parlamentari riċenti intqal li Transport Malta se ddaħħal xi forma ta' intelligent traffic management, jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk hux qed issir koordinazzjoni mal-pulizija dwar dan il-fatt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta tagħmel studji dwar il-volum tat-traffiku fuq it-toroq b'mod regolari. Infurmat ukoll li Transport Malta kienet tkellmet mal-pulizija rigward proġetti ta' Intelligent Traffic Management fejn il-pulizija spjegaw l-importanza li jkunu involuti fil-moniteraġġ tat-traffiku flimkien ma' Transport Malta.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn pulizija Għawdxin li qed iwettqu s-servizz tagħhom f'Malta? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk dawn il-pulizija jingħatawx xi preferenza biex jaħdmu kemm jista' jkun qrib Għawdex, minħabba l-inkonvenjenti ta' trasport, u tal-ħinijiet tax-xogħol tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 68 membru tal-Korp tal-Pulizija residenti Għawdex li jaħdmu Malta. Sakemm huwa possibli dawn jiġu stazzjonati fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, għajr għal dawk li huma stazzjoni fl-Iskwadri Speċjalizzati.
San Pawl il-Baħar — Triq Għajn Rażul - cables mal-faċċata tal-bini
Question
Billi fi Triq Għajn Rażul, San Pawl il-Baħar hemm cables li huma mdendli b'mod perikoluż mal-faċċata ta' bini li għadu kif tela', jista' l-Ministru jara li dawn l-istess cables perikolużi jitneħħew minn fejn qegħdin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
San Pawl il-Baħar — Triq Għajn Rażul - cables mal-faċċata tal-bini
Question
Billi fi Triq Għajn Rażul, San Pawl il-Baħar hemm cables li huma mdendlin b'mod perikoluż mal-faċċata ta' bini li għadu kif tela', jista' l-Ministru jara li dawn l-istess cables perikolużi jitneħħew minn fejn qegħdin?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi peress li l-Onor. Interpellant ma indika l-ebda indirizz fejn hemm il-cables perikolużi u wara investigazzjoni li għamlet il-Korporazzjoni Enemalta rriżulta li l-unika bini ġdid fit-triq li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hu "Gliding View". Kopja tar-ritratti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dawn il-
cables
mhumiex proprjetà tal-Korporazzjoni Enemalta.
San Pawl il-Baħar — ftuħ ta' għassa il-ġurnata kollha
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif l-għassa tal-pulizija f'San Pawl il-Baħar tista' tibda tkun miftuħa kuljum, kemm matul il-jum kif ukoll matul il-lejl?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun miftuħa regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm drabi jew ħinijiet fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xi doveri oħra barra mill-Għassa, bil-konsegwenza li l-Għassa jkollha tingħalaq temporanjament matul dak il-ħin.
Santa Venera — Regional Road - mmaniġjar tat-traffiku
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 37843 li kienet saret lill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferita lilu u cioè: Billi fil-ħinijiet ta' filgħodu u filgħaxija, (7:00am - 9:00am u 4:30pm - 7:00pm) qed ikun hemm problemi kbar tat-traffiku li qed jikkawżaw traffic jams esaġerati fil-bypass ta' Birkirkara, fil-mili ta' Santa Venera, Regional Road, u fejn il-Monument tal-Ħaddiem fl-Imsida, liema traffic jams qed iwasslu għal inkonvenzjenzi kbar għas-sewwieqa, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-problema tiġi rimedjata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi matul il-ħin tar-rush hour ta’ filgħodu kif ukoll ta’ filgħaxija, ġa qed ikun hemm pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku li jagħmlu ronda bil-mutur kemm fit-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, kif ukoll fit-toroq l-oħra prinċipali sabiex jissorveljaw l-andament tat-traffiku, kif ukoll sabiex jintervjenu jekk u kif ikun meħtieġ biex ineħħu kull inkonvenjent li jkun qed jostakola l-passaġġ liberu tal-vetturi fit-toroq. Pero’ wieħed irid japprezza illi n-numru ta’ vetturi fit toroq huwa dak li huwa u mhux dejjem ikun possibli għal pulizija li jeliminaw il-konġestjoni li dawn il-vetturi joħolqu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-camera li hemm imwaħħla fuq is-Saqqajja fir-Rabat/Imdina hiex waħda awtorizzata minn Transport Malta jew le? Jista' jgħid ukoll meta din il-camera ġiet istallata u minn min?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma toħroġx permessi għal surveillance cameras bħal dik li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari u lanqas ma' tistalla tali cameras.
Jista' l-Ministru jagħti tagġrif dwar il-mod ta' kif persuna li rċeviet iċ-cheque tas-sussidju (dak li jintitola żewġ persuni għall-€80 tal-elettriku) li iżda minflokk fuq l-isem tal-persuna kien indirizzat bħala the tenant u meta mar biex isarraf jew jiddepożita l-flus, il-bank qalulu li ma jistax la jsarraf u lanqas jiddepożita l-istess flus għaliex ma kienx fuq ismu, ikun jista' jingħata dak li fl-aħħar mill-aħħar hu tiegħu bħal ta' kull persuna oħra?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat li d-Dipartiment għamel il-verifiki neċessarji fir-rigward tal-ilment imsemmi iżda ma jirriżultax li ħarġu xi cheques indirizzati bħala the tenant.
Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli nterpellant sabiex jagħti aktar informazzjoni dwar il-benefiċċjarju.
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jikkunsidra l-possibilità li matul it-triq tal-Kosta (Coast Road) mis-Salina sa St. Andrews jitqegħdu crash barriers, li jipproteġu lis-sewwieqa mill-possibiltà li jaqgħa fuq il-blat jew taħt it-triq? Billi din it-triq hu mistenni li jsir investiment qawwi fiha, biex tiġi upgraded, jista' jikkunsidra li tali crash barriers jitwaħħlu fejn hemm l-ikbar problemi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi meta kienu qed jiġu mfassla l-pjanti tal-upgrading tal-Coast Road, ġew identifikati il-pożizzjonijiet fejn hemm l-ikbar riskji fejn wieħed jista’ joħroġ mil-linja tal-istess triq b’konsegwenza li jkun hemm ukoll riskju li jaqa’ xi għoli għax ikun hemm diżlivell konsiderevoli. Dawn il-pożizzjonijiet tul it-triq in kwistjoni ġew protetti permezz ta’ crash barriers biex dan ir-riskju jonqos b’mod li jtejjeb is-sigurta` tas-sewwieq b’mod effettiv. Minbarra hekk, ser ikun hemm ukoll sistema ta’ crash barriers installata bejn il-karreġġjati biex jonqos ukoll ir-riskju ta’ kolliżżjonijiet frontali fl-istess triq.
Billi fil-media dehru rapporti li l-Kunsill lokali ta' Ta' Sliema se jattiva l-iskema ta' parkeġġ għar-residenti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta biddlitx il-policies tagħha dwar l-istess skemi ta' parkeġġ? Jekk iva, kif se jiġi assigurat li talbiet oħra jiġu kkunsidrati? Minbarra hekk fejn m'hemmx talbiet pendenti bħalissa, xi proċedura se tiġi użata biex tali skemi jiġu introdotti f'lokalitajiet oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma' biddlitx il-policies tagħha dwar skemi ta' parkeġġ.
Transport Malta — xogħol fuq triq il-Port Ruman f'San Pawl il-Baħar
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar fiex waslu l-preparamenti ta' Transport Malta, f'dik li hi koordinazzjoni mal-entitajiet l-oħra tal-Gvern, biex jitkompla x-xogħol fuq triq il-Port Ruman f'San Pawl il-Baħar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-aħħar parti tat-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet inkluża fil-lista sottomessa din is-sena mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għal toroq residenzjali li baqgħalhom ijsiru f’din il-lokalità. It-toroq fil-lista sottomessa qed jiġu vverifikati minn Transport Malta sabiex jiġu kkunsidrati fil-programm tax-xogħlijiet li jmiss.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'qed iwassal biex ix-xogħol ta' kostruzzjoni fi Triq is-Simar f'San Pawl il-Baħar, mhux qed jitkompla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għadha mhiex iffurmata sew u għalhekk ir-responsabilta’ għadha f’idejn l-iżvilippaturi ta’ din it-triq. Madankollu, sabiex ittaffi l-inkonvenjent f’din it-triq, Transport Malta ħarġet sejħa għall-offerti għal engineering consultancy biex isir studju fuq il-materjal li jinstab f’din it-triq. Se jsiru wkoll jersey barriers f’parti ta’ din it-triq sabiex jitneħħa l-periklu li hemm.
Kunsilli lokali — applikazzjonijiet għaż-żabra tas-siġar
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali mis-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali kellhom applikazzjonijiet biex jożbru siġar fil-lokalità tagħhom? Liema applikazzjonijiet ġew deċiżi u kif? Liema għadhom pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (MARCO, MARIO DE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' Kunsilli Lokali fis-7, 11 u 12-il distrett elettorali li talbu permess għal żbir tul is-sena 2012.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhuma mqassma, lokal lokal, il-farms għat-trobbija tal-mogħoż/nagħaġ u fniek madwar Malta u Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li għar-rigward ta’ farms għat-trobbija tal-mogħoż/nagħaġ nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36007, ninfurmah li preżentement hemm reġistrati 64 farm għat-trobbija tal-fniek. Din ir-reġistrazzjoni hija meħtieġa fejn hemm dikjarati aktar minn ħamsin fenka.